Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Meta n-namrati jinfirdu

Meta n-namrati jinfirdu

L-ISFIDA

“Kont mingħalija li sibt il-persuna t-tajba għalija. ‘Nistaʼ nibqaʼ miegħu għal dejjem,’ għedt lili nnifsi. Imma wara xahrejn li kont ili noħroġ miegħu, kelli nieqaf. Ma stajtx nemmen li xi ħaġa li bdiet tant tajjeb setgħet tispiċċa daqshekk malajr!”—Anna. *

“Kien jidher li konna naqblu ħafna. Kont konvinta li konna se niżżewġu. Madankollu, maż-żmien, bdejt nirrealizza kemm konna differenti minn xulxin. Meta rajt xi żball kbir kont qed nagħmel, ma bqajtx noħroġ miegħu.”—Elaine.

Għaddejt int minn xi ħaġa simili? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek tkampa bl-esperjenza.

DAK LI GĦANDEK TKUN TAF

Meta tnejn jinfirdu, jistaʼ jkun taʼ wġigħ anki għall-persuna li riedet tinfired. “Ħassejtni ddisprata!” tgħid mara żagħżugħa jisimha Sarah, li telqet il-boyfriend tagħha wara sitt xhur. “Filli kien f’ħajti u fil-futur tiegħi, u filli ma kienx. Imbagħad kont nismaʼ diski li kienu speċjali għalina t-tnejn, u kienu jfakkruni fiż-żminijiet sbieħ li kellna flimkien. Kont inkun f’postijiet li kienu speċjali għalina, u kont inħoss l-uġigħ tan-nuqqas tiegħu. Ħassejt dan kollu avolja kont jien il-waħda li ridt ninfired minnu!”

Meta tnejn jieqfu joħorġu flimkien, għalkemm ikun taʼ wġigħ, jistaʼ jkun taʼ ġid. “Ma tkunx trid tweġġaʼ lill-persuna l-oħra,” tgħid Elaine. “Mill-banda l-oħra, tirrealizza li eventwalment tistgħu tweġġgħu t-tnejn jekk tkomplu b’namrar li mhux miexi ’l quddiem.” Sarah taqbel. “Jien naħseb li jekk m’intix kuntenta maʼ xi ħadd meta tkun qed toħroġ miegħu, probabbilment m’intix se tkun kuntenta jekk tiżżewġu, għalhekk ikun aħjar li tinfirdu,” tgħid hi.

Ma jfissirx li int persuna ħażina jekk tieqaf toħroġ maʼ xi ħadd. Fir-realtà, namrar li jirnexxi jispiċċa f’deċiżjoni, mhux dejjem fi żwieġ. Jekk int jew in-namrat jew in-namrata tiegħek ikollha dubji serji, id-deċiżjoni għaqlija tistaʼ tkun li tinfirdu. Jekk jiġri hekk, il-fatt li r-relazzjoni ma rnexxietx ma jfissirx li int persuna ħażina. Tistaʼ tkompli tgħix ħajtek! Kif?

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ammetti l-uġigħ li tħoss. “Tlift iżjed minn sempliċi ħabib, tlift l-aqwa ħabib tiegħi,” tistqarr Elaine, ikkwotata fil-bidu. Meta r-relazzjoni maʼ xi ħadd daqshekk qrib tieqaf, hu normali li jkun hemm perijodu taʼ niket. “Meta relazzjoni tispiċċa,” jgħid raġel żagħżugħ jismu Adam, “dejjem hemm xi wġigħ involut, anki jekk taf li jkun għall-aħjar tiegħek.” Forsi tħossok l-istess bħas-Sultan David tal-Bibbja. “Friexi mxarrab għasra l-lejl kollu; soddti tegħreq fid-dmugħ,” kiteb hu f’perijodu taʼ niket. (Salm 6:6) Tipprovax tevita l-uġigħ imma aċċetta li hu normali li tħossok imweġġaʼ. Li tagħraf ir-realtà tas-sentimenti tiegħek jistaʼ jkun l-ewwel pass għall-fejqan.—Prinċipju Bibliku: Salm 4:4.

Assoċja maʼ nies li jimpurtahom minnek. Irridu nammettu li jistaʼ ma jkunx faċli. “Għall-ewwel lanqas biss ridt nara nies,” tammetti Anna, ikkwotata qabel. “Kelli bżonn iż-żmien biex niġi f’tiegħi, biex naħseb u nifhem x’kien ġara.” Madankollu, maż-żmien, Anna rat l-għerf taʼ li tqattaʼ l-ħin mal-ħbieb tal-qalb li jistgħu jinkuraġġuha. “Għandi attitudni aħjar issa,” tgħid hi, “u l-fatt li nfridna mhux daqshekk taʼ dulur għalija bħalma kien qabel.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 17:17.

Tgħallem minn dak li ġara. Staqsi lilek nnifsek: ‘Din l-esperjenza wriet xi aspetti li fihom għandi bżonn nimmatura? Jekk xejn, kieku x’kont nagħmel differenti jekk ikolli relazzjoni darb’oħra?ʼ “Maż-żmien stajt nanalizza aħjar x’ġara,” tgħid mara żagħżugħa jisimha Marcia. “Madankollu, kelli nistenna sakemm stajt inħares lejn l-affarijiet bil-loġika minflok bl-emozzjoni.” Adam, li ssemma qabel, iħossu l-istess. Hu jgħid: “Domt sena biex nirkupra minn meta waqqafna r-relazzjoni. Domt saħansitra iżjed biex insir naf dak li stajt nitgħallem minn dil-esperjenza. Dak li għaddejt minnu għallimni ħafna dwari nnifsi, is-sess oppost, u r-relazzjonijiet. Inħoss ħafna inqas uġigħ issa dwar il-firda tagħna.”

Itlob dwar l-ansjetà tiegħek. Il-Bibbja tgħid li Alla “jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) Waqt li Ġeħova ma jagħżilx sieħeb jew sieħba għalina—lanqas nistgħu nagħtu t-tort lilu jekk ir-relazzjoni tispiċċa—Alla jinteressah mill-benesseri tiegħek. Iftaħ qalbek miegħu fit-talb.—Prinċipju Bibliku: 1 Pietru 5:7.

^ par. 4 L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.