Għal ġo Dinja Ħarxa!
Għal ġo Dinja Ħarxa!
TARBIJA titwieled f’dinja ħarxa, dinja kollha stress. Għalkemm tarbija ma tistax verament tgħid x’inhi tħoss, xi xjenzati jemmnu li anki qabel it-twelid, il-fetus ikun jaf x’inhu jseħħ.
Il-ktieb The Secret Life of the Unborn Child (Il-Ħajja Sigrieta taʼ Tarbija Mhix Imwielda) jgħid: “Aħna nafu li t-tarbija li għadha ma twilditx hija persuna f’sensiha li tirreaġixxi għall-affarijiet taʼ madwarha u minn meta jkollha sitt xhur (u forsi anki qabel) tgħix ħajja attiva emozzjonalment.” Għalkemm it-tarbija għandha mnejn ma tiftakarx, xi xjenzati jaħsbu li l-esperjenza stressanti fit-twelid għandha mnejn teffettwalha ħajjitha iktar ’il quddiem.
Wara t-twelid, l-istress ikompli. Barra l-ġuf t’ommha, it-tarbija ma tibqax tiġi mitmugħa awtomatikament. Il-kurdun li kien jagħtiha l-ossiġnu u s-sustanzi issa m’għadux hemm. Biex issalva, trid tibda tieħu n-nifs u s-sustanzi waħedha. Għandha bżonn lil xi ħadd biex jitmagħha u jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi l-oħra tagħha.
It-tarbija li tkun għadha kif twieldet trid ukoll tiżviluppa mentalment, emozzjonalment, u spiritwalment. Għal din ir-raġuni, xi ħadd irid jieħu ħsieb din iċ-ċkejkna. Min l-aħjar li jagħmel dan? It-tarbija x’għandha bżonn mill-ġenituri tagħha? Kif jistgħu dawn il-bżonnijiet jiġu provduti bl-aħjar mod? L-artikli li jmiss se jgħinuk twieġeb dawn il-mistoqsijiet.