Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġranet Memorabbli t’Ospitalità

Ġranet Memorabbli t’Ospitalità

Ġranet Memorabbli t’Ospitalità

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

FIL-​15 TAʼ MARZU, 2003, delegati li ġew minn iktar minn 40 pajjiż inġabru eżatt barra l-​Belt tal-​Messiku għad-​dedikazzjoni tal-​bini l-​ġdid li jidher hawn taħt. Dawn ir-​residenzi u l-​faċilitajiet taʼ l-​istampar huma parti mill-​aħħar tkabbir li sar fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Messiku.

Fl-1974, meta kien hemm mal-​65,000 Xhud fil-​Messiku, ġie dedikat l-​ewwel bini tal-​fergħa f’dan il-​post. Hekk kif l-​għadd taʼ Xhieda kompla jiżdied bil-​ħeffa, saru dedikazzjonijiet taʼ bini ieħor fl-​1985 u għal darb’oħra fl-​1989. L-​aħħar żjieda li saret tikkonsisti f’iktar minn tnax-il binja oħra, li jinkludu stamperija enormi kif ukoll residenzi li se jagħmluha possibbli li jakkomodaw xi 1,300 ħaddiem fil-​fergħa.

Ħmistax wara d-​dedikazzjoni, kien hemm xi ġranet biex il-​ġirien ħdejn il-​fergħa jkunu jistgħu jiġu jarawha x’ħin iridu u jintlaqgħu b’mod ospitabbli. Fost dawk li ngħataw invit kien hemm l-​awtoritajiet lokali kif ukoll l-​istudenti u l-​għalliema taʼ università ġdida li tinsab in-​naħa l-​oħra tat-​triq. Ħafna fil-​fergħa kienu kurjużi dwar kemm uħud kienu se jaċċettaw l-​istedina.

Tweġiba Premjanti

Kien hemm total taʼ 272 li wieġbu, inkluż xi studenti u uffiċjali tal-​gvern u tad-​distrett. Il-​viżitaturi kkummentaw dwar is-​sbuħija u l-​indafa tal-​faċilitajiet u kienu grati għall-​ospitalità li ntweriet magħhom. Waħda kitbet fil-​ktieb tal-​viżitaturi: “Qed inżur il-​faċilitajiet tagħkom għall-​ewwel darba. Huma verament sbieħ. Qabel kont nammirakom u nirrispettakom, imma issa iktar.”

Viżitatur ieħor osserva: “Kellna impressjoni ħażina taʼ dak li jseħħ hawnhekk. Kien hawn ħafna għajdut dwarkom. . . . Imma dak li qed nara issa jagħtini l-​fiduċja. Issa se nilqagħkom f’dari bil-​qalb kollha għaliex inħoss li dak li qed tagħmlu huwa verament siewi.”

Waħda mill-​għalliema taʼ l-​università, li ommha hija Xhud, ġabet żewġ klassijiet sħaħ taʼ studenti għal żjara. Hi qalet: “Ridt li l-​istudenti jkunu jafu x’jagħmlu x-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Jistgħu jitgħallmu ħafna affarijiet billi jżuru dan il-​post.” L-​istudenti kif ġew effettwati miż-​żjara?

Waħda minnhom kitbet: “Grazzi għall-​ospitalità tagħkom. Kienet ġurnata memorabbli għalija u għal sħabi tal-​klassi.” Oħra nnotat li n-​nies li ma jisimgħux lix-​Xhieda li jżuruhom ma jafux x’tip taʼ nies verament huma. “Għandna nkunu tolleranti u moħħna miftuħ għal affarijiet oħra,” ikkonkludiet. Wieħed żagħżugħ qal: “Kelli idea differenti ħafna tagħkom, imma issa qed nara li intom tappoġġaw lil xulxin. Qiskom nemel żgħir—tant intom beżlin.”

Fost dawk li żaru l-​post kien hemm erbaʼ membri tal-​pulizija lokali. Waħda minnhom innotat: “Veru nħossni impressjonata. Lanqas hawn diskriminazzjoni f’dan il-​post. Min inaddaf, min jieħu ħsieb il-​ġnien, kulħadd l-​istess. . . . Din hija xi ħaġa meraviljuża.”

Żewġ ġirien żgħar, tifel taʼ disaʼ u ieħor t’għaxar snin, qalu: “Kemm hawn sabiħ—u kbir!” “Il-​magni kienu l-​iktar li għoġbuni. Kemm jgħaġġlu! L-​iktar li laqtuni kienu l-​magni li jaqtgħu l-​karti.”

Wieħed tabib li jieħu ħsieb pazjenti li jsofru minn ġrieħi gravi, martu, u binthom li hija studenta fl-​università, kienu fost dawk li żaru l-​post. Waqt li kienu qed iduru, mart it-​tabib staqsiet ħafna mistoqsijiet mill-​Bibbja. Hi qalet li l-​interess tagħha tqanqal meta x-​Xhieda kienu jżuru lil missierha, membru taʼ reliġjon evanġelika. Hu kien jaqbad jirrabja, waqt li x-​Xhieda kienu jibqgħu kalmi. “Issa qed nifhem għala,” qalet hi.

It-tabib u l-​familja tiegħu qalu li ż-​żjara tagħhom bidlet l-​opinjoni li kellhom dwar ix-​Xhieda. Malli nnota l-​interess tagħhom, José li kien il-​gwida tagħhom, stidinhom għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu u offrielhom studju tal-​Bibbja. Huma qablu u qalu li kienu se jiġu minn qalbhom fil-​fergħa għall-​istudju.

Il-ġimgħa taʼ wara ġew, u José u martu, Beatriz, laqgħuhom bil-​ferħ fil-​kamra tagħhom. Tant kellhom mistoqsijiet li l-​ewwel studju dam sejjer tliet sigħat u nofs! Il-​familja attendiet għat-​Tifkira fis-​16 t’April—flimkien maʼ missier il-​mara tat-​tabib—iva, dak li kien jirrabja max-​Xhieda meta kienu jżuruh!

Xi ħaġa speċjali li ġabet ferħ kbir kienet lammont taʼ letteratura Biblika li ħadu magħhom id-​dar dawk li żaru l-​post—500 b’kollox, speċjalment Bibbji. Xi wħud minnhom qalu li qatt ma kellhom Bibbja qabel.

Waħda mill-​ġirien li ma toqgħodx ’il bogħod qalet lil Armando, li kien qed jieħu ħsieb il-​bank tal-​letteratura Biblika: “Minn issa ’l quddiem, se ningħaqad magħkom ix-​Xhieda fil-​laqgħat, għaliex naf li din hi l-​verità.” Ftit ġimgħat wara, Armando feraħ meta ra lil din il-​mara fis-​Sala tas-​Saltna. Hu qal: “Kellha l-​ktieb li ħadet meta l-​fergħa kienet miftuħa għall-​pubbliku. Meta mort inkellimha qaltli: ‘Kif qed tara, qed nagħmel dak li għedtlek li se nagħmel.’”

It-tlett ijiem t’ospitalità għall-​pubbliku għaddew malajr. Imma kienu verament inkuraġġanti. Il-​membri tal-​fergħa ġew megħjuna jaraw il-​faċilitajiet tal-​fergħa mill-​ħarsa taʼ dawk li żaru l-​post għall-​ewwel darba. Minħabba f’hekk, kabbru l-​apprezzament tagħhom għall-​privileġġ li għandhom li jaqdu f’waħda mill-​fergħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 24, 25]

1. Binja fejn jissewwew il-​vetturi, 2. binja tas-​servizzi, 3. binja fejn issir il-​manutenzjoni, 4. residenzi, 5. stamperija, 6. awditorju, 7. binja tal-​viżitaturi

[Stampi f’paġna 25]

Mijiet wieġbu għall-​istedina t’ospitalità għall-​pubbliku, inkluż xi studenti u pulizija lokali