Il-Proċess Meraviljuż tat-Twelid
SA FL-AĦĦAR l-istennija taʼ disaʼ xhur għaddiet, u t-tarbija tant mixtieqa waslet biex titwieled. a L-għonq tal-utru tal-omm li qed tistenna tarbija baqaʼ magħluq sew, u b’hekk il-fetus inżamm protett fil-ġuf. Imma issa l-għonq tal-utru tagħha jirqaq, jirtab, u jinfetaħ. B’hekk, jibda l-miraklu tat-twelid.
X’hemm wara l-proċess meraviljuż tat-twelid? Mid-diversi fatturi involuti, tnejn huma speċjalment tal-għaġeb. L-ewwel, jiżdied l-ossitosin, ormon li l-moħħ jipproduċi. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jipproduċu din is-sustanza, imma l-omm tqila jkollha kwantità kbira minnha meta jibda l-uġigħ tal-ħlas, u din iġġiegħel l-għonq tal-utru jinfetaħ u jkun hemm ġbid fl-utru.
Hu misteru kif il-glandola pitwitarja tal-omm li qed tistenna tarbija tkun taf meta għandha tibda żżid il-produzzjoni taʼ dan
l-ormon. Il-ktieb Incredible Voyage—Exploring the Human Body jistqarr: “B’xi mod, moħħha jinduna li għalaq iż-żmien tat-tqala u li wasal il-ħin biex il-muskoli b’saħħithom tal-utru . . . jibdew ix-xogħol qasir iżda erojku tagħhom.”It-tieni fattur involut f’dan il-proċess hu l-irwol tal-plaċenta (is-sekonda), li ma tibqax tipproduċi proġesteron. Matul it-tqala, il-proġesteron ma ħalliex li jkun hemm uġigħ qawwi (contractions). Imma issa, mingħajr ir-restrizzjoni tal-proġesteron, fl-utru jibda jkun hemm il-ġbid. Ġeneralment, bejn wieħed u ieħor wara 8 sigħat u 13-il siegħa taʼ wġigħ tal-ħlas, it-tarbija tiġi imbottata ’l barra mill-għonq tal-utru rilassat u miftuħ. Wara, toħroġ ukoll il-plaċenta.
Issa, it-tarbija li jkun għadha kif twieldet trid tadatta ruħha malajr għal kundizzjonijiet ġodda tal-ħajja, li huma differenti ferm minn dawk fil-ġuf t’ommha. Pereżempju, waqt li kienet fil-ġuf, il-pulmuni tal-fetus kienu mimlijin fluwidu tal-borqom (amniotic), li ġie imbottat ’il barra meta t-tarbija għaddiet minn ġol-passaġġ tat-twelid. Issa, il-pulmuni jridu jimtlew bl-arja biex tibda tieħu n-nifs, li l-bidu tiegħu ġeneralment jiġi indikat bl-ewwel bikja. Bidliet drastiċi jseħħu wkoll fil-qalb u fil-bqija tas-sistema ċirkulatorja. Kavità li tgħaqqad iż-żewġ atriji tal-qalb u vina li tgħaddi minn ħdejn iċ-ċirkulazzjoni tal-pulmun jingħalqu, sabiex id-demm jgħaddi minn ġol-pulmuni, u b’hekk id-demm ikun jistaʼ jassorbi l-ossiġnu. Verament hu tal-iskantament kif it-tarbija tadatta ruħha għad-dinja taʼ barra daqshekk malajr.
Il-proċess kollu kemm hu tal-uġigħ tal-ħlas u tat-twelid ifakkarna fil-kliem tal-Bibbja: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; iva, kull ħaġa taħt is-smewwiet għandha waqtha.” Dan jinkludi “żmien għat-twelid.” (Ekkleżjasti 3:1, 2) Żgur li se taqbel li din is-serje taʼ ġrajjiet bijokimiċi u fiżiċi, li jseħħu fi ftit sigħat biss, jippontaw b’mod elokwenti lejn id-disinn min-naħa tal-Ħallieq tagħna, li l-Bibbja ssejjaħlu “s-sors tal-ħajja.”—Salm 36:9; Ekkleżjasti 11:5.
[Nota taʼ taħt]
a Iż-żmien tat-tqala ġeneralment idum bejn 37 u 42 ġimgħa.
[Dijagramma/Stampi f’paġni 16, 17]
Il-Proċess tat-Twelid
1 Il-pożizzjoni tal-fetus qabel l-uġigħ tal-ħlas
2 Il-moviment tal-fetus lejn il-passaġġ tat-twelid
3 Il-ftuħ tal-għonq tal-utru
4 Joħroġ il-fetus
[Dijagramma]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
1
plaċenta
vaġina
għonq tal-utru
2
3
4