X’Għandha Tkun il-Ħarsa Tiegħi Lejn id-Diskoteki?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Għandha Tkun il-Ħarsa Tiegħi Lejn id-Diskoteki?
“Kelli għalxiex immur—biex nieħu verament gost.”—Shawn.
“Ngħid il-verità, kont nieħu gost—taʼ l-għaġeb il-pjaċir li kont nieħu! Ħafna żfin, żfin il-lejl kollu.”—Ernest.
ID-DISKOTEKI saru popolari ħafna f’dawn l-aħħar snin. Ħafna żgħażagħ li jixtiequ jiddevertu jmorru spiss f’dawn id-diskoteki u n-nightclubs.
M’għandniex xi ngħidu, aħna lkoll nieħdu gost niddevertu. U l-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħak” u anki “żmien li tiżfen.” (Koħèlet 3:4) Madankollu, hija diskoteka post ideali għal divertiment bnin? Jew għandek għalfejn taħsibha darbtejn qabel ma tmur f’post bħal dan?
“Tbahrid”
Għalkemm il-Bibbja ma tikkundannax laqgħat soċjali moderati, però din twissi kontra t-“tbahrid.” (Galatin 5:19-21) Fiż-żminijiet tal-Bibbja, it-tbahrid spiss kien iwassal għal imġiba mhix kontrollata. Il-profeta Isaija kiteb: “Gwaj għal dawk li jbakkru fil-għodu, u jiġru għal wara s-sokor; jiddawwru billejl sa ma jisħnu bl-inbid. Kitarra u arpa, tanbur u flawt, u nbid x’jixorbu fl-ikliet tagħhom, u xejn ma jaħsbu f’għemil il-Mulej.”—Isaija 5:11, 12.
F’dawn il-laqgħat kien ikun hemm is-“sokor” u l-mużika mhix kontrollata. Dawn kienu jibdew minn kmieni u jibqgħu sejrin sa tard bil-lejl. Innota wkoll l-attitudni taʼ min jieħu sehem fit-tbahrid—dawn l-uħud aġixxew qisu Alla ma jeżistix! Mela, mhux taʼ b’xejn li Alla kkundanna dawn il-laqgħat. Imma Alla kif iħossu dwar dak li jseħħ f’ħafna mid-diskoteki taʼ llum?
Ikkunsidra l-fatti. Fattur wieħed hu li xi diskoteki għadhom jippermettu li jkun hemm żfin vjolenti. Sors wieħed jgħid li dan it-tip taʼ żfin żviluppa f’nofs is-snin tmenin f’diskoteki fl-Istati Uniti wara żmien il-pank. Beda minn tip taʼ żfin li fih min jieħu sehem joqgħod jaħbat
maʼ taʼ madwaru. Ġeneralment dan jinvolvi li min jieħu sehem jaqbeż ’il fuq u ’l isfel, jheżżeż rasu b’mod vjolenti, jimita l-mod kif l-annimali jagħtu bir-ras, kif ukoll jaħbat maż-żeffiena l-oħra. Spiss, iż-żeffiena wara jbatu minn ksur f’saqajhom u idejhom u minn feriti u ġieli kien hemm min weġġaʼ x-xewka taʼ dahru jew rasu. Saħansitra kien hemm min miet. Barra minn hekk, f’xi diskoteki n-nies jintrefgħu fuq l-idejn minn folla u jinġarru fuq l-idejn mgħollija. Mhux l-ewwel darba jiġri li min ikun merfugħ jaqaʼ, u jispiċċa biex iweġġaʼ. U spiss jiġri li t-tfajliet jintmessu b’modi li m’humiex xierqa.Żgur li Alla ma jiħux pjaċir bi mġiba bħal din. Wara kollox, il-Kelma tiegħu tordna lill-Kristjani biex ‘iwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex jgħixu bir-rażna.’—Titu 2:12.
Il-Mużika u d-Droga
Ikkunsidra wkoll it-tip taʼ mużika li tindaqq f’ħafna diskoteki. Xi wħud jispeċjalizzaw f’tipi taʼ hard rock jew heavy metal, mużika li fiha ħafna ritmu qawwi u kliem ħamallu. Imma f’ħafna diskoteki r-rap, jew il-hip-hop, huwa l-iktar tip taʼ mużika li jindaqq. Din il-mużika hija bl-istess mod karatterizzata mis-sess, il-vjolenza, u r-ribelljoni. Jistaʼ jkun li jekk tismaʼ mużika bħal din f’ambjent taʼ ħsara morali se tiġi effettwat? David Hollingworth, li jagħti l-pariri professjonali dwar id-diskoteki, qal: “Il-mużika għandha effett psikoloġiku qawwi fuq in-nies. Meta tiġborhom f’folol kbar tistaʼ titqanqal attitudni taʼ natura aggressiva.” Mhux taʼ b’xejn li f’għadd taʼ diskoteki fil-bliet Amerikani kien hemm ħafna każi taʼ vjolenza. Ħafna nies iħossu li dan hu effett dirett tax-xena mużikali li tippromwovi attività vulgari u kondotta feroċi. *
F’dawn l-aħħar snin sar komuni wkoll l-użu tad-droga fid-diskoteki. Waħda riċerkatriċi qalet li ‘kemm id-diskoteki jsiru popolari hu konness direttament mal-fatt taʼ kemm l-użu illegali tad-droga jkun disponibbli, varjat, u kemm din tittieħed.’ Fil-fatt, hemm tip taʼ droga li s-soltu jissejjaħ droga taż-żfin. Xi wħud li jmorru d-diskoteki saħansitra jużaw taħlita taʼ drogi. Fost l-iktar droga li titħallat hemm il-ketamine (loppju totali li jissejjaħ ukoll special K), li tistaʼ tissepara grupp taʼ proċessi mentali li s-soltu jkunu konnessi flimkien, tikkaġuna dillirju, problemi fin-nifs, u ħsara fis-sistema tan-nervituri. Il-metamfetamina tistaʼ ttellef il-memorja, tagħmel lill-individwu aggressiv, vjolenti, u tistaʼ tagħmillu ħsara fil-qalb jew fis-sistema tan-nervituri. Waħda mill-iktar drogi popolari hija l-ecstasy meħuda mill-amfetamina. Din tistaʼ tħawwad lil dak li jkun, tagħmlu ansjuż, iġġiegħel il-qalb tibda tħabbat b’iktar qawwa, tgħollilu l-pressjoni, u tqabbdu deni qawwi. Kien hemm min miet minħabba li ħa l-ecstasy.
Min juża d-droga illegali jkun qed jikser il-kmand tal-Bibbja li jgħid li għandna “nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ.” (2 Korintin 7:1) Huwa għaqli li tmur f’ambjent fejn hi xi ħaġa komuni li tintuża d-droga?
Sħubija Ħażina
Ftakar fit-twissija li spiss tiġi kwotata: “Ilħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” 1 Korintin 15:33) Bħal dawk li kienu moħħhom fit-tbahrid fiż-żminijiet Bibliċi, ħafna miż-żgħażagħ li jmorru d-diskoteki ma tantx jidhru interessati f’li jogħġbu ’l Alla. Fil-fatt, ħafna minnhom jistgħu jiġu deskritti bħala wħud li “jħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.” (2 Timotju 3:4) Tixtieq int verament tissieħeb maʼ nies bħal dawn?
(Xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw li jekk imorru f’diskoteka maʼ żgħażagħ Kristjani oħra se jkun hemm inqas periklu. Madankollu, iż-żgħażagħ Kristjani li huma tabilħaqq “taʼ eżempju għal dawk li jemmnu . . . fl-imġiba” wisq probabbli mhux se jkunu jridu jmorru. (1 Timotju 4:12) Anki jekk grupp taʼ żgħażagħ Kristjani jmorru f’diskoteka u jirnexxilhom jibqgħu flimkien bħala grupp, il-mużika u l-atmosfera ħażina moralment mhux se jinbidlu. Huma jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli jew imbarazzanti jekk l-oħrajn jistidnuhom biex jiżfnu magħhom. Xi żgħażagħ saħansitra sabu ruħhom f’nofs taʼ ġlieda! Għalhekk, il-kliem tal-Bibbja juri kemm hu minnu: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.”—Proverbji 13:20.
Żfin Provokanti
Imbagħad trid tikkunsidra ż-żfin fih innifsu. Hemm tip taʼ żfin verament stramb li sar popolari, l-iktar fost l-adolexxenti fl-Istati Uniti. Ġeneralment dan jinżifen mal-mużika rap bil-kliem li jiddeskrivi l-attività sesswali fid-dettall. Iktar minn hekk, iż-żifna nfisha timita r-relazzjoni sesswali. Għalhekk, iċ-ċaqliq taʼ dan it-tip taʼ żfin ġie deskritt bħala ‘sess bil-ħwejjeġ fuqek.’
Se jkunu jridu ż-żgħażagħ Kristjani jinvolvu ruħhom f’dan it-tip taʼ żfin? Mhux jekk iridu jogħġbu ’l Alla, li jordnalna ‘naħarbu ż-żína.’ (1 Korintin 6:18) Xi wħud għandhom mnejn jirraġunaw, ‘Jekk kulħadd qed jagħmel hekk, żgur li m’huwiex daqshekk ħażin.’ Madankollu, jistaʼ jkun li l-folla tkun qed tiżbalja. (Eżodu 23:2) Agħmel il-qalb u żommilhom sod lil sħabek. Żomm kuxjenza tajba quddiem Alla!—1 Pietru 4:3, 4.
Kif Tiddeċiedi
Dan ma jfissirx li ż-żfin kollu hu ħażin. Il-Bibbja tgħidilna li s-Sultan David tant feraħ wara li mar lura bl-arka qaddisa tal-patt lejn Ġerusalemm, li “beda jiżfen b’ħiltu kollha.” (2 Samwel 6:14) Fil-parabbola taʼ Ġesù dwar l-iben il-ħali, il-ferħ li kien hemm minħabba li l-iben ġie lura inkluda “daqq u żfin.”—Luqa 15:25.
Xi forom taʼ żfin jistgħu bl-istess mod ikunu aċċettati fost il-Kristjani fil-lokalità tiegħek. Xorta waħda, il-bilanċ u l-għaqal huma importanti. Hemm ħafna inqas periklu meta lmużika u ż-żfin jitgawdew f’laqgħat Kristjani, fejn hemm kontroll u superviżjoni addattati, milli fid-diskoteki. Fil-laqgħat tal-Kristjani li jkollhom superviżjoni tajba, iż-żgħażagħ ma jinqatgħux għalihom imma jgawdu sħubija bnina maʼ Kristjani taʼ kull età.
Veru, jistaʼ jkun hemm xi restoranti filkomunità tiegħek fejn ikun hemm mużika u żfin aċċettabbli. Imma qabel ma taċċetta stedina biex tmur f’postijiet bħal dawn, tajjeb li tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn: Liema tip taʼ reputazzjoni għandu dan il-post? Huwa post għaż-żgħażagħ biss? Jekk iva, x’ċans hemm li l-atmosfera se tkun waħda bnina? Liema mużika se tindaqq? X’tip taʼ żfin ikun hemm? Il-ġenituri tiegħi kif iħossuhom dwar li jien immur hemmhekk? Jekk tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn se tkun tistaʼ tipproteġi lilek innifsek mill-ħsara.
Shawn, li semmejna fil-bidu, jiġbor kollox fi ftit kliem. Qabel ma sar Kristjan, hu kien imur id-diskoteka. Hu jiftakar: “Ikun hemm ħafna mġiba ħażina fid-diskoteki. Ġeneralment il-mużika tkun maħmuġa, iż-żfin huwa verament immorali, u l-maġġuranza kbira minn dawk li jmorru f’dawn il-postijiet għandhom motiv wieħed—iridu jitilqu minn hemm maʼ xi ħadd li jistgħu jkollhom x’jaqsmu miegħu sesswalment.” Shawn ma baqax imur id-diskoteka wara li studja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Hu jagħti l-opinjoni tiegħu wara l-esperjenza qarsa tiegħu: “Dawn id-diskoteki m’humiex post addattat għall-Kristjani.”
[Nota taʼ taħt]
^ par. 13 Ara l-artiklu “Why Music Affects Us” (Għala l-Mużika Teffettwana), fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 t’Ottubru, 1999.
[Stampa f’paġna 24]
Xi żgħażagħ sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet imbarazzanti fid-diskoteki