Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?
ĦAFNA nies illum wisq probabbli jgħidu li jemmnu fil-qdusija taż-żwieġ. Imma, allura, għala ħafna rabtiet jispiċċaw f’divorzju? Għal xi wħud, iż-żwieġ m’hu xejn ħlief wegħda romantika u ftehim legali. Imma xi wħud iħossu li l-wegħdi jistgħu jinkisru. Dawk li jħarsu lejn iż-żwieġ b’dan il-mod isibuha faċli biex itemmu ż-żwieġ tagħhom meta l-affarijiet imorru ħażin.
Alla kif iħares lejn l-arranġament taż-żwieġ? It-tweġiba tinstab fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja, f’Lhud 13:4: “Ħalli jkun iż-żwieġ tagħkom miżmum fil-ġieħ minn kulħadd.” Il-kelma Griega tradotta “fil-ġieħ” iġġorr il-ħsieb taʼ xi ħaġa li hi prezzjuża u li hi stmata ħafna. Meta ngħożżu xi ħaġa, nieħdu ħsiebha biex inżommuha u ma nitilfuhiex, lanqas bi żball. L-istess għandu jkun minnu dwar l-arranġament taż-żwieġ. Il-Kristjani għandhom jarawh bħala li hu taʼ ġieħ—bħala xi ħaġa prezzjuża li jridu jipproteġuha.
Ovvjament, Alla Jehovah ħalaq iż-żwieġ bħala arranġament sagru bejn raġel u mara. Imma kif nistgħu nuru li għandna l-istess ħarsa tiegħu lejn iż-żwieġ?
L-Imħabba u r-Rispett
Biex l-arranġament taż-żwieġ jingħata ġieħ hemm bżonn li r-raġel u l-mara jagħtu ġieħ u jistmaw lil xulxin. (Rumani 12:10) L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.”—Efesin 5:33.
Huwa minnu li kultant xi ħadd mill-miżżewġin Kolossin 3:13.
għandu mnejn ma jaġixxix bl-akbar rispett u mħabba. Xorta waħda, il-Kristjani għandhom juru l-imħabba u r-rispett. Pawlu kiteb: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”—Il-Ħin u l-Attenzjoni
Il-koppji miżżewġin li jħarsu lejn ir-rabta tagħhom bħala li hi sagra, iwarrbu l-ħin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u emozzjonali taʼ xulxin. Dan jinkludi l-intimità sesswali. Il-Bibbja tgħid: “Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-mara lil żewġha.”—1 Korintin 7:3.
Madankollu, xi koppji miżżewġin ħassew il-ħtieġa li r-raġel imur jaħdem f’post differenti għal xi żmien biex jaqilgħu paga akbar. Kultant, il-firda ddum iktar minn kemm ikun mistenni. Spiss, firdiet bħal dawn jagħmlu pressjoni kbira fuq iż-żwieġ saħansitra ġieli jwasslu għall-adulterju u d-divorzju. (1 Korintin 7:2, 5) Għal din ir-raġuni, ħafna koppji Kristjani ddeċidew li jibqgħu mingħajr ċerti vantaġġi materjali minflok ma jipperikolaw iż-żwieġ li tant hu sagru għalihom.
Meta Jinqalgħu l-Problemi
Meta jqumu l-problemi, il-Kristjani li jonoraw iż-żwieġ tagħhom ma jaqbdux u jisseparaw jew jiddivorzjaw. (Malakija 2:16; 1 Korintin 7:10, 11) Ġesù qal: “Kull min jibgħat lil martu barra l-każ taʼ żwieġ ħażin [“żena,” Karm Żammit ], iwaqqagħha fl-adulterju: u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.” (Mattew 5:32) Meta tnejn miżżewġin jagħżlu li jisseparaw jew jiddivorzjaw mingħajr ebda bażi Skritturali jkunu qed jiddiżonoraw iż-żwieġ.
Il-ħarsa tagħna lejn iż-żwieġ tidher ukoll mill-pariri li nagħtu lil dawk li għandhom problemi serji fiż-żwieġ. Aħna malajr nissuġġerixxu li jisseparaw jew jiddivorzjaw? Huwa minnu li kultant ikun hemm bażi valida biex issir separazzjoni, bħal meta jkun hemm abbuż fiżiku estrem jew nuqqas volontarju taʼ manteniment. * Ukoll, bħalma nnotajna qabel, il-Bibbja tippermetti li jkun hemm divorzju biss meta s-sieħeb (jew is-sieħba) fiż-żwieġ ikun ħati taż-żína. Xorta waħda, il-Kristjani m’għandhomx jipprovaw jinfluwenzaw iżżejjed id-deċiżjoni t’oħrajn f’dawn is-sitwazzjonijiet. Wara kollox, hu l-individwu bil-problema fiż-żwieġ—mhux min jagħti l-parir—li se jkollu jgħix bil-konsegwenzi tad-deċiżjoni.—Galatin 6:5, 7.
Evita Ħarsa Indifferenti
F’ċerti nħawi saret xi ħaġa komuni li n-nies jużaw iż-żwieġ bħala mezz kif jiksbu r-residenza legali f’pajjiż ieħor. Ġeneralment dawn l-uħud jiftiehmu li jħallsu lil ċittadin taʼ dan il-pajjiż biex jiżżewwiġhom. Spiss dawn il-koppji, għalkemm ikunu miżżewġin, jibqgħu separati, forsi lanqas biss ikollhom ħbiberija. Malli jiksbu r-residenza legali li jkunu jixtiequ, huma jiddivorzjaw. Huma jħarsu lejn iż-żwieġ tagħhom bħala li hu biss ftehim taʼ negozju.
Il-Bibbja ma tappoġġax ħarsa indifferenti bħal din. Ikunu xi jkunu l-motivi, min jiżżewweġ jidħol f’arranġament sagru li Alla jikkunsidrah bħala rabta. Il-membri taʼ ftehim bħal dan jibqgħu marbutin bħala raġel u mara miżżewġin, u ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu sakemm ma jkollhomx bażi Skritturali għal divorzju.—Mattew 19:5, 6, 9 (KŻ).
Bħal kull ħaġa oħra li jixraq li naħdmu għaliha, żwieġ tajjeb jeħtieġ l-isforz u l-perseveranza. Dawk li ma japprezzawx kemm hu sagru jaqtgħu qalbhom iktar malajr. Jew inkella għandhom mnejn jirrassenjaw ruħhom u jgħixu mdejqin fiż-żwieġ tagħhom. Mill-banda l-oħra, dawk li jagħrfu kemm hu sagru ż-żwieġ jafu li Alla jistenniehom jibqgħu flimkien. (Ġenesi 2:24) Huma jirrealizzaw ukoll li jekk jaħdmu biex fiż-żwieġ tagħhom ikun hemm l-armonija, huma jonoraw lil Alla bħala d-Disinjatur taʼ l-arranġament taż-żwieġ. (1 Korintin 10:31) Peress li jżommu din il-ħarsa huma motivati biex jipperseveraw u jaħdmu ħalli ż-żwieġ tagħhom jirnexxi.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 14 Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1989, paġni 9-10.