Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Meta tkun diżappuntat biż-żwieġ tiegħek

Meta tkun diżappuntat biż-żwieġ tiegħek

L-ISFIDA

Int u l-persuna li żżewwiġt kien jidher li kellkom ħafna in komuni bejnietkom—qabel ma żżewwiġtu. Issa d-diżappunt daħħal feles bejnkom, u ġejtu qiskom il-ħabs flimkien minflok ma intom ferħanin flimkien.

Tistaʼ ttejjeb ir-relazzjoni tiegħek. Però, l-ewwel aħseb naqra għala jistaʼ jkun li int diżappuntat.

GĦALA JIĠRI DAN

Tfeġġ ir-realtà. Ir-rutina tax-xogħol taʼ kuljum, it-trobbija tat-tfal, u r-relazzjoni mal-kunjati jistgħu jibdew inaqqru mill-hena fiż-żwieġ bil-mod il-mod. Apparti hekk, problemi mhux mistennijin—forsi xi daqqa taʼ ħarta finanzjarja jew li jkollok tieħu ħsieb membru tal-familja li jsofri b’marda kronika—jistgħu jgħejju ż-żwieġ.

Id-differenzi jidhru bla tama. Waqt l-għerusija, il-koppji aktarx li ma jagħtux kas id-differenzi. Però, la jiżżewġu, raġel u mara jiskopru kemm ma jaqblux maʼ xulxin fil-mod taʼ komunikazzjoni, fl-immaniġġar tal-flus, u f’kif jissolvew il-problemi. Differenzi li darba kienu jdejquk biss issa qisu ma tistax tissaportihom iżjed.

Tbegħedt emozzjonalment. Maż-żmien, ħafna kliem jew azzjonijiet kattivi u għadd taʼ konflitti mhux solvuti jistgħu jġiegħlu lir-raġel jew lill-mara jingħalqu fihom infushom emozzjonalment, jew agħar minn hekk, jibdew joħolqu rabta emozzjonali maʼ xi ħadd ieħor.

Ma sibtx dak li stennejt. Xi nies jidħlu fiż-żwieġ b’ruħhom u ġisimhom għax jaħsbu li sabu l-persuna ideali għalihom. Għalkemm dan jidher ħsieb romantiku, jistaʼ jkun wieħed diżastruż. Malli jqumu l-problemi, il-ħrafa taʼ li jkunu “maħluqin għal xulxin” tispiċċa u tħalli liż-żewġ miżżewġin iħossuhom li għamlu żball.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Ikkonċentra fuq il-kwalitajiet tajbin taʼ martek jew żewġek. Ipprova dan: Ikteb tliet kwalitajiet pożittivi li għandha l-parti l-oħra fiż-żwieġ. Żomm il-lista miegħek fuq in-naħa taʼ wara taʼ xi ritratt żgħir tat-tieġ jew fuq il-mowbajl. Irreferi għaliha regolarment biex tfakkrek għala żżewwiġt lis-sieħeb jew sieħba tiegħek. Li tikkonċentra fuq il-kwalitajiet pożittivi tiegħu (jew tagħha) iġib il-paċi u jgħinek tkampa bid-differenzi li għandkom.—Prinċipju Bibliku: Rumani 14:19.

Ippjana għal ħin speċjali flimkien. Qabel ma żżewwiġt, aktarx li t-tnejn li intom kontu tħallu l-ħin biex tagħmlu l-affarijiet flimkien. L-għerusija kienet xi ħaġa ġdida u eċċitanti, imma kontu tagħmlu arranġamenti biex tkunu flimkien. Għala ma tagħmilx xi ħaġa simili issa? Organizza okkażjonijiet li fihom int u sieħbek fiż-żwieġ tistgħu tqattgħu l-ħin flimkien. Jekk tagħmel dan jistaʼ jgħinkom tersqu eqreb lejn xulxin u jgħinkom tkampaw aħjar bil-problemi li jinqalgħu fil-ħajja.—Prinċipju Bibliku: Proverbji 5:18.

Iddiskuti kif tħossok. Jekk tħossok imweġġaʼ bil-kliem jew l-aġir tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, tistaʼ tagħlaq għajnejk għan-nuqqas? Jekk le, tagħtix il-lala li ma tkellmux lil xulxin. Tkellmu bejnietkom bil-kalma mill-iktar fis possibbli, jekk jistaʼ jkun dakinhar stess.—Prinċipju Bibliku: Efesin 4:26.

Jekk tħossok imweġġaʼ bil-kliem jew l-aġir tal-parti l-oħra fiż-żwieġ, tistaʼ tagħlaq għajnejk għan-nuqqas?

Agħraf id-differenza bejn is-sentimenti tiegħek u l-intenzjonijiet taʼ martek jew żewġek. Aktarx, ebda wieħed minnkom ma qatt irid iweġġaʼ lill-ieħor apposta. Assigura lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek minn dan billi sinċerament titlob maħfra għal kwalunkwe wġigħ li forsi kkaġunajt. Imbagħad iddiskuti liema affarijiet speċifiċi tistgħu tagħmlu biex tevitaw li tweġġgħu lil xulxin bla ma tridu. Segwi l-parir tal-Bibbja: “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Efesin 4:32.

Kun realistiku fl-istennijiet tiegħek. Il-Bibbja tirrikonoxxi li dawk li jiżżewġu “jkollhom tribulazzjoni.” (1 Korintin 7:28) Meta tesperjenza tribulazzjoni bħal din, taqbadx u tassumi li ż-żwieġ tiegħek kien żball. Minflok, aħdem mal-parti l-oħra sabiex issolvi d-differenzi u “komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb.”—Kolossin 3:13.