Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Meta jseħħ diżastru—Passi li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet

Meta jseħħ diżastru—Passi li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet

“Splużjoni li riegħdet kull m’hemm kważi tefgħetni mal-​art. Minn fejn suppost toħroġ l-​arja, beda ħiereġ id-​duħħan, u l-​uffiċċju tagħna li kien fl-​għoli ħafna beda jaqbad.”—Joshua.

Terremot . . . uragan . . . attakk terroristiku . . . sparar fi skola. Dawn it-​termini spiss jidhru fl-​istejjer prinċipali tal-​midja. Ovvjament, hemm baħar jaqsam bejn li taqra dwar diżastru u bejn li tesperjenzah. X’tistaʼ tagħmel qabel, matul, u wara diżastru biex ikollok iktar ċans li tibqaʼ ħaj?

QABEL—KUN PREPARAT!

KULĦADD għandu mnejn jesperjenza xi diżastru. Il-​preparazzjoni tiegħek tistaʼ tħoll u torbot jekk tibqax ħaj. Imma x’jinvolvi li tkun ippreparat?

  • Kun ippreparat mentalment. Kun konxju li d-​diżastri jseħħu, u li int u l-​maħbubin tiegħek jistaʼ jkun li qegħdin f’riskju. Ikun tard wisq biex tipprepara wara li jseħħ diżastru.

  • Kun af dwar id-​diżastri li jseħħu fl-​akkwati tiegħek. Kun af fejn huma l-​postijiet taʼ kenn. Ara li l-​binja tad-​dar tiegħek u fejn tinsab ikunu bla periklu kemm jistaʼ jkun. Oqgħod attent minn affarijiet li jistgħu jqabbdu n-​nar. Pereżempju, sigaretti, xemgħat, sulfarini, jew heaters. U tħallix il-​borma fuq in-​nar waħedha!

  • Ipprepara provvisti għall-​emerġenza. Id-​dawl, l-​ilma, u l-​linja tat-​telefown jistgħu jinqatgħu, u s-​servizz tat-​trasport jistaʼ jieqaf. Jekk għandek karozza, ipprova żommha minn tal-​inqas nofsha mimlija bil-​fjuwil, u ara li fid-​dar dejjem ikollok ikel, xorb, u xi affarijiet neċessarji f’basket f’każ t’emerġenza.—Ara l-​kaxxa “ Għandek l-​affarijiet neċessarji?

    Il-preparazzjoni tiegħek tistaʼ tħoll u torbot jekk tibqax ħaj

  • Ara li jkollok in-​numri tat-​telefown taʼ xi ħbieb li jgħixu ’l bogħod u fil-​viċin.

  • Ippjana u pprattika minn fejn tistaʼ toħroġ. Kun af fejn huma l-​aktar bibien viċin għal barra fil-​binja tiegħek, u anki l-​pjan t’emerġenza tal-​iskola tat-​tfal tiegħek. Ftiehem fejn tistgħu tiltaqgħu bħala familja—bħal xi skola jew pjazza—xi mkien fil-​viċin u xi mkien ’il barra mill-​akkwata fejn toqogħdu. Xi organizzazzjonijiet jissuġġerixxu li timxiha mal-​familja sa dawn il-​postijiet biex tkunu tafu kif għandkom taslu.

  • Ippjana li tgħin lil ħaddieħor, inkluż lill-​anzjani u l-​morda.

MATUL—AĠIXXI MILL-EWWEL

“Meta qabad in-​nar, il-​maġġorparti tan-​nies ma ppanikjawx—ħaduha bil-​lajma,” jirrakkonta Joshua, li ġie kwotat fil-​bidu. “Kien hemm min tefa l-​kompjuter jew mela flixkun bl-​ilma. Raġel qal, ‘Forsi għandna nistennew ftit.’” Minkejja l-​inċertezza t’oħrajn, Joshua għajjat: “Hemm bżonn li noħorġu minn hawn issa!” Meta l-​kollegi tiegħu semgħu dan, ġew f’sensihom u niżlu t-​taraġ miegħu. “Jekk jaqaʼ xi ħadd, iġbruh u ibqgħu mexjin,” baqaʼ jgħajjat Joshua. “Se jirnexxilna noħorġu!”

  • F’każ taʼ nar. Tbaxxa mal-​art, u mur lejn l-​iktar bieb viċin li jagħti għal barra. Id-​duħħan jagħmilhielek diffiċli biex tara, u ħafna jmutu bid-​duħħan li jibilgħu u mhux bin-​nar innifsu. Ħalli warajk affarijiet personali. Ftit sekondi jafu jagħmlu differenza kbira bejn ħajja u mewt.

  • Waqt terremot. Mur taħt xi mejda soda jew f’rokna fuq in-​naħa taʼ ġewwa tal-​bini. Stenna li jkun hemm xi theżżiż wara. Oħroġ ’il barra mill-​bini malajr kemm jistaʼ jkun. Dawk imħarrġin biex isalvaw in-​nies għandhom mnejn jaslu sigħat wara, allura, jekk tkun tistaʼ, ipprova ilħaq salva lil oħrajn.

  • Waqt tsunami. Jekk l-​ilma jinġibed b’ħeffa ’l barra u f’salt wieħed jitbaxxa, minnufih mur f’postijiet iktar għoljin. Stenna li jibda ġej il-​mewġ u li jkun akbar.

  • Waqt uragan. Mingħajr dewmien, mur f’post taʼ kenn.

  • Waqt għargħar. Żomm ’il bogħod minn bini mgħerreq. Evita li tgħaddi jew li ssuq ġol-​ilma. L-​ilma jistaʼ jkollu dranaġġ u perikli oħrajn bħal terrapien, spralli miftuħin, u cables tad-​dawl imwaqqgħin.

  • Kont taf? Ftit aktar minn nofs metru taʼ ilma jistaʼ jkaxkar karozza. Ħafna mwiet fl-​għargħar iseħħu meta n-​nies jipprovaw isuqu f’ilma li jkun miexi.

  • Jekk l-​awtoritajiet jordnaw li ssir evakwazzjoni, itlaq minnufih! Informa lil ħbiebek fejn tinsab, għax għandu mnejn jirriskjaw ħajjithom biex ifittxuk.

    Jekk l-awtoritajiet jordnaw li ssir evakwazzjoni, itlaq minnufih!

  • Kont taf? Hemm iktar ċans li jasal messaġġ milli taqbad lil xi ħadd bit-​telefown.

  • Jekk l-​awtoritajiet jidderieġu lir-​residenti biex jibqgħu d-​dar jew f’post taʼ kenn, ibqaʼ ġewwa. F’każ taʼ aċċident jew attakk kimiku, bijoloġiku, jew nukleari, ibqaʼ ġewwa, issiġilla l-​bibien u t-​twieqi, u kull ħaġa li tistaʼ tidħol l-​arja minnha. Jekk ikun hemm splużjoni nukleari, mur fil-​parti ċentrali l-​aktar ’l isfel tal-​binja biex kemm jistaʼ jkun ma tkunx espost għar-​radjazzjoni. Ismaʼ l-​aħbarijiet lokali. Ibqaʼ ġewwa sakemm l-​awtoritajiet javżaw li l-​periklu jkun għadda.

WARA—IBQAʼ PROTETT!

Biex tevita l-​mard u l-​periklu, ikkunsidra s-​suġġerimenti li ġejjin:

  • Ibqaʼ mal-​ħbieb jekk ikun possibbli. Dan ikun aħjar milli f’xi kamp.

  • Żomm madwarek nadif.

  • Ilbes ilbies protettiv personali meta tnaddaf it-​terrapien. Jekk ikun possibbli, ilbes ingwanti, żarbun addattat, safety hat, u maskra biex tevita t-​trab. Oqgħod attent minn wajers tal-​elettriku u ġamar li jkun moħbi.

  • Żomm ir-​rutina taʼ kuljum normali kemm jistaʼ jkun. Uliedek għandhom bżonn li jarawk kalm u mimli tama. Agħmel lezzjonijiet tal-​iskola, ilgħab magħhom, u agħmel attivitajiet spiritwali mal-​familja. Toqgħodx thewden fuq x’qed jgħidu l-​aħbarijiet dwar it-​traġedja, u oqgħod attent li l-​familja tiegħek ma teħilx maʼ rasek minħabba l-​ansjetà jew il-​frustrazzjoni li jkollok. Aċċetta l-​għajnuna, u għin lil ħaddieħor.

    Wara d-diżastru, żomm ir-rutina tiegħek normali kemm jistaʼ jkun

  • Aċċetta li f’diżastru tistaʼ titlef ħafna affarijiet. Il-​gvern u l-​organizzazzjonijiet li jagħtu l-​għajnuna jikkonċentraw fuq li jsalvaw lin-​nies, u ma jkollhomx f’moħħhom li jtuk lura dak li tlift. Biex nibqgħu ngħixu, għandna bżonn ilma nadif, ikel, ħwejjeġ, u saqaf fuq rasna.—1 Timotju 6:7, 8.

  • Irrealizza li l-​emozzjonijiet tiegħek se jiġu effettwati, u fittex l-​għajnuna. Dan spiss jinħass wara li jgħaddi x-​xokk tal-​bidu. Is-​sintomi jinkludu ansjetà, dipressjoni, u tibdil fil-​burdata, u kif ukoll diffikultà biex taħseb, taħdem, u torqod. Tkellem maʼ ħbieb li jimpurtahom minnek.

Għalkemm Joshua baqaʼ ħaj, wara li fejn kien jaħdem ħa n-​nar, ħafna minn sħabu ma baqgħux. Hu rċieva għajnuna minn anzjani Kristjani u professjonisti tas-​saħħa mentali. “Huma aċċertawni li d-​dwejjaq tiegħi kienu parti minn proċess naturali biex infiq u li kien se jgħaddili,” jgħid Joshua. “Wara sitt xhur, ma bqajtx noħlom daqstant tal-​biżaʼ. Sintomi oħrajn damu iktar.”

Id-​diżastri jħawduna għax ibatu nies innoċenti. Minħabba f’hekk, xi nies, bi żball, iwaħħlu f’Alla. Ħafna, bħal Joshua, iħossuhom ħatjin għax baqgħu ħajjin. “Għadni nhewden jekk stajtx insalva iktar nies,” jgħid hu. “Insib faraġ għax nemmen li Alla dalwaqt se jġib ġustizzja fuq l-​art u li se jirranġa kollox. Sadattant, ngħożż kull ġurnata taʼ ħajti u nagħmel kulma nistaʼ biex nieħu ħsiebha.”—Rivelazzjoni 21:4, 5. *

^ par. 33 Għal iktar informazzjoni dwar il-​wegħdi t’Alla għall-​futur u għala għadu jippermetti t-​tbatija, ara l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Dan hu disponibbli biex tniżżlu minn fuq www.isa4310.com/mt.