Għala Għandek Tfaħħar lil Oħrajn?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
ĦAFNA nies iħossu li l-isforzi li jagħmlu ma jiġux notati minn oħrajn. Pereżempju, ħafna drabi xi ħaddiema jħossuhom mhux apprezzati mill-imgħallmin tagħhom. Bosta wħud miżżewġin iħossu li s-sieħeb jew is-sieħba tagħhom ma tapprezzahomx biżżejjed. Jerġaʼ, xi tfal jaħsbu li qatt ma jistgħu jogħġbu biżżejjed lill-ġenituri tagħhom. Ċertament li nistgħu ntaffu ħsibijiet bħal dawn jekk minn żmien għal żmien ilkoll inkunu lesti li nfaħħru lil xulxin.
Kliem sinċier taʼ tifħir mhuwiex komuni fid-dinja tal-lum u dan m’għandux jissorprendina għax il-Bibbja bassret: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, . . . ingrati, żleali.”—2 Timotju 3:1, 2.
Ġieli ġejt imfaħħar b’mod sinċier? Mela taf kemm tifħir bħal dan jistaʼ jferraħ il-qalb u jqawwi l-ispirtu. Il-Bibbja tgħid: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!” (Proverbji 15:23) L-Iskrittura Mqaddsa tistaʼ tgħinna nittrattaw lil xulxin b’qalb tajba.
Fittex it-Tajjeb f’Oħrajn
Peress li Alla jinteressah profondament minna, hu jinnota u japprezza l-kwalitajiet u l-għemejjel tajbin tagħna. Il-Bibbja tassigurana: “Għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kronaki 16:9) Meta nuru l-imħabba tagħna għal Alla, billi nobdu l-liġijiet tiegħu, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jinnotaha.
Alla Ġeħova ma joqgħodx ifittex għan-nuqqasijiet tagħna. Li kieku jagħmel hekk, ebda wieħed minna ma jistaʼ jżomm wieqaf. (Salm 130:3) Minflok, Ġeħova hu bħal dak il-minjier li bil-paċenzja kollha jeżamina bir-reqqa gozz ġebel ħalli jfittex ħaġar prezzjuż. Meta l-minjier isib ħaġra prezzjuża, hu jifraħ. Il-ħaġra mhix irfinuta għandha mnejn ma tkunx tidher prezzjuża, imma l-minjier jara l-valur potenzjali taʼ dik il-ħaġra. Bl-istess mod, meta Alla jfittex fi qlubna, hu jfittex għal kwalitajiet prezzjużi u mhux għan-nuqqasijiet. Meta jsibhom, hu jifraħ. Hu jaf li dawn il-kwalitajiet, meta jiġu fformati u ppolixjati, jistgħu jipproduċu xi ħaġa verament taʼ valur—aduratur devot u leali taʼ Ġeħova.
Aħna nistgħu nitgħallmu mill-eżempju t’Alla. Meta nħarsu lejn oħrajn, għandna mnejn ikollna t-tendenza li niffokaw fuq in-nuqqasijiet tagħhom. Madankollu, jekk aħna nħarsu lejn in-nies bħalma jħares lejhom Ġeħova, se nfittxu l-kwalitajiet tajbin li jkollhom. (Salm 103:8-11, 17, 18) Meta nsibu dawn il-kwalitajiet prezzjużi tagħhom, aħna nistgħu nfaħħruhom. X’se jkun ir-riżultat? Kliemna żgur li se jkun rifreskanti daqs tazza ilma kiesħa fis-sajf! Dan ukoll għandu mnejn jgħinhom biex jaħdmu iktar iebes ħalli jagħmlu dak li hu sewwa. Mill-banda l-oħra, aħna se nesperjenzaw il-ferħ li jiġi milli nagħtu lil oħrajn.—Atti 20:35.
Irrikonoxxi l-Għemejjel Tajbin
Ħafna drabi Ġesù nnota u rrikonoxxa l-għemejjel tajbin t’oħrajn. Darba minnhom, meta mara mbeżżgħa u marida b’mod diskret messitlu ħwejġu sabiex tfiq, Ġesù faħħarha billi qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek.”—Marku 5:34.
F’okkażjoni oħra, waqt li Ġesù kien qed jgħallem fit-tempju taʼ Ġerusalemm, hu ra ħafna nies għonja jitfgħu l-flus fil-kaxxi tat-teżor. Imbagħad ra waħda armla fil-bżonn titfaʼ “żewġ muniti żgħar taʼ valur żgħir ferm.” In-nies l-oħrajn kienu tefgħu iktar flus minnha. Madankollu, Luqa 21:1-4.
Ġesù faħħar pubblikament is-sinċerità tal-armla billi qal: “Ngħidilkom il-verità, Din l-armla, għalkemm fqira, tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha tefgħu għotjiet miż-żejjed tagħhom, imma din il-mara, min-nieqes tagħha, tefgħet il-mezz t’għajxien kollu li kellha.”—Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? Il-Bibbja tgħid: “Iżżommx lura milli tagħmel il-ġid lil min hu dovut, meta f’idejk ikollok il-qawwa li tagħmlu.”—Proverbji 3:27.
It-Tifħir Għandu Qawwa
Fid-dinja ingrata tal-lum, ilkoll kemm aħna għandna l-ħtieġa li nħossuna apprezzati u maħbubin. Meta b’mod sinċier infaħħru lil oħrajn, inkunu qed insaħħuhom u ninkuraġġuhom. It-tifħir sinċier tagħna jqanqalhom biex jibqgħu jagħmlu l-aħjar tagħhom.—Proverbji 31:28, 29.
Il-Bibbja tħeġġeġ lil Kristjani kollha: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24) Li kieku kulħadd juri interess personali f’oħrajn, ifittex għal kwalitajiet tajbin f’oħrajn, u jirrikonoxxi l-għemejjel tajbin tagħhom, kieku d-dinja tkun post differenti minn kif inhi llum. Tassew li t-tifħir għandu qawwa!
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Għala għandna nfaħħru lil oħrajn għall-għemejjel tajbin tagħhom?—Proverbji 15:23.
● Meta Ġeħova jeżaminana, għal xiex ifittex?—2 Kronaki 16:9.
● Meta għandna nfaħħru lil oħrajn?—Proverbji 3:27.
[Stampa f’paġna 15]
Tinnota int u tirrikonoxxi l-għemejjel tajbin t’oħrajn?