Il-Fidi taʼ Familja fi Żmien l-Għawġ
Il-Fidi taʼ Familja fi Żmien l-Għawġ
INDIA, tifla ħelwa taʼ disaʼ snin minn Wisconsin, fl-Istati Uniti, taf x’jiġifieri meta xi ħadd ikun marid. Fil-fatt, diġà għamlet tliet operazzjonijiet kbar u bosta proċeduri oħrajn inqas serji. Ommha Lori tgħid: “Għal sitt snin sħaħ ħajjet India kienet tiċċentra madwar is-swali t’emerġenza, perijodi taʼ żmien fl-isptar, u l-viżti għand it-tabib.”
Dan kollu beda meta India kellha sena u nofs. Bdiet billi kellha sintomi mhux tas-soltu, fosthom dijarea kronika, deni qawwi, stonku minfuħ, u telf taʼ piż mhux normali. Kellha wkoll uġigħ f’żaqqha. Bil-lejl għal sentejn sħaħ, iċ-ċkejkna India kienet kemm-il darba tqum tingħi, tokrob, u xi kultant saħansitra tgħajjat bl-agunija.
Waqt li t-tobba pprovaw jifhmu x’kellha, India kompliet tbati ferm. “It-tarbija tagħna kienet bażikament qed tmut bil-ġuħ,” tgħid Lori. “Għal iktar minn sena,” iżid jgħid Mark, missier India, “kellna noqogħdu naraw lil bintna ż-żgħira tiġi fix-xejn u ma konniex nafu kif se ngħinuha. Niftakarni nħossni totalment bla ħila lejl wieħed meta jien u Lori bdejna nitkellmu dwar il-funeral taʼ India, li dak iż-żmien konna naħsbu li ma stajniex nevitawh.”
Maż-żmien, instab li India kellha l-kolite bl-ulċeri—marda li tattakka l-kisja minn ġewwa tal-musrana l-ħoxna. Kellha wkoll marda li teffettwa l-kanali tal-bili fil-fwied (sclerosing cholangitis primarja). Dan il-mard kien hemm kura għalih. Madankollu, kien hemm bżonn t’operazzjoni, u għall-kolite bl-ulċeri kien hemm bżonn tal-mediċini. Minħabba ż-żewġ kundizzjonijiet li kellha, riedet il-ħin kollu tiġi eżaminata u tingħata kura hi u tirkupra.
Issa għaddew iktar minn sebaʼ snin mindu India mardet għall-ewwel darba. Grazzi għall-kura taʼ tobba tajbin, hi miexja ’l quddiem u qed tfiq. Bħala Xhieda taʼ Jehovah, Mark u Lori jħossu li l-fidi tagħhom fil-Kelma t’Alla—b’mod partikulari dak li tgħid dwar il-mard, il-mewt, u t-tama
taʼ l-irxoxt fil-futur—għenhom jissaportu. India tħossha l-istess. “India dejjem kienet issibha faċli titkellem dwar it-tama taʼ l-irxoxt kif inhi spjegata fil-Bibbja,” tgħid Lori. “Hija reali ħafna għaliha.”Darba minnhom meta India kienet l-isptar fil-kamra tal-logħob għat-tfal, hi ltaqgħet maʼ tifla li oħtha kellha l-lewkimja. Lori tirrakkonta x’ġara wara: “It-tifla qalet lil India li kienet qed tibżaʼ li oħtha se tmut. India mbagħad qaltilha x’inhi l-mewt skond il-Bibbja u li hi ma kinitx tibżaʼ mill-mewt. L-għada omm it-tifla ġiet fuqi b’xi mistoqsijiet. Baqgħet skantata li India kienet taf titkellem daqshekk ċar u bla biżaʼ dwar affarijiet bħal dawn.”
Mark u Lori sabu li t-talb taʼ sħabhom fit-twemmin kien t’appoġġ kbir ferm għalihom. “Qabel,” jgħid Mark, “meta kont ngħid lil xi ħadd li kont se niftakar fih fit-talb tiegħi jew meta kont nitlob miegħu, dejjem xtaqt li kien hemm iktar x’nistaʼ nagħmel. Issa nirrealizza kemm hu importanti dan it-talb għal oħrajn u flimkien magħhom. It-talb kien l-unika ħaġa u l-iktar ħaġa importanti li setgħet issir għalina fiż-żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom. Kemm għandna aħwa li jafu jħobbu!”
Mark iħoss ukoll li l-mard taʼ India għenhom jeżaminaw il-prijoritajiet tagħhom. “Il-ħarsa tagħna lejn l-affarijiet materjali bla dubju nbidlet,” jgħid hu. “Kemm jidhru ma jiswew xejn dawn meta xi ħadd minn uliedek ikun marid! L-affarijiet importanti fil-ħajja kienu—u għadhom—ir-relazzjoni tagħna m’Alla Jehovah u ħutna li tant għandhom imħabba.”
Mark u Lori kif ukoll India u ħutha jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien profetizzat mill-profeta Isaija meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; Apokalissi 21:4.
[Stampa f’paġna 30]
India Erickson
[Stampa f’paġna 31]
L-Isptar tat-Tfal taʼ San Diego
[Stampa f’paġna 31]
India mal-familja tagħha