Mingħand il-Qarrejja
Mingħand il-Qarrejja
Dijabete Meta qrajt is-serje “Il-Ħajja bid-Dijabete” (8 taʼ Mejju, 2003) u qrajt li sintomu wieħed hu li tagħmel l-awrina taʼ spiss, irrealizzajt li hemm mnejn li jien stess għandi d-dijabete. Għalhekk, mort l-isptar u sirt naf li jien dijabetiku. Għadda iktar minn xahar minn meta ġejt eżaminat l-aħħar, u permezz taʼ medikazzjoni, dieta, u eżerċizzju, qed nipprova nbaxxi l-livell taʼ zokkor fid-demm. Kieku ma rajtx din ir-rivista, hemm mnejn li ma kontx niskopri li għandi l-marda.
Y. N., Ġappun
Jien miniex waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, iżda nirċievi r-rivisti tagħkom mingħand ġâra qalbha tajba. Tassew ħadt gost bis-serje dwar id-dijabete. Ladarba qiegħda nittrennja biex insir infermiera tax-xjuħ, kelli nikteb komponiment dwar dan is-suġġett. Kieku rċivejt din ir-rivista ftit ġranet qabel, kont niffranka li noqgħod infittex f’daqstant kotba! L-artikli tagħkom jipprovdu ħafna għajnuna.
A. S., Ġermanja
Qerq Grazzi għall-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . X’Hemm Ħażin fil-Qerq?” (8 taʼ Frar, 2003) Sħabi taʼ l-iskola offrewli somom kbar taʼ flus biex nagħmel l-eżamijiet minflokhom. Għax irrifjutajt li nqarraq, sħabi ħaduha li miniex raġunevoli. L-artiklu fakkarni biex inżomm mal-prinċipji t’Alla u qatt ma nagħmel kompromessi.
F.A.C., Niġerja
Jien qatt ma kont nagħmel il-ħowmwerk iżda kont nikkopjah mingħand sħabi tal-klassi. Dan l-artiklu għenni nifhem li meta tikkopja minn fuq xi ħadd ikun daqslikieku qed tisraq. U filwaqt li sħabi taʼ l-iskola ma jaċċettawhiex din il-ħarsa, jien se nżomm sod.
Y. D., Russja
Bliet Dejjem nieħu gost naqra Stenbaħ! iżda l-iktar li nħobb naqra huma l-artikli dwar pajjiżi u bliet differenti. Ħadt pjaċir ħafna naqra l-artikli dwar il-bliet taʼ Spanja. Imbagħad kont saħansitra iktar ferħana meta rajt l-artiklu “San Pietruburgu—‘It-Tieqa fuq l-Ewropa’ tar-Russja.” (8 taʼ Settembru, 2003) Veru nixtieq nara l-postijiet interessanti taʼ dan il-pajjiż kif ukoll l-iljieli tiegħu meta ma jidlamx kompletament. Permezz taʼ dan l-artiklu stajt “inżur” dan il-post.
O.A.V., Russja
Mingħand il-Qarrejja Inħobb naqra t-taqsima “Mingħand il-Qarrejja.” Xi drabi nuża l-kummenti mill-qarrejja biex inqanqal lil dawk li qed nistudja magħhom il-Bibbja ħalli jagħtu attenzjoni speċjali lil ċerti artikli. Din it-taqsima turi li l-isforzi tagħkom biex tilħqu l-qlub tan-nies m’humiex għalxejn.
S. A., Russja
Tour de France Għal proġett taʼ l-iskola għażilt is-suġġett tar-roti. L-artiklu “It-Tour de France—100 Sena taʼ l-Aqwa Prova għaċ-Ċikliżmu” (8 taʼ Lulju, 2003) ġie eżatt fil-waqt! Stajt ukoll naqra l-komponiment tiegħi quddiem il-klassi. Użajt ħafna mill-artikli taʼ Stenbaħ! fix-xogħol tiegħi taʼ l-iskola. Grazzi.
N. K., Ġermanja