Kif Timmaniġġa Flusek
BAŻIKAMENT, hemm tliet modi kif timmaniġġa l-flus: (1) Tonfoqhom, (2) tfaddalhom, jew (3) tagħtihom. Ejja niddiskutu kif nonfqu l-flus bil-għaqal.
L-iktar ħaġa importanti li wrietna r-Reċessjoni l-Kbira hi l-għerf taʼ li tgħix permezz taʼ baġit maħsub sew. X’inhu baġit? Fi kliem sempliċi, hu kalkolu taʼ kif se jintuża d-dħul, kemm jekk minn individwu, familja, negozju, jew gvern.
Proġett tal-Familja
Kif tistaʼ tagħmel baġit? Fil-ktieb tagħha (Budgeting), Denise Chambers tgħid: “Il-membri kollha tal-familja għandhom jieħdu sehem f’li jħejju l-baġit ħalli kulħadd iħossu responsabbli biex iżomm mill-qrib miegħu.” Kull tant żmien għandhom jiltaqgħu kollha flimkien biex jaraw kif sejrin bil-baġit. Il-ħolqien taʼ baġit li jaħdem jistaʼ jsir proġett tal-familja premjanti hekk kif kull membru jsib modi kif jgħix fil-limitu tad-dħul tal-familja.
Xi wħud jużaw programm tal-kompjuter biex ifasslu baġit. Oħrajn sempliċement jużaw karta u lapes u jaqsmu l-karta f’żewġ kolonni. Kolonna minnhom tkun għad-dħul, u l-oħra għall-ispejjeż. Ukoll, hu importanti li fil-baġit tinkludu ammont kull xahar biex ikopri l-ispejjeż taʼ darba fis-sena, bħat-taxxa fuq id-dħul u forsi xi vaganza.
Metodu li ilu jintuża taʼ kif jintgħamel baġit hu bbażat fuq l-użu taʼ envelopsijiet jew folders li fuqhom ikun hemm miktub “Ikel,” “Kera,” “Trasport,” “Dawl u Ilma,” “Mediċina,” eċċetra. Fil-passat, kull xahar in-nies kienu jpoġġu l-flus għal dawn l-ispejjeż f’envelopsijiet. Issa ħafna nies iħossu li hu iktar sigur u eħfef li jitfgħu l-flus f’kont bankarju u jiġbduhom skont il-bżonn.
Jonathan u Anne, li jgħixu fl-Afrika t’Isfel maż-żewġt ibniet tagħhom, spiss jużaw il-metodu tal-folders biex jagħmlu baġit. Jonathan jgħid: “Jekk is-salarju tiegħek jintefaʼ f’kont bankarju, xorta jkun importanti li tkun strett dwar kif tqassam flusek. Pereżempju, jekk jispiċċalek l-ammont għal xahar li warrabt għal-laħam, m’għandekx tieħu mill-flus li warrabt għat-tfaddil biex tixtri iktar laħam.”
Fil-passat, Jonathan kellu n-negozju tiegħu, imma issa hu u familtu ddeċidew li jkunu ħaddiema volontarji u huma involuti f’li jibnu postijiet għall-qima. Peress li jgħożżu din il-ħajja taʼ li jagħtu minnhom infushom, ikollhom jgħixu permezz taʼ baġit iktar minn qatt qabel. Il-familja regolarment tiddiskuti flimkien biex tara kif sejra bil-baġit u biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa.
Ferħ Ikbar
L-istudji juru li meta tagħti mir-riżorsi tiegħek lil oħrajn, inkluż il-ħin u l-enerġija kif ukoll xi flus, tikseb ferħ ikbar. Sakemm jippermettulek ir-riżorsi tiegħek, tistaʼ tkun l-aħjar għażla mit-tlieta msemmijin fl-introduzzjoni.
Chris Farrell, fil-ktieb tiegħu (The New Frugality), jgħid li jekk tfaddal ikollok l-opportunità li taqsam maʼ ħaddieħor. Hu jirrikkmanda: “Waħda mill-iktar affarijiet sensibbli u taʼ valur li tistaʼ tagħmel bi flusek hi li tagħtihom.” a Farrell iżid: “Meta taħseb fuq dak li hu l-iktar importanti, spiss ikunu r-relazzjonijiet, l-esperjenzi, u l-fatt li tistaʼ tferraħ lil oħrajn, mhux il-flus u l-affarijiet li tippossiedi.”
Michael Wagner, ekonomista, jidher li jaqbel. Fil-ktieb tiegħu (Your Money, Day One), li nkiteb bl-iskop li jimmotiva liż-żgħażagħ ifaddlu, jgħid: “Meta minn jeddek tgħin lil dawk li huma inqas fortunati, il-qalb tajba u l-ġenerożità li tkun urejt se jiġu lura għandek b’varjetà taʼ modi pożittivi, imma l-iktar ħaġa premjanti hi dak li tħoss f’qalbek meta tgħin lill-proxxmu tiegħek.”
L-istudji juru li l-benefiċċji li jiġu milli wieħed jagħti milli jkollu mhumiex xi ħaġa ġdida. Huma bbażati fuq stqarrijiet li jgħoddu għal dejjem u li tniżżlu fil-Bibbja żmien twil ilu. Ejja nikkunsidraw sebgħa minnhom.
[Nota taʼ taħt]
a Il-flus jistgħu jingħataw permezz taʼ rigali jew billi tkun ospitabbli, bħal pereżempju, billi tipprepara ikliet għall-ħbieb u l-familja.