Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek

Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek

L-ISFIDA

“Fl-iskola primarja ma kontx aċċettata minn ħafna mit-tfal, u dan weġġagħni. Għalhekk, meta bdejt is-sekondarja, biddilt id-dehra u l-attitudni tiegħi—u mhux għall-aħjar. Tant kont iddisprata biex ikolli l-ħbieb li ċedejt għall-pressjoni minn dawk tampari, sempliċement biex nintgħoġob minn sħabi tal-iskola.”—Jennifer, 16. *

Int tiffaċċja pressjoni minn dawk tamparek? Jekk inhu hekk, dan l-artiklu se jgħinek tittratta magħha.

Meta ċċedi għall-pressjoni minn dawk tamparek, int issir bħal robot bla moħħ għax tħalli lil oħrajn jikkontrollawk. Għala tħallihom ikollhom dik is-setgħa fuqek?—Rumani 6:16.

X’GĦANDEK TKUN TAF

Il-pressjoni minn dawk tamparhom tistaʼ ġġiegħel lil nies tajbin jagħmlu affarijiet ħżiena.

“Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.

“Hu bħallikieku nkunu nafu li ċerta triq hi ħażina, imma meta niġu wiċċ imb wiċċ mas-sitwazzjoni, l-emozzjonijiet jirkbuna u nkunu rridu nogħġbu lin-nies!”—Dana.

Il-pressjoni minn dawk tamparek mhix l-unika pressjoni li jkollok.

“Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.”—Rumani 7:21.

“Il-pressjoni li nħoss spiss tkun ġejja minni; tabilħaqq inkun jien li nixtieq l-affarijiet li dwarhom ikunu qed jitkellmu sħabi u li huma jagħmluhom jidhru tant eċċitanti.”—Diana.

Meta ma ċċedix għall-pressjoni minn dawk tamparek ikollok għal xiex tkun kburi.

“Żommu kuxjenza tajba.”—1 Pietru 3:16.

“Kien hemm żmien meta kien diffiċli ħafna għalija li ma nċedix għall-pressjoni minn dawk tampari, imma issa ma nibżax inkun differenti u jien soda fid-deċiżjonijiet tiegħi. M’hemm xejn aħjar milli tmur torqod billejl b’kuxjenza nadifa.”—Carla.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Meta tiffaċċja l-pressjoni minn dawk tamparek biex tagħmel il-ħażin, ipprova dan li ġej:

Qis il-konsegwenzi. Staqsi lilek innifsek, ‘Xi ngħidu jekk inċedi għall-pressjoni u mbagħad ninqabad? Il-ġenituri tiegħi x’se jaħsbu dwari? Jien kif se nqis lili nnifsi?’—Prinċipju Bibliku: Galatin 6:7.

“Il-ġenituri jistaqsuni mistoqsijiet bħal, ‘Kieku kellek iċċedi, x’jistaʼ jiġrilek?’ Huma jgħinuni nara kif il-pressjoni minn dawk tampari tistaʼ twassalni fit-triq il-ħażina.”—Olivia.

Kun konvint minn dak li temmen. Staqsi lilek innifsek, ‘Għala nemmen li din it-triq hija taʼ ħsara, sew għalija u sew għal oħrajn?’—Prinċipju Bibliku: Ebrej 5:14.

“Meta kont żgħira, kont ngħid le jew inwieġeb fil-qosor, imma issa nistaʼ nagħti spjegazzjoni tajba dwar għala se nagħmel xi ħaġa jew għala mhux se nagħmilha. Jien soda f’dak li nemmen dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. It-tweġiba tiġi mingħandi—u mhux mingħand xi ħadd ieħor.”—Anita.

Aħseb dwar x’tip taʼ persuna int. Staqsi lilek innifsek, ‘X’tip taʼ persuna rrid inkun?’ Imbagħad aħseb dwar il-pressjoni li tkun qed tiffaċċja u staqsi, ‘Din it-tip taʼ persuna x’kienet tagħmel f’din is-sitwazzjoni?’—Prinċipju Bibliku: 2 Korintin 13:5.

“Jien kuntenta bija nnifsi, u għalhekk ma tantx jimpurtani x’jaħsbu fuqi oħrajn. Fuq kollox, il-biċċa l-kbira min-nies jieħdu gost ikunu mal-persuna li verament jien.”—Alicia.

Aħseb dwar il-futur. Jekk għadek l-iskola, fi ftit snin—jew saħansitra xhur—l-istess nies li int qed tipprova timpressjona jistgħu lanqas biss ikunu għadhom f’kuntatt miegħek.

“Ħarist lejn ritratt taʼ meta kont l-iskola, u lanqas biss ftakart l-ismijiet taʼ xi wħud minn sħabi tal-klassi. Imma meta kont l-iskola magħhom, l-opinjoni tagħhom kienet importanti iktar milli nibqaʼ leali lejn it-twemmin tiegħi. Xi bluha!”—Dawn, issa għandha 22 sena.

Ipprepara: Il-Bibbja tgħid: ‘Kun af kif għandek twieġeb lil kulħadd.’—Kolossin 4:6.

“Il-ġenituri jgħinu lili u lil oħti biex inġibu quddiem għajnejna ċerti sitwazzjonijiet, u mbagħad nirreċtawhom sabiex meta niffaċċjawhom fir-realtà nkunu nafu xi rridu nagħmlu.”—Christine.

^ par. 4 Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.