Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħobb Tieklu l-Faqqiegħ?

Tħobb Tieklu l-Faqqiegħ?

FL-​Eġittu tal-​qedem, il-​Fargħunijiet kienu jqisu l-​faqqiegħ bħala ikel fin. Dan sar l-​ikel li l-​familja rjali biss kienet tiekol minnu. Ir-​Rumani sejħu l-​faqqiegħ ikel tal-​allat u servewh biss f’okkażjonijiet speċjali. Il-​Griegi tal-​qedem kienu jagħmlu l-​festi tal-​faqqiegħ u kienu jemmnu li l-​faqqiegħ kien isaħħaħ lill-​gwerriera tagħhom għall-​ġlied.

Madankollu, illum il-​faqqiegħ mhuwiex biss għan-​nies taʼ klassi għolja. Nies madwar id-​dinja kollha jieħdu gost jikluh! Xi ngħidu għalik? Jekk tħobb il-​faqqiegħ, taf xi tkun qed tiekol? Huwa l-​faqqiegħ klassifikat mal-​annimali, mal-​ħaxix, jew maʼ xi ħaġa oħra? Kif jitkabbar? Huwa sustanzjuż? U jekk tara l-​faqqiegħ fis-​selvaġġ, x’għandek tagħmel?

Aħna u nfittxu għat-​tweġibiet, jien u marti soqna minn Sydney, l-​Awstralja, għal Mittagong, belt mill-​isbaħ fil-​postijiet muntanjużi fin-​Nofsinhar taʼ New South Wales. Fejn konna sejrin? Fir-​razzett tal-​faqqiegħ taʼ Noel Arrold.

It-​Tkabbir tal-​Faqqiegħ

Noel, Awstraljan mibni sew, huwa mikrobijologu u espert tal-​faqqiegħ. Hu studja dwar it-​tkabbir tal-​faqqiegħ f’diversi pajjiżi qabel ma mar lura l-​Awstralja biex ikabbru għall-​bejgħ. “Il-​faqqiegħ hu fungi, familja taʼ organiżmi li tinkludi l-​moffa,” jispjega hu. “Il-​bijologi qabel kienu jaħsbu li l-​fungi kienu pjanti, imma issa nafu li huma differenti ħafna mill-​pjanti.

“Pereżempju, il-​fungi ma jagħmlux l-​ikel tagħhom permezz taʼ fotosinteżi bħalma jagħmlu kważi l-​pjanti kollha. Jistgħu jikbru fid-​dlam. Minn ġo fihom joħorġu enzimi b’saħħithom li jibdlu l-​materjal organiku f’nutrijenti bażiċi, u dan iservihom taʼ ikel. Dan il-​proċess uniku taʼ diġestjoni jiddistingwi wkoll il-​fungi mill-​annimali. La l-​fungi mhumiex pjanti u lanqas annimali, il-​bijologi issa jikklassifikawhom f’kategorija għalihom—ir-​renju tal-​faqqiegħ.”

“Fis-​selvaġġ, il-​faqqiegħ li jkun kiber jerħi miljuni taʼ spori ċkejknin (ċelluli tat-​tnissil qishom żrieragħ) li jitħalltu maʼ spori oħrajn tal-​faqqiegħ u jinbtu,” ikompli Noel. “Jekk l-​ispori . . . jaqgħu f’post frisk u umduż u jkun hemm ħafna ikel, huma jkunu jistgħu jikbru f’faqqiegħ ġdid. Dawk li jkabbru l-​faqqiegħ għall-​bejgħ jimmiraw biex jikkopjaw dan il-​proċess u jużaw kundizzjonijiet kontrollati sabiex iżidu fil-​kwantità u jtejbu l-​kwalità.”

Hekk kif inkomplu d-​dawra tagħna, Noel jispjega li varjetajiet differenti taʼ faqqiegħ għandhom bżonn kundizzjonijiet differenti taʼ tkabbir. Pereżempju, faqqiegħ abjad żgħir, il-​varjetà l-​iktar popolari fid-​dinja, jikber l-​aħjar f’kompost tal-​irziezet li jkunu tneħħewlu l-​batterji. Varjetajiet oħrajn jiffjorixxu f’boroż bi fdalijiet tal-​pjanti, fi fliexken bi żrieragħ taċ-​ċereali, fi zkuk kbar, jew fi zkuk magħmulin b’ċana pressata. Mill-​eluf taʼ speċi magħrufin taʼ faqqiegħ, xi 60 biss jitkabbru għall-​bejgħ.

Noel ikabbar il-​faqqiegħ tiegħu f’mina tal-​ferrovija antika u abbandunata ħdejn Mittagong. Hu jgħidilna: “Hemm il-​frisk, l-​umdità, u huwa ideali biex tkabbar il-​faqqiegħ.” Hemm naraw varjetà taʼ boroż, pjanti, u fliexken li fihom jinbtu eluf taʼ faqqiegħ taʼ kull forma u daqs. Ftit minnhom ifakkruna f’ward li jkun qed jiftaħ; oħrajn jixbhu l-​ġilji u l-​bukketti taʼ fjuri jew ikunu qishom umbrelel żgħar u ħoxnin. Bqajna skantati bil-​wirja kollha kuluri!

Fih Togħma Tajba u Jintuża b’Ħafna Modi

“Ħafna nies togħġobhom id-​dehra tal-​faqqiegħ mhux komuni imma jistgħu ma jkunux jafu kif isajruh,” jispjega Noel. “Madankollu, veru jissajjar faċilment. Xi nies iqattgħuh biex jaqluh ħafif ħafif maʼ ħxejjex oħra, għas-​sopop, u għall-​insalata, jew isajruh sħiħ fuq il-​barbikju. Personalment, inħobb niekol l-​oyster mushrooms bil-​panura u moqlijin fiż-​żejt. U x-​shiitake mushrooms għandhom togħma qawwija taʼ laħam li jiġu tajbin ħafna fil-​froġa.”

Faqqiegħ li hu tajjeb għall-​ikel hu sustanzjuż ħafna u hu sors imprezzabbli taʼ fibra, proteina, minerali, u vitamini. Xi 2,000 varjetà huma magħrufin ukoll għall-​valur mediċinali. Skont studju mediku, l-​estratti tal-​faqqiegħ għandhom iżjed minn 100 użu mediċinali, fosthom li jiġġieldu l-​kanċer, l-​epatite, l-​AIDS, il-​marda tal-​Alzheimer, u l-​kolesterol għoli.

Madankollu, jistaʼ jkun perikoluż ħafna li taqtaʼ l-​faqqiegħ mis-​selvaġġ. Il-​faqqiegħ death cap (Amanita phalloides), jew ir-​rospu velenuż, fost oħrajn, jixbah mill-​qrib lil varjetajiet li huma tajbin għall-​ikel, iżda jistaʼ joqtol. Għalhekk, imxi skont ir-​regola: Qatt tiekol il-​faqqiegħ mis-​selvaġġ jekk ma jkunx hemm espert tal-​faqqiegħ li jgħidlek li hu tajjeb biex tieklu! Ċertament, dawk il-​varjetajiet li jitkabbru biex jinbiegħu huma tajbin għall-​ikel. Fil-​fatt, huma ikel delizzjuż li darba kien jittiekel biss minn nies irjali!

[Kaxxa f’paġna 16]

IL-​FAQQIEGĦ FIN-​NATURA

Il-​faqqiegħ selvaġġ jikber l-​iktar f’foresti mudlama, umdużi, u friski. Hawnhekk huma jibdlu siġar mejtin, ħxejjex, u ħmieġ tal-​annimali f’materjal organiku li jagħti s-​sustanza lill-​ħamrija. Xi faqqiegħ jifforma relazzjonijiet simbjotiċi mas-​siġar. Dan ifisser li dan il-​faqqiegħ jieħu n-​nutrijenti mit-​taħlit organiku fl-​għeruq tas-​siġar, filwaqt li s-​siġar jieħdu n-​nutrijenti li jkunu ħadu l-​faqqiegħ.

[Kaxxa f’paġna 17]

SUĠĠERIMENTI DWAR IL-​FAQQIEGĦ

• Aħżen il-​faqqiegħ frisk f’borża tal-​karti jew tad-​drapp fil-​friġġ tiegħek. Evita li tpoġġih ħdejn affarijiet b’riħa qawwija, għax dan jistaʼ jassorbi dawn l-​irwejjaħ.

• Jekk qed tiekol faqqiegħ nej, imsħu b’biċċa ċarruta niedja jew laħalħu malajr fl-​ilma u xxottah ħafif ħafif b’ċarruta. Tgħerriqx il-​faqqiegħ fl-​ilma.

• Jekk qed issajjar il-​faqqiegħ, sempliċement uża pinzell artab biex tneħħi xi ħmieġ li jkun hemm fil-​wiċċ.

• Tqaxxarx il-​faqqiegħ—il-​qoxra tiegħu għandha togħma tajba u hi sustanzjuża!

[Stampa f’paġna 15]

Il-​faqqiegħ jitkabbar f’din il-​kamra b’temperatura kontrollata

[Stampa f’paġna 16]

Xi faqqiegħ jixbah lil fjuri sbieħ

[Stampa f’paġna 17]

Faqqiegħ mixwi flimkien mal-​hummus, spinaċi, tewm, u kurrat imqatta’

[Sors tal-istampa f’paġna 15]

Courtesy of the Mushroom Information Center

[Sorsi tal-Istampa f’paġna 17]

Fuq: Courtesy of the Mushroom Information Center; isfel: Courtesy of the Australian Mushroom Growers Association