Ikampaw mat-Trawma t’Attakk Terroristiku
Ikampaw mat-Trawma t’Attakk Terroristiku
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA
FIL-ĦDAX taʼ Marzu, 2004, il-belt taʼ Madrid, fi Spanja, theżżet bil-ħoss minn splużjonijiet t’għaxar bombi fi tliet stazzjonijiet tal-ferrovija differenti. Dan l-attakk, li sar fl-istess ħin fuq erbaʼ ferroviji tal-passiġġieri, ħalla 190 ruħ mejta u 1,800 ruħ feruta.
Peress li l-bombi splodew fil-għodu, fil-ħin meta n-nies kienu sejrin għax-xogħol, il-ferroviji kollha kienu ppakkjati bin-nies u l-ħerba kienet tal-biżaʼ. “Rajt vagun sħiħ jogħla fl-arja għoli taʼ metru, daqshekk kienet qawwija s-saħħa taʼ l-isplużjoni,” qalet Aroa, mara li rat dak li ġara b’għajnejha stess. “Meta ħriġt mill-vagun li kont fih, il-post kollu kien qisu żona tal-gwerra. Titwaħħax tara dan il-massakru fir-realtà.” L-istess ġrajjiet tal-biżaʼ seħħew fuq erbaʼ ferroviji differenti u f’għaxar vaguni differenti. It-terroristi kienu ħallew barżakki mimlijin bl-isplussivi fuq il-ferroviji, u mbagħad splodewhom permezz taʼ telefons ċellulari.
Xi passiġġieri kellhom ix-xorti li ma setgħux jiftakru l-ġrajjiet terribbli li għaddew minnhom. Imma mijiet minnhom, bħal Aroa, iridu jkampaw kemm mal-ħsara fiżika u kemm maʼ dik emozzjonali. “L-isplużjoni għamlitli ħsara kbira fis-smigħ,” qalet Aroa, “iżda l-iktar li jeffettwawni huma l-memorji tal-biżaʼ li ma jridux jitilqu minn moħħi.”
“Jien grata li, bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, ngħatajt ħafna appoġġ emozzjonali,” żiedet Aroa. “Telefonati u messaġġi minn madwar id-dinja kollha fakkruni li aħna verament fratellanza globali. Barra minn hekk, il-Bibbja tgħinna nifhmu għala jseħħu dawn l-atti vjolenti u krudili. Jien spjegajt lil xi wħud minn sħabi fuq ix-xogħol li l-Iskrittura bassret li ‘fl-aħħar jiem,’ in-nies se jkunu feroċi u bla mħabba naturali. Sibt ukoll li l-ministeru tiegħi full-time kien imprezzabbli biex itaffili l-uġigħ.”—2 Timotju 3:1-3.
Pedro kien wieħed mill-ħafna passiġġieri li weġġgħu serjament. Kien wieqaf inqas minn erbaʼ metri ’l bogħod mill-bomba li splodiet fil-vagun li kien riekeb fih. L-isplużjoni tefgħetu maʼ l-art u ġarrab feriti f’rasu u problemi respiratorji serji. Wara ħamest ijiem taʼ kura intensiva, beda jaqleb għall-aħjar. L-għadd kbir taʼ Xhieda sħabu li żaruh kien taʼ inkuraġġiment kbir għalih, u kien taʼ sorpriża kbira għall-infermieri. Waħda minnhom qalet: “F’26 sena qatt ma rajt pazjent ikollu daqstant viżitaturi u jaqlaʼ daqstant rigali!” Mill-banda l-oħra, Pedro tkellem b’entużjażmu dwar l-istaff taʼ l-isptar. “Kienu meraviljużi,” qal hu. “Kienu t’għajnuna kbira għalija biex infiq.”
Ħafna mill-vittmi kienu emigranti li kienu għadhom kif ġew joqogħdu Spanja. Manuel, li hu Kuban, weġġaʼ fl-ewwel splużjoni fl-istazzjon t’Atocha, u mbagħad tħalla mitluf minn sensih mit-tieni splużjoni. “Fil-paniku, in-nies bdew jgħaddu minn fuqi hekk kif jien kont mixħut maʼ l-art fuq il-pjattaforma taʼ l-istazzjon,” hu spjega. “Meta ġejt f’sensija, kelli żewġ kustilji miksurin u kont imweġġaʼ f’riġli, kif ukoll tlift is-smigħ kollu minn widna waħda.”
“Il-ħaddiema taʼ l-emerġenza—pulizija, taʼ l-ambulanza, u tat-tifi tan-nar—ġew fuq il-post fi ftit minuti, u tawni l-aħjar għajnuna possibbli,” żied Manuel. “Kienu jafu eżatt x’għandhom jagħmlu, u billi kienu effiċjenti u professjonali għenu biex jonqos il-paniku. Minbarra li ħadu ħsieb li ningħata l-attenzjoni medika meħtieġa, huma ttrattawni b’qalb tajba u mogħdrija.”
Ir-Reazzjoni taʼ Wara t-Trawma
Bħal Aroa, Manuel ġarrab ħafna ħsara emozzjonali. “Meta dan l-aħħar tlajt fuq ferrovija, qabadni attakk taʼ paniku,” hu stqarr. “Kelli naqbad u ninżel. U għadni naħseb ħażin meta nara lil xi ħadd fuq it-trasport pubbliku li jkollu xi barżakka jew xi ħaġa simili. Iżda kelli ħafna iżjed għajnuna minn oħrajn, avolja ħadd mill-membri tal-familja tiegħi ma joqgħod Spanja. Letteralment mijiet taʼ Xhieda ċempluli, u familja taʼ Xhieda stidnitni f’darha għal ftit ġranet biex ma nħossnix waħdi. Dan l-appoġġ imprezzabbli mingħand il-fratellanza tagħna minn madwar id-dinja għenni biex nikkalma.”
Sergio, passiġġier li ma weġġax fiżikament, xorta għadu jsofri kuljum mix-xeni li ra madwaru. Bomba splodiet fil-vagun taʼ quddiemu u oħra fil-vagun li kien eżatt warajh. Bħal Manuel, hu grat taʼ l-appoġġ u l-imħabba li wrew il-familja tiegħu u x-Xhieda sħabu.
“Mhux biss ġagħluni nħossni maħbub iżda wkoll fakkruni li jien nappartjeni lil fratellanza magħquda li tieħu ħsieb lil kull wieħed mill-membri tagħha,” hu qal. “Ngħatajt dan l-appoġġ jum wara l-ieħor, u l-ħafna telefonati li rċivejt għenuni nesprimi s-sentimenti tiegħi, xi ħaġa li spiss insibha diffiċli biex nagħmilha.”Xi passiġġieri fuq il-ferroviji esperjenzaw tipi differenti t’ansjetà. Diego, bla ma kien jaf, kien bil-qiegħda ħdejn waħda mill-erbaʼ bombi li ma splodewx. Hu rnexxielu joħroġ mill-ferrovija mingħajr ma ġralu xejn. “Imma issa nħossni ħati li ma tajtx l-għajnuna lil dawk li kienu feruti,” hu stqarr. “Fil-paniku, tkaxkart mal-mijiet taʼ nies li ġrew bl-aħjar mod li setgħu ’l barra mill-istazzjon.”
L-isplużjoni li seħħet fuq il-ferrovija tiegħu ħalliet lil Ramón, żagħżugħ mill-Brażil, fi stat taʼ xokk tant kbir li bilkemm setaʼ jiċċaqlaq. Minkejja dan, jumejn wara l-attakk, hu ddeċieda li jmur ixandar il-messaġġ tas-Saltna lil oħrajn. Iltaqaʼ maʼ raġel mill-Portugall u dan qal lil Ramón li kien qed ifittex ir-reliġjon vera. Ramón irnexxielu jibda studju tal-Bibbja maʼ dan ir-raġel, li mill-ewwel beda jattendi l-laqgħat Kristjani. “Meta tistaʼ tgħin lil oħrajn spiritwalment, int stess tħossok aħjar,” osserva Ramón.
Bla dubju, il-vittmi kollha se jkollhom bżonn taż-żmien biex ifiqu mill-ħsara fiżika u emozzjonali li ġarrbu. Hija ħasra li llum qed ngħixu f’perijodu meta vjolenza bla sens tistaʼ tinqalaʼ kullimkien, ikun fejn ikun. U għalkemm il-valuri spiritwali jistgħu jgħinu lill-vittmi jkampaw mat-trawma, is-Saltna t’Alla biss finalment se telimina dawn it-traġedji.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 15]
SAĦĦA SPIRITWALI BIEX IKAMPAW MAT-TRAWMA
Manuel Suárez
“Waqt li kont għadni xxokkjat, nistenniehom jiħduni l-isptar, bdejt niftakar fil-kliem taʼ Proverbji 18:10: ‘Isem il-Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-ġust b’moħħu mistrieħ.’ Dak il-kliem tani s-saħħa.”
Aroa San Juan
“Meta tgħaddi minn xi ħaġa bħal din, tirrealizza iktar minn qatt qabel li dawn huma l-aħħar jiem u li għandna nikkonċentraw fuq il-valuri spiritwali. Bl-għajnuna tal-ministeru tiegħi full-time, bil-mod il-mod qed infiq mit-trawma.”
Fermín Jesús Mozas
“Minkejja li ġarrabt feriti f’rasi, jien stajt noffri l-għajnuna u nqawwi qalb xi wħud mill-passiġġieri l-oħra li kienu feruti. Naħseb li bqajt kalm minħabba t-tama taʼ l-irxoxt li tana Alla, tama li ssaħħaħna f’mumenti bħal dawn.”
Pedro Carrasquilla
“Meta kont fis-sala tal-kura intensiva, b’uġigħ qawwi f’sidri, beda ġej f’moħħi darba wara l-oħra l-kliem taʼ l-1 Timotju 6:19. Dan jinkuraġġina biex, bħala t-teżor tagħna, inqiegħdu pedament tajjeb għall-futur sabiex naqbdu qabda soda mal-ħajja vera. Dan il-vers fakkarni fit-tama tal-Ġenna taʼ l-art li Alla wiegħed lil dawk li jħobbuh. Huwa għal dan li qed naħdmu.”
[Stampa f’paġna 13]
Fuq: Ħaddiema tas-salvataġġ jagħtu l-għajnuna lill-feruti u lill-moribondi fuq il-linji tal-ferrovija barra l-istazzjon t’Atocha
[Sors]
Fuq: CORDON PRESS
[Stampa f’paġna 13]
Lemin: Mafkar li tpoġġa għal dak il-ħin