Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sors Ċert taʼ Gwida u Tama

Sors Ċert taʼ Gwida u Tama

KUNTRARJU għad-​demonji, Alla Ġeħova hu l-​iktar wieħed għaref u l-​iktar wieħed setgħan. Hu wkoll il-​personifikazzjoni tal-​imħabba. (1 Ġwanni 4:8) Il-​pariri tiegħu huma dejjem tajbin, joffrihom mingħajr ħlas, u jixtiqilna l-​aħjar. X’kuntrast mal-​pariri taʼ kjaroveġġenti u psikiċi! “Isa, intom ilkoll li għandkom l-​għatx [spiritwali]!” jgħid Alla. “Ejjew lejn l-​ilma. U dawk li m’għandhomx flus! Ejjew, ixtru u kulu. Iva, ejjew, ixtru l-​inbid u l-​ħalib bla flus u bla prezz. Għalfejn tibqgħu tħallsu l-​flus għal dak li m’huwiex ħobż, u għala titħabtu għal dak li ma jġibx sodisfazzjon? Isimgħuni sew, u kulu dak li hu tajjeb, u ħa titgħaxxaq ferm ruħkom b’ikel rikk.”—Isaija 55:1, 2.

Minħabba li kienet imnebbħa mill-​Ħallieq kollu mħabba tagħna, il-​Bibbja tagħtina tama, protezzjoni spiritwali, skop fil-​ħajja, u l-​aqwa prinċipji biex ngħixu fi qbil magħhom. Għala ma tirriflettix ftit fuq il-​mistoqsijiet li ġejjin u s-​siltiet relatati magħhom li huma meħudin mill-​Bibbja?

[Kaxxa f’paġna 7]

Kif nistaʼ nsib paċi ġewwinija taʼ vera? Il-​Bibbja tgħid: “Hekk qal Ġeħova, Dak li xtrak lura, il-​Qaddis taʼ Israel: ‘Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-​ġid tiegħek, li mmexxik fit-​triq li għandek timxi. O li kieku fil-​fatt tagħti kas il-​kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-​paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-​sewwa tiegħek bħall-​mewġ tal-​baħar.’”—Isaija 48:17, 18.

Il-​ħażen dejjem se jeżisti? “Huma r-​retti li se jgħammru fuq l-​art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha. Rigward in-​nies mill-​agħar, dawn se jitqaċċtu mill-​art; u t-​tradituri jinqalgħu minnha.” (Proverbji 2:21, 22) Iva, il-​bnedmin mill-​agħar, kif ukoll l-​anġli mill-​agħar, se jinqerdu darba għal dejjem, bħallikieku bin-​nar.—Rivelazzjoni 20:10, 14.

Se jkun hemm tmiem għall-​mard u s-​sofferenza? “Ara! It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-​popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel [il-​ħafna problemi tal-​lum] ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.

Kuntrarju għad-​demonji, Alla qatt ma jigdeb. Infatti, hu “ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Iżjed minn hekk, bħalma se juri l-​aħħar artiklu f’din is-​serje, il-​verità tiegħu teħlisna kif ukoll tagħtina l-​ħajja.—Ġwanni 8:32; 17:3.