Il-Pressjoni Biex Tkun Diżonest
“L-onestà fin-negozju hi xi ħaġa tal-passat, u dawk li jipprovaw jipprattikawha żgur li se jfallu.”—Stephen, l-Istati Uniti tal-Amerika.
TAQBEL int maʼ din l-opinjoni ħarxa? Irridu nammettu li d-diżonestà spiss iġġib il-gwadann—għall-inqas għal żmien qasir. Minħabba f’hekk, dawk li jipprovaw ikunu onesti jesperjenzaw pressjoni kbira fl-oqsma li ġejjin.
Tentazzjoni Persunali. Min ma jiħux pjaċir ikollu iktar flus jew xi affarijiet lussużi oħrajn? Jistaʼ jkun diffiċli li tirreżisti opportunità biex tiggwadanja finanzjarjament b’mod diżonest.
● “Jien nagħmel kuntratti għan-nom tal-kumpanija tiegħi. Offerti taʼ tixħim huma komuni. Il-ġibda għall-flus mingħajr tbatija hi waħda qawwija.”—Franz, il-Lvant Nofsani.
Pressjoni Biex Tagħmel Iktar Qligħ. Fi snin reċenti, negozji madwar id-dinja ssieltu maʼ kundizzjonijiet ekonomiċi batuti. Iridu wkoll ikampaw maʼ teknoloġija li l-ħin kollu tinbidel u maʼ kompetizzjoni reġjonali u globali li dejjem tiżdied. L-impjegati forsi jħossu li d-diżonestà hi l-unika mod kif jilħqu ċerti miri li jagħmlulhom is-sidien u l-maniġers.
● “Ħsibna li ma kellniex għażla oħra. . . . Inkella, il-kumpanija konna se nfalluha.”—Reinhard Siekaczek, arrestat minħabba t-tixħim.—The New York Times.
Pressjoni Minn Oħrajn. Ħaddiema sħabek jew konsumaturi kultant għandhom mnejn jissuġġerixxu, jew saħansitra jinsistu, li tingħaqad magħhom fi skemi diżonesti.
● “Maniġer taʼ klijent importanti avviċinani u qal li kont se nitlef in-negozju tiegħu jekk ma nagħtihx flus minn taħt.”—Johan, l-Afrika t’Isfel.
Kultura. F’xi kulturi, hija d-drawwa li fi transazzjonijiet tan-negozju jkun hemm tpartit taʼ rigali. Skont id-daqs u ċ-ċirkustanzi tar-rigal, forsi ma jkunx ċar jekk transazzjoni tan-negozju tkunx verament onesta. F’ħafna pajjiżi, uffiċjali korrotti jitolbu l-flus qabel ma jwettqu dmirhom u minn jeddhom jaċċettaw ħlas biex jittrattaw lil dak li jkun b’mod speċjali.
● “Dejjem hu taʼ sfida li tagħmel distinzjoni bejn tipp u tixħim.”—William, il-Kolombja.
Ambjent. Dawk li jgħixu f’faqar estrem jew f’pajjiżi fejn kien hemm kollass fl-ordni ċivili jiffaċċjaw l-akbar pressjoni. F’ambjenti bħal dawn, dawk li ma jkunux lesti li jqarrqu jew jisirqu għandhom mnejn jitqiesu bħala li ma jipprovdux biżżejjed għall-familji tagħhom.
● “Id-diżonestà hi meqjusa bħala xi ħaġa normali, neċessarja, u aċċettabbli dment li ma tinqabadx.”—Tomasi, il-Kongo Kinshasa.
Kif l-Onestà Qed Tiddgħajjef
Il-pressjoni biex tkun diżonest għandha effett profond. Stħarriġ li sar fuq maniġers tan-negozju fl-Awstralja rrapporta li 9 minn kull 10 qiesu t-tixħim u l-korruzzjoni bħala li huma “ħżiena imma li ma tistax tevitahom.” Dawk li ġew mistħarrġin qalu li kienu lesti li jinjoraw il-morali tagħhom biex jirbħu kuntratt jew biex il-kumpanija tagħhom tiggwadanja.
Madankollu, dawk li jieħdu sehem fid-diżonestà spiss iqisu lilhom infushom bħala onesti. Kif isibu armonija bejn il-ħarsa tagħhom lejhom infushom u l-imġiba tagħhom? Wieħed ġurnal jirrapporta: “In-nies jaġixxu b’kemm hemm bżonn diżonestà biex jagħmlu qligħ, imma b’kemm hemm bżonn onestà biex iġiegħlu lilhom infushom iħossu li huma nies morali u onesti.” (Journal of Marketing Research) Biex itaffu t-taqbida li jħossu ġo fihom, in-nies jiskużaw, iċekknu, jew jiġġustifikaw id-diżonestà b’diversi modi.
Pereżempju, id-diżonestà tistaʼ tiġi deskritta f’termini li ma jinstemgħux daqstant ħżiena moralment. Dak li jkun, minflok ma jgħid li qed jigdeb jew iqarraq jgħid li qed iħaffef il-proċess jew li hu kompetittiv. It-tixħim jistaʼ jiġi deskritt bħala sempliċi “favur” jew “ħlas biex ix-xogħol jitlesta malajr.”
Oħrajn jiskużaw imġiba dubjuża billi jtaffu d-definizzjoni tagħhom tal-onestà. Tom, li jaħdem fl-industrija finanzjarja, josserva: “Il-mod kif in-nies iqisu l-onestà iktar għandu x’jaqsam maʼ sa fejn jistgħu jaslu mingħajr ma jinqabdu milli maʼ x’inhi tassew il-verità.” David, li fil-passat kien direttur f’negozju, jgħid: “Għalkemm id-diżonestà meta tinkixef ma tiġix approvata, hi meqjusa bħala aċċettabbli jekk ma tinqabadx. Nies li ma jinqabdux huma meqjusin għaqlin għall-‘kreattività’ tagħhom.”
Ħafna saħansitra jsostnu li d-diżonestà hi neċessarja biex tirnexxi. Wieħed li ilu negozjant jgħid: “Attitudni kompetittiva spiss tqanqal lin-nies biex jgħidu, ‘Trid tagħmel kulma hemm bżonn biex takkwista x-xogħol.’” Imma huwa minnu dan? Jew dawk li jipprovaw jiġġustifikaw id-diżonestà fir-realtà qed ‘iqarrqu bihom infushom bi rraġunar falz’? (Ġakbu 1:22) Ikkunsidra l-vantaġġi prattiċi tal-onestà li hemm fl-artiklu li jmiss.
[Kumment f’paġna 5]
“Il-mod kif in-nies iqisu l-onestà iktar għandu x’jaqsam maʼ sa fejn jistgħu jaslu mingħajr ma jinqabdu milli maʼ x’inhi tassew il-verità”
[Stampa f’paġna 5]
Ħafna jsostnu li d-diżonestà hi neċessarja biex tirnexxi