Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 ĠIET DISINJATA?

Il-ħila tan-navigazzjoni tal-ħanfusa tad-demel

Il-ħila tan-navigazzjoni tal-ħanfusa tad-demel

ID-DEMEL iservi għal iktar minn skop wieħed għall-ħanfusa tad-demel. Dan l-insett jieklu u jbid fih. Xi ħanfus irġiel joffru xi biċċa kbira minnu lil ħanfusa tad-demel mara, bit-tama li jiġbduha lejhom. Il-kompetizzjoni għal demel frisk hi kbira. Ir-riċerkaturi darba osservaw xi 16,000 ħanfusa jiġru lejn munzell demel taʼ ljunfant u jħottuh f’sagħtejn biss.

Xi tipi taʼ ħanfus tad-demel jiskartaw il-folla taʼ insetti billi jifformaw il-ħmieġ f’ballun, jirromblawh ’l hemm mill-borġ tal-ħmieġ, u mbagħad jordmuh f’art ratba. Il-ħanfusa tirrombla l-ballun tagħha f’linja dritta, ladarba dan ikun l-iktar mod veloċi biex taħrab bih u tevita r-riskju li l-ballun tagħha jinsteraq minn ħanfus tad-demel ieħor.

Imma l-ħanfusa tad-demel kif jirnexxilha timxi f’linja dritta, speċjalment billejl?

Ikkunsidra: Studji li diġà saru wrew li l-ħanfus tad-demel jistaʼ jinnaviga permezz tad-dawl tax-xemx jew dak tal-qamar, però jistaʼ jimxi f’linja dritta wkoll anki billejl meta ma jkunx hemm qamar u s-sema jkun ċar. Riċerkaturi fl-Afrika t’Isfel skoprew li l-ħanfus jagħmel dan mhux billi jara stilel individwali imma billi juża l-istrixxa taʼ dawl li jiġi prodott mill-galassja tat-Triq tal-Ħalib. Skont il-ġurnal Current Biology, dan hu “l-ewwel użu dokumentat tat-Triq tal-Ħalib għad-direzzjoni fil-qasam tal-annimali.”

Ir-riċerkatur Marcus Byrne jgħid li l-ħanfus tad-demel għandu “sistema navigazzjonali viżwali effettiva li tistaʼ taħdem fl-iktar dawl baxx tal-istilel, u bl-inqas bżonn taʼ kalkulazzjoni.” Hu jżid jgħid li għal din ir-raġuni, għandhom il-potenzjal li jgħallmu lin-nies isolvu problemi li jkollhom il-kompjuters taʼ li jiddistingwu oġġett minn ieħor f’dawl baxx. Pereżempju, robot jistaʼ jiġi pprogrammat biex ifittex nies maqbudin f’bini sfrundat u mudlam billi jikkopja s-sistema taʼ navigazzjoni tal-ħanfusa tad-demel.

Int x’taħseb? Il-ħila tan-navigazzjoni tal-ħanfusa tad-demel ġiet bl-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?

Kont taf?

Il-ħanfus tad-demel irattab u jagħti s-sustanzi lill-ħamrija, iferrex iż-żerriegħa tal-pjanti, u jikkontrolla l-popolazzjoni tad-dubbien.