Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

TITWILA LEJN IL-PASSAT

Galileo

Galileo

Bejn is-seklu 14 u s-seklu 16, xjentisti u filosfi Ewropej bdew jifhmu l-univers b’mod li kien f’konflitt mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Raġel li eżamina s-smewwiet mill-ġdid kien Galileo Galilei.

QABEL żmien Galileo, ħafna nies kienu jemmnu li x-xemx, il-pjaneti, u l-kwiekeb kollha kienu jduru madwar id-dinja. Dan it-twemmin kien parti mid-domma uffiċjali tal-Knisja Kattolika.

Madankollu, permezz tat-teleskopju tiegħu, Galileo ra evidenza li kkontradiet it-tagħlim xjentifiku ġeneralment aċċettat. Pereżempju, hekk kif qagħad josserva tbajjaʼ li dehru li jbiddlu posthom fuq wiċċ ix-xemx, hu għaraf li x-xemx iddur fuq assi. Osservazzjonijiet bħal din żiedu bil-kbir l-għarfien tal-bniedem dwar l-univers, iżda dawn kellhom jirriżultaw f’li Galileo jiġi f’konflitt dirett mal-Knisja Kattolika.

IX-XJENZA U R-RELIĠJON

Għaxriet taʼ snin qabel, l-astronomu Pollakk Nicolaus Copernicus, magħruf bil-Malti bħala Koperniku, żviluppa teorija li d-dinja ddur madwar ix-xemx. Galileo studja x-xogħol taʼ Koperniku dwar il-movimenti tal-kwiekeb u l-pjaneti u ġabar evidenza fi qbil maʼ din it-teorija. Għall-ewwel, Galileo kien bejn ħaltejn jekk jippubblikax uħud mill-osservazzjonijiet tiegħu għaliex beżaʼ li jitwaqqgħu għaċ-ċajt u jiġu mistmerrin. Fl-aħħar, meta ma setax irażżan l-entużjażmu għal dak li ra minn ġot-teleskopju, hu ppubblika l-iskoperti tiegħu. Xi xjentisti opponew l-argumenti tiegħu, u malajr xi qassisin iddiżonoraw lil Galileo minn fuq il-pulpti tagħhom.

Fl-1616, il-Kardinal Bellarmine, “wieħed mill-aqwa teologi taʼ dak iż-żmien,” informa lil Galileo dwar digriet li kienet għadha kif ħarġet il-Knisja Kattolika kontra l-ideat taʼ Koperniku. Hu ħeġġeġ lil Galileo biex jaqbel maʼ dan id-digriet, u għal snin wara dan Galileo ma stqarrx pubblikament li d-dinja ddur madwar ix-xemx.

Fl-1623, il-Papa Urbanu VIII, ħabib taʼ Galileo, laħaq papa. Għalhekk fl-1624, Galileo talab lill-papa biex jannulla d-digriet tal-1616. Minflok, Urbanu ħeġġeġ lil Galileo biex jispjega t-teoriji kontradittorji taʼ Koperniku u Aristotele b’mod li ma jżomm maʼ ħadd minnhom.

Galileo mbagħad kiteb ktieb bl-isem Dialogue on the Great World Systems. Għalkemm il-papa ordna lil Galileo biex ikun newtrali, il-ktieb ġie mifhum li kien favur il-konklużjonijiet taʼ Koperniku. Malajr, l-għedewwa taʼ Galileo kienu qed jgħidu li l-ktieb tiegħu waqqaʼ lill-papa għaċ-ċajt. Galileo kien sforzat jiċħad it-tagħlim taʼ Koperniku għaliex ġie akkużat b’ereżija u mhedded b’tortura. Fl-1633, l-Inkwiżizzjoni Rumana qatgħetha li jiġi arrestat u miżmum f’daru għal dejjem u pprojbiet il-kitbiet tiegħu. Galileo miet f’daru f’Arcetri, qrib Firenze, fit-8 taʼ Jannar 1642.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II ammetta li l-Knisja Kattolika kienet b’mod żbaljat ikkundannat lil Galileo

Għal mijiet taʼ snin, ftit mix-xogħlijiet taʼ Galileo baqgħu fil-lista taʼ kotba li l-Kattoliċi ma tħallewx jaqraw. Iżda fl-1979, il-knisja reġgħet ikkunsidrat l-azzjoni li ttieħdet mill-Inkwiżizzjoni Rumana 300 sena qabel. Fl-aħħar, fl-1992, il-Papa Ġwanni Pawlu II ammetta li l-Knisja Kattolika kienet b’mod żbaljat ikkundannat lil Galileo.