Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Kif tikkontrolla t-tempra

Kif tikkontrolla t-tempra

L-ISFIDA

“Għajjatt m’oħti u tant ftaħt il-bieb bis-saħħa li l-ganċ taʼ wara l-bieb daħal ġol-ħajt. It-toqba dejjem fakkritni kemm aġixxejt taʼ belha.”—Diane. *

“Għajjatt, ‘Int missier mill-agħar!’ u sabbatt il-bieb. Imma qabel ma ngħalaq, rajt il-ħarsa taʼ wġigħ fuq wiċċ missieri, u immedjatament ridt immur lura fiż-żmien u niblaʼ l-kliem li għedt.”—Lauren.

Tistaʼ tifhimhom lil Lauren u lil Diane? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu jistaʼ jgħinek.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Li tisfoga r-rabja jistaʼ jagħmel il-ħsara lir-reputazzjoni tiegħek. “Kont naħseb li ħaddieħor sempliċement kellu jaċċetta t-tempra ħażina tiegħi,” tgħid Briana, li issa għandha 21 sena. “Imma bdejt ninnota li n-nies jidhru boloh meta ma jikkontrollawx ruħhom, imbagħad irrealizzajt—hekk nidher jien f’għajnejn ħaddieħor!”

Il-Bibbja tgħid: “Bluha se jagħmel min jirrabja malajr.”—Proverbji 14:17.

In-nies jaħarbu minn vulkan li jkun qed jiżbroffa; b’mod simili, jevitaw lil xi ħadd li għandu tempra li tisplodi

Ir-rabja tiegħek tistaʼ ġġiegħel lin-nies jevitawk. “Meta titlef it-tempra,” jgħid Daniel, li għandu 18-il sena, “titlef ukoll id-dinjità tiegħek u r-rispett taʼ dawk madwarek.” Elaine, li wkoll għandha 18-il sena, taqbel. “Tempra ħażina mhix attraenti,” tgħid hi. “Sempliċement tgerrex lin-nies minnek.”

Il-Bibbja tgħid: “Tissiħibx maʼ min jirrabja malajr; u tagħmilhiex maʼ bniedem li jisbel.”—Proverbji 22:24.

Tistaʼ titjieb. “Mhux dejjem tkun tistaʼ tikkontrolla kif ċerta sitwazzjoni ġġiegħlek tħossok,” tgħid Sara, li għandha 15-il sena, “imma tistaʼ tikkontrolla kif tesprimi s-sentimenti tiegħek. M’hemmx għalfejn tisplodi.”

Il-Bibbja tgħid: “Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn raġel setgħan, u dak li qed jikkontrolla l-ispirtu tiegħu aħjar minn wieħed li qed jirbaħ belt.”—Proverbji 16:32.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Agħmel mira. Minflok tgħid, “Jien hekk magħmul,” stinka biex titjieb f’perijodu taʼ żmien speċifiku—forsi sitt xhur. Matul dak iż-żmien, ħu nota tal-progress tiegħek. Kull darba li titlef it-tempra, ikteb (1) xi jkun ġara, (2) kif irreaġixxejt, u (3) kif stajt tirreaġixxi aħjar—u għala. Imbagħad agħmilha l-mira tiegħek biex tuża dik ir-reazzjoni aħjar meta terġaʼ tiġi provokat. Tipp: Żomm nota tas-suċċessi li jkollok ukoll! Ikteb dwar kemm ħassejtek tajjeb wara li tkun urejt kontroll fuqek innifsek.—Prinċipju Bibliku: Kolossin 3:8.

Stenna qabel ma tirreaġixxi. Meta xi ħadd jew xi ħaġa tirrabjak, tgħidx l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok. Minflok, stenna. Jekk ikun hemm bżonn, ħu nifs qawwi. “Meta nieħu n-nifs,” jgħid Erik, li għandu 15-il sena, “dan jagħtini l-ħin biex naħseb qabel ma nagħmel jew ngħid xi ħaġa li wara jiddispjaċini li nkun għamiltha.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 21:23.

Qis kif iħossu ħaddieħor. Kultant forsi tirrabja għax tara biss aspett wieħed tal-kwistjoni—dak li jeffettwa lilek. Ipprova kkunsidra kif jistaʼ jħossu ħaddieħor. “Anki meta n-nies ikunu psataż għall-aħħar,” tgħid mara żagħżugħa jisimha Jessica, “ġeneralment ikun hemm spjegazzjoni li tistaʼ tgħinni nifhem xi naqra s-sitwazzjoni.”—Prinċipju Bibliku: Proverbji 19:11.

Jekk ikun hemm bżonn, itlaq. Il-Bibbja tgħid: “Qabel ma tfaqqaʼ t-tilwima, warrab.” (Proverbji 17:14) Bħalma turi dik l-iskrittura, kultant ikun aħjar li sempliċement titlaq minn sitwazzjoni li tistaʼ taqleb għall-agħar. Imbagħad, minflok ma toqgħod tberren fuq il-kwistjoni u tħalli r-rabja tiżdied saħansitra iktar, agħmel xi ħaġa fiżika. “Jien insib li l-eżerċizzju jistaʼ jtaffi l-istress li jkolli u jżommni milli nitlef it-tempra,” tgħid mara żagħżugħa jisimha Danielle.

Tgħallem ċedi. Il-Bibbja tgħid: “Jekk tibdew tħossukom aġitati, tidinbux. Tkellmu f’qalbkom . . . u ibqgħu siekta.” (Salm 4:4) Innota li m’hemm xejn ħażin f’li tħossok aġitat. Il-mistoqsija hi, X’se jiġri issa? “Jekk tħalli lil ħaddieħor jipprovokak,” jgħid raġel żagħżugħ jismu Richard, “tkun qed tagħtih il-jedd fuqek. Għala ma tipprovax tkun matur u tagħlaq għajn waħda?” Jekk tagħmel dan, tkun qed tikkontrolla r-rabja tiegħek minflok ma tħalli r-rabja tiegħek tikkontrolla lilek.

^ par. 4 Xi ismijiet f’dan l-artiku ġew mibdulin.