ĠEW DISINJATI?
Il-forom tal-arzell
BIS-saħħa tal-arzell, il-molluski jkunu jistgħu jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna u jirreżistu l-pressjoni enormi taʼ qiegħ il-baħar. L-abbiltà tal-arzell li jagħti l-aqwa protezzjoni ispirat lill-inġiniera biex jistudjaw il-forma u l-istruttura tal-arzell. Dan għamluh bil-ħsieb li jiddisinjaw vetturi u bini li jkunu jistgħu jipproteġu lil dawk li jkunu fihom.
Ikkunsidra: L-inġiniera analizzaw żewġ forom taʼ arzell—l-arzell li għandu żewġ partijiet u li jinfetaħ u jingħalaq (bivalva) u dak li jdur fuqu nnifsu qisu garigor (spirali).
Fil-każ tal-arzell b’żewġ partijiet, instab li l-linji fuq in-naħa taʼ barra jidderieġu l-pressjoni li tiġi fuqhom lejn il-pern (li taħdem bħal ċappetta) u x-xfarijiet taʼ barra. B’kuntrast, it-tidwir taʼ barra tal-arzell li għandu forma taʼ garigor jidderieġi l-pressjoni lejn il-qalba u l-wiesaʼ taʼ fuq. Fiż-żewġ każi, il-forom tal-arzell tefgħu l-pressjoni fuq l-iktar partijiet b’saħħithom tagħhom, u dan ifisser li f’każ li jkun hemm ħsara, il-mollusk ikun iktar protett.
Ir-riċerkaturi għamlu testijiet ukoll biex iqabblu kemm jiflaħ pressjoni l-arzell naturali meta mqabbel maʼ arzell artifiċjali b’materjal simili. Dan l-arzell artifiċjali kellu l-forma taʼ emisferu (nofs tond) u kon li saru b’makkinarju 3-D (3-D printer). Ir-riżultat wera li l-wiċċ kumpless tal-arzell naturali kien jiflaħ kważi d-doppju tal-pressjoni meta mqabbel mal-forom artifiċjali.
Dwar din ir-riċerka, ir-rivista Scientific American tgħid: “Jekk xi darba tispiċċa ssuq karozza f’forma taʼ arzella, din se tkun kemm sabiħa u kemm disinjata biex tipproteġi lil min ikun hemm fiha.”
Int x’taħseb? Il-forom tal-arzell evolvew? Jew kienu disinjati?