It-Tromba tal-Iljunfant
Ġiet Disinjata?
● Xi riċerkaturi qed jiżviluppaw driegħ robotiku li għandu iktar ħeffa u flessibiltà. Wieħed imlaħħaq fil-kumpanija li qed tiżviluppa dan l-apparat jgħid li d-driegħ il-ġdid “hu ferm superjuri għal kwalunkwe ħaġa li bħalissa hi disponibbli fl-awtomazzjoni industrijali.” Minn fejn ġabu l-idea dwar kif jinbena dan id-driegħ robotiku ġdid? “Mill-mod kif tiffunzjona t-tromba tal-iljunfant,” jgħid hu.
Ikkunsidra: It-tromba tal-iljunfant, li tiżen xi 140 kilogramm, sejħulha “l-iktar parti tal-ġisem versatili u utli fuq din il-pjaneta.” Din it-tromba li għandha ħafna skopijiet tistaʼ sservi bħala mnieħer, stro, driegħ, jew id. Biha, l-iljunfant jistaʼ jieħu n-nifs, ixomm, jixrob, jaqbad, jew saħansitra jagħmel ħoss taʼ trumbetta li jtarrxek!
Imma dan mhux kollox. It-tromba tal-iljunfant fiha xi 40,000 fibra muskolari li jħalluha tiċċaqlaq fi kwalunkwe direzzjoni. Billi juża t-tarf nett tat-tromba tiegħu, l-iljunfant jistaʼ jiġbor munita żgħira. Fl-istess waqt, l-iljunfant jistaʼ juża t-tromba tiegħu biex jerfaʼ tagħbijiet taʼ xi 270 kilogramm!
Ir-riċerkaturi jittamaw li jekk jimitaw l-istruttura u l-abbiltajiet tat-tromba tal-iljunfant se jkunu jistgħu jiżviluppaw robots superjuri kemm għal użu domestiku kif ukoll għal użu industrijali. “Ħloqna tip taʼ magna kompletament ġdida biex tgħin lill-bnedmin,” jgħid rappreżentant mill-kumpanija li ssemmiet qabel, “u għall-ewwel darba, bis-saħħa tagħha, il-bnedmin u l-magni jistgħu jaħdmu flimkien b’mod effiċjenti u mingħajr periklu.”
Int x’taħseb? It-tromba tal-iljunfant żviluppat permezz tal-evoluzzjoni? Jew ġiet disinjata?