Nies li Tistaʼ Tafdahom
Santiago, sewwieq taʼ taxi fl-Arġentina, ma kellux għalfejn joqgħod jaħsibha dwar x’kellu jagħmel. Meta tħalla basket fit-taxi tiegħu, hu sempliċement irritornah lis-sid tal-basket. Il-mod kif aġixxa Santiago forsi ma jidher xejn taʼ barra minn hawn li kieku ma kienx għall-fatt li fil-basket kien hemm iktar minn $32,000 [24,000 ewro]!
TISTAʼ timmaġina d-dinja mimlija b’nies li tistaʼ tafdahom? Kemm tkun differenti l-ħajja! Kieku tkun tistaʼ tħalli lil uliedek f’idejn babysitter mingħajr ma tħossok beżgħan. Kieku la jkollok bżonn ċwievet għad-dar tiegħek u lanqas serraturi mal-bibien. Hija din sempliċi ħolma?
L-Effett tal-Livelli Morali
L-appostlu Kristjan Pawlu qal dwaru nnifsu u dwar il-Kristjani sħabu: “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.” (Ebrej 13:18) Hekk jistinkaw biex jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-mira tagħhom hi li jgħixu fi qbil mal-kwalitajiet imsemmijin fil-Bibbja f’Isaija 33:15: “Hemm wieħed li miexi kontinwament fis-sewwa u jitkellem dak li hu rett, li qed jirrifjuta l-qligħ inġust mill-frodi, li qed ifarfar idejh milli jaċċetta t-tixħim.” Xi wħud kif imxew b’dan il-mod?
● ‘Tkellem dak li hu rett.’ Domingo, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Filippini, jaħdem fejn jagħmlu l-kopra, jiġifieri l-qlub tal-ġewż tal-Indji mnixxfin. Hu jgħid: “Ħafna nies mhumiex onesti mal-imgħallmin tagħhom. Pereżempju, jekk ikunu ġabru l-kopra ma jgħidux lill-imgħallmin kemm-il xkora tassew ġabru. Billi jagħmlu hekk ikunu jistgħu jbigħu xi xkejjer bil-moħbi.”
Domingo u l-familja tiegħu kważi ġew imkeċċijin għax ma ridux jigdbu għall-imgħallem tagħhom. Minkejja dan, Domingo jgħid: “Aħna għedna lill-imgħallem li anki jekk ifisser li niġu mkeċċijin, m’aħniex se nigdbu. Fl-aħħar mill-aħħar, l-imgħallem qal li x-Xhieda taʼ Ġeħova huma nies tajbin u taʼ min jafdahom, u tana iktar art x’nieħdu ħsieb.”
● ‘Irrifjuta l-qligħ inġust.’ Pierre, l-uffiċjal ewlieni tat-taxxa f’reġjun tal-Kamerun, kellu ħafna opportunitajiet biex jaqlaʼ l-flus bla taħbit. Meta l-ewwel ġie inkarigat biex iħallas il-pagi tal-ħaddiema temporanji hu induna b’xi ħaġa mhix tas-soltu. Pierre jispjega: “Kienu qed jitħallsu l-pagi taʼ xi ħaddiema li kien skadielhom il-kuntratt jew li kienu mietu. Minflok ma ħsibt li stajt nuża dawn il-flus, żammejt rekord finanzjarju bir-reqqa u tfajt il-flus ġo safe.”
X’kien ir-riżultat? Pierre jgħid: “Wara sentejn saret reviżjoni tal-kontijiet mill-awdituri ħalli jiċċekkjaw din is-sitwazzjoni. Kont verament
kburi li stajt nurihom ir-rekord eżatt u nagħtihom is-somma flus li taqbel miegħu, li sa dak iż-żmien kienet tammonta għal somma ġmielha. L-awdituri faħħruni minn qalbhom għall-onestà tiegħi.”● Evita li ‘taċċetta t-tixħim.’ Matul il-karriera tiegħu bħala nutar f’Rio de Janeiro, il-Brażil, Ricardo ġie offrut tixħim ħafna drabi. Hu jiftakar: “Darba minnhom avukat ipprova jxaħħamni. Mingħajr ma kont naf, qabad u bagħat CD plejer id-dar tiegħi. Dak iż-żmien, CD plejer kien apparat ġdid u ma tantx kien hawn nies li kellhom wieħed.”
X’għamel Ricardo? Hu jgħid: “Jien u marti ddeċidejna li lanqas biss niftħu l-pakkett. Mort l-uffiċċju tal-avukat, u ssorprendejtu billi poġġejt il-pakkett fuq l-iskrivanija tiegħu. Kienet opportunità tajba biex nispjega għala kont qed nirritornah. Is-segretarja tiegħu kienet speċjalment impressjonata bl-azzjoni tiegħi.”
Għalkemm ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex l-uniċi nies li qed jipprovaw ikunu retti, bħala poplu kisbu r-reputazzjoni li huma taʼ min jafdahom. Dan il-fatt wassal biex dan l-aħħar kumpanija Pollakka, li għandha ħafna ħwienet tal-ħwejjeġ, iddeċidiet li timpjega magħha
lix-Xhieda taʼ Ġeħova biss. Il-maniġer tal-bejgħ qalet: “Kullimkien hemm nies onesti, imma x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom prinċipji u jżommu magħhom.”Taʼ Min Jafdahom Minkejja li Foqra
F’għajnejn ħafna nies, il-faqar hu l-unika raġuni għala wieħed m’għandux għalfejn ikun onest. Pereżempju, rapport tas-CNN jitkellem dwar tifel t’14-il sena min-Niġerja li jqattaʼ l-ġranet tiegħu fuq l-Internet iqarraq bin-nies ħalli jiħdilhom il-flus. Hu jiġġustifika ruħu billi jgħid: “Xi tridni nagħmel? Billi nagħmel dan nitmaʼ lill-familja tiegħi—lil oħti, ommi, u missieri. Il-bniedem irid jgħix.”
M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja ma twigħedx l-għana għal dawk li jibqgħu retti, imma taċċertahom li se jirċievu l-bżonnijiet tal-ħajja. Isaija 33:16 jgħid: “Ħobżu jingħatalu; u l-ilma ma jonqoslux.”
Madankollu, xi wħud forsi jistaqsu: ‘Il-fatt li tkun taʼ min jafdak, kif jistaʼ jgħinek jekk ikollok ċirkustanzi diffiċli ħafna? Xi ngħidu għal dawk li jissieltu kuljum biex sempliċement imantnu lilhom infushom?’
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Berthe, armla fil-Kamerun li għandha ħanut żgħir u li fih tbigħ il-miando, biċċiet melħin magħmulin mill-kassava. Hi tgħid: “Suppost ikun hemm 20 biċċa miando f’kull pakkett. Huwa komuni li l-bejjiegħa jitfgħu 17 jew 18-il biċċa biss fil-maġġuranza tal-pakketti, imma jien nippreferi li ma nqarraqx b’ħaddieħor biex naqlaʼ l-flus.”
In-negozju taʼ Berthe qiegħed irendi l-flus? Mhux dejjem. Hi tgħid: “Spiss tgħaddi ġurnata
sħiħa u ma nkun begħt xejn. Imma meta nistaqsi lill-bejjiegħa tal-kjoskijiet għal platt ikel u ngħidilhom li ma begħt xejn, huma jagħtuni l-ikel għax jafu li hekk kif ikolli l-flus se nħallashom mill-ewwel. Huma jafdawni, u l-fiduċja tinkiseb maż-żmien.”Alla li Jistħoqqlu l-Fiduċja Tagħna
Il-fiduċja tagħna f’xi ħadd tikber hekk kif narawh jaġixxi fi qbil maʼ dak li jkun qal. Ġożwè, mexxej f’Iżrael tal-qedem, qal dwar Alla: “Lanqas wegħda waħda ma naqset mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova kien għamel . . . Kollha seħħew.” (Ġożwè 21:45) Għandna aħna wkoll raġunijiet tajbin biex nafdaw f’Alla?
Il-wegħdi t’Alla tant huma taʼ min jafdahom li jqabbel il-kelma tiegħu max-xita li ħadd ma jistaʼ jwaqqafhom. (Isaija 55:10, 11) Tabilħaqq, x’jistaʼ jwaqqaf ix-xita milli tinżel lejn l-art, ixxarrab il-ħamrija, u ġġiegħel il-ħxejjex jikbru? Xejn! Bl-istess mod, xejn ma jistaʼ jwaqqaf it-twettiq tal-wegħdi t’Alla.
Waħda minn dawn il-wegħdi hi mniżżla fit-2 Pietru 3:13, li jgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” Huwa l-iskop t’Alla li jnaddaf l-art minn dawk li qed jieħdu vantaġġ mill-proxxmu. Tixtieq titgħallem iktar dwar kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu? Ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova lokalment, jew ikteb fl-indirizz adattat imniżżel f’paġna 5 taʼ din ir-rivista.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
L-ONESTÀ PREMJATA
Lucio, Xhud taʼ Ġeħova fil-Filippini, ġietu opportunità li jkun diżonest. Hu sab $27,500 [22,500 ewro] f’kabinett antik tal-fajls f’uffiċċju li ġie mitlub inaddaf. L-uffiċċju—u l-flus—kienu tal-imgħallem tiegħu, li kien imsiefer fuq xogħol. Lucio jgħid: “Kienet l-ewwel darba li rajt dollaru b’għajnejja!”
Meta l-imgħallem irritorna, Lucio tah il-flus. X’kien ir-riżultat? Lucio jgħid: “Ġejt fdat b’iktar responsabbiltà. Infatti, l-imgħallem tani kamra fejn il-familja kollha tiegħi setgħu jgħixu. Għalkemm il-ħajja fil-Filippini hija diffiċli, jien verament inħoss li minħabba li żammejna mal-liġijiet t’Alla Ġeħova, hu ħa ħsiebna.”
[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 9]
MIŻIEN ONEST
Il-ħanut żgħir taʼ Moïse hu magħruf sew f’suq f’Douala, il-Kamerun, fejn ibigħ il-ħut. Hu jgħid: “Semmejt il-ħanut żgħir tiegħi Il-Miżien għax il-miżien tiegħi hu fost il-ftit fis-suq kollu li mhumiex qarriqin. Naf li n-nies jiċċekkjawni regolarment. Jekk jistaqsuni għal kilo ħut, hekk nagħtihom. Dejjem isibu mezz biex jiżnuh xi mkien ieħor. Meta jagħmlu hekk, isibu li nkun tajthom dak li jidher li hu iktar minn kilo! Imbagħad ikunu jafu li jien ma pprovajtx inqarraq bihom! Ħafna nies jgħiduli, ‘Niġu għandek għax int onest.’”
[Stampa f’paġna 7]
“Aħna għedna lill-imgħallem li anki jekk ifisser li niġu mkeċċijin, m’aħniex se nigdbu.”—Domingo, il-Filippini.
[Stampa f’paġna 7]
“L-awdituri faħħruni minn qalbhom għall-onestà tiegħi.”—Pierre, il-Kamerun.
[Stampa f’paġna 7]
“Avukat ipprova jxaħħamni. . . . Jien u marti ddeċidejna li lanqas biss niftħu l-pakkett.”—Ricardo, il-Brażil.
[Stampa f’paġna 7]
Spiss Berthe tgħaddi ġurnata sħiħa u ma tkun biegħet xejn. Imma mbagħad il-bejjiegħa l-oħrajn tal-kjoskijiet jagħtuha l-ikel għax jafu li hekk kif ikollha l-flus se tħallashom mill-ewwel.