Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Iċ-ċelluli tiegħek—Libreriji ħajjin!

Iċ-ċelluli tiegħek—Libreriji ħajjin!

FL-1953, il-bijologi molekulari James Watson u Francis Crick ippubblikaw skoperta li kienet importanti ħafna għall-fehma xjentifika tal-ħajja. Kienu skoprew l-istruttura qisha molla doppja tad-DNA. * Din is-sustanza qisha ħajta—li fil-biċċa l-kbira tinsab fin-nukleu taċ-ċelluli—fiha informazzjoni b’kowd, jew “bil-miktub,” li tagħmel iċ-ċelluli bħallikieku qishom libreriji ħajjin. Din l-iskoperta tal-għaġeb fetħet era ġdida fil-bijoloġija! Imma l-“kitba” li hemm fiċ-ċelluli liema skop isservi? Iżjed taʼ interess, minn fejn ġiet?

IĊ-ĊELLULI GĦALA GĦANDHOM BŻONN L-INFORMAZZJONI

Qatt ħsibt kif żerriegħa ssir siġra jew kif bajda ffertilizzata ssir bniedem? Qatt ħsibt kif uritt il-karatteristiki tiegħek? It-tweġibiet jinvolvu l-informazzjoni misjuba fid-DNA.

Kważi ċ-ċelluli kollha fihom id-DNA, molekuli kumplessi li jixbhu slielem twal mibrumin. Fil-materjal ġenetiku tal-bniedem, jew is-sett komplut tad-DNA tagħna, is-slielem fihom bejn wieħed u ieħor tliet biljun “skaluna” kimika. Ix-xjentisti jsejħu dawn l-iskaluni bażijiet bi tnejn, għax kull skaluna hi magħmula minn żewġ sustanzi kimiċi, li b’kollox hemm erbgħa minnhom. Dawn is-sustanzi jiġu mqassrin skont l-ewwel ittra taʼ kull waħda, A, Ċ, G, u T—bħallikieku alfabett sempliċi b’erbaʼ ittri. * Fl-1957, Crick issuġġerixxa li hi s-sekwenza lineari tal-iskaluni kimiċi li tifforma l-istruzzjonijiet b’kowd. Fis-snin 60, dan il-kowd beda jiġi mifhum.

L-informazzjoni, kemm jekk tkun f’forma taʼ stampi, sawnds, jew kliem, tistaʼ tiġi merfugħa u pproċessata f’ħafna modi. Il-kompjuters, pereżempju, jagħmlu dan b’mod diġitali. Ċelluli ħajjin jerfgħu u jipproċessaw l-informazzjoni kimikament, u d-DNA hu s-sustanza ewlenija. Meta ċ-ċelluli jinqasmu u l-organiżmi jirriproduċu, id-DNA jgħaddi għaċ-ċellula jew l-organiżmu l-ġdid—abbiltajiet li huma kkunsidrati karatteristiki li jiddefinixxu l-ħajja.

Iċ-ċelluli kif jużaw l-informazzjoni? Id-DNA qisu ġabra taʼ riċetti, kull waħda fiha proċessi pass pass, kull wieħed minnhom imniżżel bir-reqqa bi frażijiet preċiżi. Imma minflok ma r-riżultat aħħari jkun kejk jew gallettina, ikun kaboċċa jew baqra. M’għandniex xi ngħidu, fiċ-ċelluli ħajjin, il-proċessi huma awtomatiċi għalkollox, u dan iżid jerġaʼ iżjed komplessità u sofistikazzjoni.

L-informazzjoni f’ċellula taʼ batterju kienet timla ktieb taʼ 1,000 paġna

Informazzjoni ġenetika tiġi merfugħa sakemm ikun hemm il-bżonn, forsi biex isiru ċelluli ġodda u f’saħħithom flok dawk qodma jew morda jew biex jingħaddu karatteristiki lill-ulied. Id-DNA kemm jesaʼ informazzjoni? Ikkunsidra wieħed mill-iżgħar organiżmi, il-batterju. Ix-xjentist Ġermaniż Bernd-Olaf Küppers qal: “Biex nifhmu f’termini umani, il-kitba molekulari li tiddeskrivi kif inhi magħmula ċellula taʼ batterju kienet tkun id-daqs taʼ ktieb taʼ elf paġna.” Bir-raġun, il-professur tal-kimika David Deamer kiteb: “Timpressjona ruħek bil-komplessità taʼ anki l-iktar forma sempliċi tal-ħajja.” Dan kif jitqabbel mal-materjal ġenetiku tal-bniedem? “[Kien] jimla librerija taʼ diversi eluf taʼ kotba,” jgħid Küppers.

“MIKTUB B’TALI MOD LI NIFHMUH”

Li l-kitba fid-DNA tiġi deskritta bħala “lingwa molekulari tal-materjal ġenetiku” hu iżjed minn “sempliċi metafora,” jgħid Küppers. “Bħal lingwa umana,” jispjega hu, “il-lingwa molekulari tal-materjal ġenetiku fiha wkoll dimensjoni sintattika.” Fi kliem sempliċi, id-DNA għandu “grammatika,” jew sett taʼ regoli li jirregolaw bir-reqqa kif l-istruzzjonijiet tagħha huma miktubin u kif jitwettqu.

Il-“kliem” u s-“sentenzi” fid-DNA jifformaw id-diversi “riċetti” li jmexxu l-produzzjoni taʼ proteini u sustanzi oħra li jifformaw il-komponenti tad-diversi ċelluli li jagħmlu l-ġisem uman. Pereżempju, ir-“riċetta” tistaʼ tiggwida l-produzzjoni taċ-ċelluli tal-għadam, tal-muskoli, tan-nervituri, jew dawk tal-ġilda. “Il-filament tad-DNA hu informazzjoni, messaġġ miktub b’kowd taʼ kimiċi, kimika waħda għal kull ittra,” kiteb il-bijologu evoluzzjonista Richard Dawkins. “Kważi lanqas temmen, imma jirriżulta li l-kowd hu miktub b’tali mod li nistgħu nifhmuh.”

Il-kittieb Bibliku David fit-talb qal lil Alla: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi.” (Sa 139:16) M’għandniex xi ngħidu, David kien qed juża lingwaġġ poetiku. Minkejja dan, kellu raġun, kif inhu tipiku tal-kittieba tal-Bibbja. L-ebda wieħed minnhom ma kien influwenzat xi ftit mill-folklor fittizju jew mill-mitoloġija taʼ popli oħra tal-qedem.—2 Samwel 23:1, 2; 2 Timotju 3:16.

Tarbija kif tiret karatteristiki mingħand il-ġenituri tagħha?

MINN FEJN ĠIET IL-KITBA?

Bħalma spiss jiġri, meta x-xjentisti jispjegaw misteru wieħed, jiftħu bieb għal ieħor. Dan kien minnu rigward l-iskoperta tad-DNA. Meta ġie mifhum li d-DNA fih informazzjoni b’kowd, kien hemm min ħaseb, ‘Minn fejn ġiet l-informazzjoni?’ M’għandniex xi ngħidu, l-ebda bniedem ma osserva l-formazzjoni tal-ewwel molekula tad-DNA. Allura rridu naslu għall-konklużjonijiet tagħna stess. Jerġaʼ, dawn il-konklużjonijiet m’għandhomx għalfejn ikunu spekulattivi. Ikkunsidra x-xebh li ġej.

  • Fl-1999, frammenti taʼ fuħħar antik ħafna b’marki, jew simboli, mhux tas-soltu nstabu fil-Pakistan. Il-marki għadhom mhumiex iddeċifrati. Minkejja dan, xorta huma meqjusa li huma magħmulin mill-bniedem.

  • Ftit snin wara li Watson u Crick skoprew l-istruttura tad-DNA, żewġ fiżiċi pproponew li jsir tfittix għal sinjali tar-radju li fihom messaġġ mill-ispazju. B’hekk beda t-tfittix għall-intelliġenza estraterrestrijali taʼ żmienna.

X’inhu l-punt? In-nies jagħtu l-krettu għall-informazzjoni lil xi ħadd intelliġenti, kemm jekk l-informazzjoni hi fil-forma taʼ simboli fuq it-tafal u kemm jekk tkun mill-ispazju. M’għandhomx għalfejn jaraw l-informazzjoni tinħalaq biex jaslu għal din il-konklużjoni. Però, meta skoprew l-iktar kowd sofistikat li jaf bih il-bniedem—il-kowd kimiku tal-ħajja—ħafna injoraw il-loġika, u taw il-krettu tad-DNA lil proċess bla ħsieb. Hu raġunevoli dan? Hu konsistenti? Hu xjentifiku? Numru taʼ xjentisti rispettati jgħidu le. Dawn jinkludu lil Dr. Gene Hwang u lill-Professur Yan-Der Hsuuw. * Ikkunsidra x’jgħidu dawn.

Dr. Gene Hwang jistudja l-bażi matematika tal-ġenetika. Kien hemm żmien meta kien jemmen fl-evoluzzjoni, imma r-riċerka tiegħu biddlitlu l-ħsieb. “L-istudju tal-ġenetika,” qal hu lil Stenbaħ! “jipprovdi dehen fil-mekkaniżmi tal-ħajja—dehen li jimmeraviljani minħabba l-għerf tal-Ħallieq.”

Il-Professur Yan-Der Hsuuw hu d-direttur tar-riċerka fuq l-embriji fit-Taiwan’s National Pingtung University of Science and Technology. Hu wkoll xi darba kien jemmen bl-evoluzzjoni—sakemm ir-riċerka tiegħu wasslitu biex idawwar ħsiebu. Rigward id-diviżjoni tal-ċelluli u kif jispeċjalizzaw, hu qal: “Iċ-ċelluli għandhom jiżviluppaw fl-ordni t-tajjeb u fil-postijiet it-tajbin. L-ewwel jinġabru biex jifformaw nisġa taʼ ċelluli li mbagħad isiru organi jew riġlejn jew dirgħajn. Liema inġinier jistaʼ saħansitra joħlom li jikteb istruzzjonijiet għal proċess bħal dan? Madankollu, l-istruzzjonijiet għall-iżvilupp taʼ embriju huma miktubin b’mod tal-għaġeb fid-DNA. Meta nqis is-sbuħija taʼ dan kollu, jien konvint li l-ħajja kienet iddisinjata minn Alla.”

Gene Hwang (xellug) u Yan-Der Hsuuw

JAGĦMEL DIFFERENZA?

Il-ġustizzja tgħid iva! Jekk Alla ħalaq il-ħajja, mela jistħoqq il-krettu lil Alla, mhux lill-evoluzzjoni. (Rivelazzjoni 4:11) Ukoll, jekk aħna xogħol Ħallieq kollu għerf, mela qegħdin hawn għal raġuni. Dan ma kienx ikun il-każ kieku l-ħajja kienet ir-riżultat taʼ proċess li sar waħdu. *

Tabilħaqq, nies li jilħqilhom jixxennqu li jkollhom tweġibiet sodisfaċenti. “It-tfittxija tal-bniedem għal tifsir hi l-motivazzjoni primarja f’ħajtu,” qal Viktor Frankl, li kien professur tan-newroloġija u l-psikjatrija. Fi kliem ieħor, għandna ġuħ spiritwali li nixtiequ nissodisfaw—ġuħ li jagħmel sens biss fl-għarfien taʼ ħolqien speċjali. Imma jekk aħna xogħol idejn Alla, tana hu l-mezzi biex nissodisfaw il-bżonn spiritwali tagħna?

Ġesù Kristu wieġeb dik il-mistoqsija meta qal: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova [jew Alla].” (Mattew 4:4) Kliem Ġeħova, li hu mniżżel fil-Bibbja, issodisfa l-ġuħ spiritwali taʼ miljuni taʼ nies, tahom raġuni biex jgħixu, u pprovdielhom tama għall-futur. (1 Tessalonikin 2:13) Jalla l-Bibbja tagħmel l-istess għalik. Għall-inqas, dan il-ktieb uniku jistħoqqlu l-konsiderazzjoni tiegħek.

^ par. 3 Watson u Crick bnew fuq ix-xogħol taʼ riċerkaturi oħra qabilhom fuq id-DNA (li jfisser deoxyribonucleic acid).—Ara l-kaxxa “Id- DNA—Dati importanti.”

^ par. 6 L-ittri huma l-abbrevjazzjonijiet taʼ adenina, ċitosin, gwanina, u timina.

^ par. 18 Numru taʼ intervisti lil xjentisti rispettati jistgħu jinstabu fuq il-Websajt tagħna, jw.org, bl-Ingliż. Ikklikkja fuq il-buttuna Search, u ikteb “interview scientist.”

^ par. 22 Il-mistoqsija dwar il-ħolqien u l-evoluzzjoni hi diskussa iżjed fil-fond fil-browxers The Origin of Life—Five Questions Worth Asking u Was Life Created? disponibbli fuq www.isa4310.com.