L-Obeżità—X’Inhi s-Soluzzjoni?
L-Obeżità—X’Inhi s-Soluzzjoni?
STENBAĦ! intervistat lil Diane, esperta tad-dieta, u lil Ellen, infermiera kwalifikata, li t-tnejn li huma jispeċjalizzaw fix-xogħol tagħhom maʼ pazjenti li għandhom piż żejjed u li jbatu bl-obeżità. Huma jaqblu li ċerti dieti, li l-iskop tagħhom hu li jeliminaw il-karboidrati u jżidu l-konsum tal-proteini (laħam), jistgħu jgħinu biex persuna tonqos. Madankollu, jgħidu li eventwalment jistaʼ jkun hemm effetti sekondarji negattivi. a Dan huwa konfermat mit-tabella medika li jisimha Żomm Piż Tajjeb. Din tgħid: “Dieti li fihom ftit karboidrati, speċjalment jekk isiru mingħajr is-superviżjoni taʼ tabib, jistgħu jkunu perikolużi.” Tkompli: “[Huma] magħmulin b’tali mod li jgħinuk titlef il-piż malajr billi jġibu ħafna ketone bodies (prodott tal-metaboliżmu tax-xaħam) li jistgħu jikkaġunaw ħsara.” Jekk qed tikkunsidra dieta bi ftit karboidrati, kun ċert li qabel tkellem tabib.
Jekk il-mira tiegħek hi li titlef il-piż, tiddisprax. “M’huwiex impossibbli li tikkontrolla l-piż, lanqas ma jfisser li toqgħod lura minn ċertu ikel jew li tagħmel dieta li hi tedjanti u ripetituża,” jgħid it-tabib Walter C. Willett. “B’attenzjoni u kreattività, ħafna nies jistgħu jikkontrollaw b’suċċess il-piż tagħhom għal żmien twil billi joqogħdu fuq dieta tajba u li hi raġunevoli u anki jagħmlu b—Korsiv tagħna.
l-eżerċizzju kważi kuljum. Ħajja itwal u f’saħħitha tiswa tassew l-isforz.”Kemm Hu Importanti l-Eżerċizzju?
It-tabib Willett jgħid: “Barra milli tevita t-tipjip, l-eżerċizzju huwa l-iktar ħaġa tajba li tistaʼ tagħmel biex tkun u tibqaʼ f’saħħtek u biex tipprevieni l-mard kroniku.” Kemm-il darba għandek tagħmel l-eżerċizzju? X’inhuma xi benefiċċji taʼ l-isforz fiżiku?
Xi esperti huma tal-parir li l-eżerċizzju kuljum, jekk isir għal 30 minuta biss, jistaʼ jkun taʼ benefiċċju kbir. Iżda huwa suġġerit ukoll li jekk tagħmel eżerċizzju tliet darbiet fil-ġimgħa jistaʼ jgħinek tevita problemi serji taʼ saħħa fil-futur. L-eżerċizzju jaħraq il-kaloriji, u l-mistoqsija importanti li xi ħadd li qed jipprova jonqos mill-piż għandu jagħmel hi, Qiegħed naħraq kaloriji kuljum iktar milli qed nieħu? Jekk qed tagħmel il-kontra, żgur se żżid fil-piż. Għalhekk, imxi jew suq ir-rota minflok ma ssuq il-karozza. Itlaʼ t-taraġ minflok ma tuża l-lift. Agħmel l-eżerċizzju! Aħraq il-kaloriji!
It-tabib Willett jispjega: “Għal ħafna nies, il-mixi hu alternattiva eċċellenti għal tipi oħra t’eżerċizzju minħabba li dan ma jirrikjedix xi apparat speċjali, jistaʼ jsir meta trid u fejn trid, u ġeneralment huwa
bla periklu.” M’għandniex xi ngħidu, il-parir tiegħu jirreferi għal mixi mgħaġġel, u mhux timxi qisek sejjer passiġġata. Hu jirrikkmanda 30 minuta t’eżerċizzju kuljum jekk hu possibbli.Hija Operazzjoni l-Aħjar Soluzzjoni?
Bil-ħsieb li jnaqqsu l-piż u jevitaw li jżiduh fil-futur, xi pazjenti li jbatu minn obeżità serja mxew wara l-parir taʼ speċjalisti taʼ l-obeżità li jirrikkmandaw proċeduri differenti t’operazzjonijiet. Min jistaʼ jagħmel dawn l-operazzjonijiet? L-awturi tal-ktieb Mayo Clinic on Healthy Weight jissuġġerixxu dan li ġej: “Hemm mnejn li t-tabib tiegħek jiddeċiedi favur l-operazzjoni jekk il-body mass index tiegħek huwa iktar minn 40, li hu indikazzjoni li tbati minn problema serja t’obeżità.” (Ara t-tabella fuq paġna 5.) Il-Mayo Clinic Health Letter tissuġġerixxi: “Din l-operazzjoni ġeneralment hija rikkmandata biss għal dawk il-persuni li għandhom bejn 18 u 65 sena bil-body mass index tagħhom iktar minn 40 u li l-obeżità li għandhom qiegħda toħloq riskji serji għal saħħithom.”—Korsiv tagħna.
X’inhuma xi ftit minn dawn l-operazzjonijiet? Dawn jinvolvu li jiċċekken l-istonku, li tiġi eliminata parti mill-musrana ż-żgħira, u li ssir bypass taʼ l-istonku. Din il-proċedura taʼ l-aħħar tinvolvi li tingħalaq parti mill-istonku u jitħalla spazju li jżomm biss nofs uqija taʼ ikel. Imbagħad tinqataʼ l-musrana ż-żgħira u titwaħħal maʼ dan l-ispazju qisu but. Għalhekk, tiġi eliminata l-parti l-kbira mill-istonku, kif ukoll parti mill-musrana.
Issa, xi ngħidu dwar dawk li naqqsu l-piż żejjed? Sewa tassew l-isforz li għamlu?
[Noti taʼ taħt]
a Dawn jinkludu livelli għoljin iżżejjed taʼ ħadid fid-demm, problemi fil-kliewi u kostipazzjoni.
b Kristjani dedikati li jixtiequ jużaw ħajjithom b’mod aċċettabli fis-servizz sagru t’Alla għandhom raġuni akbar biex inaqqsu l-piż u jibqgħu f’saħħithom. Minflok imutu mewt prematura, jistgħu għalhekk joffru iktar snin taʼ servizz utli lil Alla.—Rumani 12:1.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]
Piramida Suġġerita taʼ Ikel li Jagħti s-Saħħa
Zokkor Ħelu konċentrat jew proċessat
(darba kultant; illimita sa 75 kalorija
kuljum)
Xaħam Żejt taż-żebbuġa, lewż, żejt
tal-“canola”, avokado (3-5 porżjonijiet kuljum;
porzjon huwa kuċċarina żejt jew żewġ kuċċarini
lewż)
Proteini u Prodotti Magħmulin mill-Ħalib Fażola, ħut,
laħam bla grass, bajd, prodotti mill-ħalib li għandhom
kontenut baxx taʼ xaħam, ġobon (3-7 porżjonijiet
kuljum; porzjon wieħed huwa tliet uqijiet laħam jew
ħut imsajjar)
Karboidrati Speċjalment il-qamħ sħiħ (whole grains)—għaġin,
ħobż, ross, ċereali (4-8 porżjonijiet kuljum; porzjon huwa
“slice” ħobż)
Frott u Ħaxix Varjetà kbira minn kollox (tistaʼ tieħu kemm trid; minimu taʼ tliet frottiet)
Stenbaħ! ma jipproponix xi metodu partikulari taʼ dieta jew taʼ kif tikkontrolla l-piż. Hu jinforma lill-qarrejja dwar x’għażliet huma disponibbli. Individwu għandu jikkunsulta lit-tabib tiegħu qabel ma jibda jagħmel xi eżerċizzju jew dieta.
[Sors]
Ibbażat fuq is-suġġerimenti tal-Klinika Mayo
[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]
Biex jonqsu, xi wħud ipprovaw dawn is-suġġerimenti:
1 Kun konxju tal-kaloriji f’dak li qed tiekol u tixrob. Innota: Id-drinks jistgħu jkollhom ħafna kaloriji, speċjalment il-juice biz-zokkor. Ix-xorb alkoħoliku wkoll għandu ħafna kaloriji. Oqgħod attent għal-luminati li tant jiġu reklamati. Iċċekkja t-tikketta fuq il-prodott biex tara kemm fih kaloriji. Għandek mnejn tieħu qatgħa’.
2 Evita t-tentazzjoni. Jekk fid-dar għandek xi pakketti, ċikkulata, jew gallettini, wisq probabbli se tikolhom! Minflok, ħu affarijiet bi ftit kaloriji, bħat-tuffieħ, il-karrotti, u l-gallettini magħmulin mill-qamħ sħiħ (whole-grain).
3 Kul xi ħaġa żgħira qabel ma tiekol l-ikla prinċipali. Din tnaqqaslek l-aptit u forsi ġġagħlek tiekol inqas.
4 Tikolx dak kollu li jġibulek quddiemek. Kun selettiv. Tikolx dawk l-affarijiet li taf li għandhom ħafna kaloriji.
5 Kul bil-mod. Għala għandek tgħaġġel? Ħu gost bl-ikla tiegħek billi tinnota x’int tiekol—il-kuluri, it-togħmiet, u kif l-ikel jitħallat flimkien. Agħti kas tas-sinjali taʼ ġismek li jgħidulek, “Imtlejt. M’għandix bżonn iktar ikel.”
6 Ieqaf mill-ikel qabel ma tinfaqaʼ.
7 F’xi pajjiżi, xi restoranti huma magħrufin għal kemm iservu porzjonijiet kbar. Ħalli nofs l-ikel, jew aqsam il-porzjon maʼ xi ħaddieħor.
8 M’huwiex importanti li ttemm ikla bid-deżerta. Ikun aħjar li tispiċċaha b’xi frotta jew b’xi ħaġa oħra li ma tantx għandha kaloriji.
9 Il-manifatturi taʼ l-ikel iriduk tiekol iktar. Għalihom, il-profitt huwa l-qofol taʼ kollox. Jipprovaw jieħdu vantaġġ mid-dgħjufijiet tiegħek. Titqarraqx bl-irreklamar tajjeb tagħhom jew bl-istampi sbieħ. Int tistaʼ tgħid le!
[Sors]
Lista magħmula mill-ktieb Eat, Drink, and Be Healthy, (Kul, Ixrob, u Ibqaʼ f’Saħħtek) minn Dr. Walter C. Willett
[Stampi f’paġna 8, 9]
Agħmel l-eżerċizzju!