KAPITLU 28
“Fl-Art Kollha”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu xogħol li nbeda mis-segwaċi taʼ Ġesù Kristu fl-ewwel seklu
1. X’similaritajiet hemm bejn il-Kristjani tal-bidu u x-Xhieda taʼ Ġeħova llum?
HUMA taw xhieda biż-żelu. Qlubhom qanqluhom biex jaċċettaw l-għajnuna u l-gwida tal-ispirtu qaddis. Il-persekuzzjoni ma sikktithomx. U l-barka kbira t’Alla kienet fuqhom. Dan kollu kien minnu dwar il-Kristjani tal-bidu, sewwasew bħalma hu minnu dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum.
2, 3. B’mod partikulari, x’hemm taʼ min jinnotah dwar il-ktieb tal-Atti?
2 Ċertament li int ġejt inkuraġġit mir-rakkonti li jsaħħu l-fidi tal-ktieb Bibliku tal-Atti tal-Appostli li fih ħafna ġrajjiet eċċitanti. Huwa uniku, għax hu l-uniku rakkont ispirat minn Alla dwar dak li għamlu l-Kristjani tal-ewwel seklu wara li Ġesù telaʼ fis-sema.
3 Il-ktieb tal-Atti jsemmi 95 individwu minn 32 pajjiż, 54 belt, u 9 gżejjer. Huwa rakkont eċċitanti dwar nies—nies komuni, reliġjonisti kburin, politikanti vanitużi, persekuturi inkorlati. Imma fuq kollox, hu dwar ħutek tal-ewwel seklu, li mhux biss iffaċċjaw l-isfidi komuni tal-ħajja, imma wkoll ippritkaw l-aħbar tajba biż-żelu.
4. Għala ngawdu rabta speċjali maʼ individwi bħall-appostlu Pawlu, Tabita, u xhieda leali oħrajn tal-qedem?
4 Issa għaddew kważi 2,000 sena minn meta ġraw l-attivitajiet tal-appostli żelużi Pietru u Pawlu, tat-tabib maħbub Luqa, taʼ Barnaba li kien ġeneruż, taʼ Stiefnu li kien kuraġġuż, taʼ Tabita li kienet qalbha tajba, taʼ Lidja li kienet ospitabbli, u taʼ ħafna xhieda leali oħrajn. Madankollu, aħna ngawdu rabta speċjali magħhom. Għala? Għaliex għandna l-istess inkarigu taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mt. 28:19, 20) Kemm aħna mberkin li għandna sehem fih!
5. Is-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù fejn bdew iwettqu l-inkarigu tagħhom?
5 Irrifletti fuq l-inkarigu li Ġesù ta lis-segwaċi tiegħu. “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom,” hu qal, “u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) L-ewwel, l-ispirtu qaddis ta l-qawwa lid-dixxipli biex ikunu xhieda “f’Ġerusalemm.” (Atti 1:1–8:3) Wara, bid-direzzjoni tal-ispirtu, huma taw xhieda “fil-Lhudija kollha” u “fis-Samarija.” (Atti 8:4–13:3) Imbagħad bdew jieħdu l-aħbar tajba “fl-art kollha.”—Atti 13:4–28:31.
6, 7. Fit-twettiq tal-ministeru tagħna, x’vantaġġ għandna fuq sħabna fit-twemmin tal-ewwel seklu?
6 Sħabek fit-twemmin tal-ewwel seklu ma kellhomx il-Bibbja sħiħa biex jużawha fix-xogħol tagħhom taʼ li jagħtu xhieda. L-Evanġelju taʼ Mattew ma kienx disponibbli sa minn tal-inqas is-sena 41 QK. Ftit mill-ittri taʼ Pawlu nkitbu qabel ma tlesta Atti, madwar is-sena 61 WK. Imma l-Kristjani tal-bidu la kellhom kopji persunali tal-Iskrittura Mqaddsa kollha kemm hi u lanqas kellhom varjetà taʼ pubblikazzjonijiet biex iqassmuhom lil nies interessati. Qabel ma saru dixxipli taʼ Ġesù, il-Kristjani Lhud kienu semgħu l-Iskrittura Ebrajka tinqara fis-sinagoga. (2 Kor. 3:14-16) Imma anki huma kellhom ikunu studenti diliġenti, ladarba x’aktarx li kellhom jikkwotaw versi bl-amment.
7 Illum, il-biċċa l-kbira minna għandna kopja persunali tal-Bibbja u abbundanza taʼ letteratura Biblika. Qed nagħmlu dixxipli billi niddikjaraw l-aħbar tajba f’240 pajjiż u b’ħafna lingwi.
Megħjunin u Gwidati mill-Ispirtu Qaddis
8, 9. (a) L-ispirtu qaddis x’għenhom jagħmlu d-dixxipli taʼ Ġesù? (b) Il-klassi tal-ilsir leali x’qed tipproduċi bl-għajnuna tal-ispirtu t’Alla?
8 Meta Ġesù inkariga lid-dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda, hu qalilhom: “Intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom.” Bid-direzzjoni tal-ispirtu, jew il-forza attiva, t’Alla, is-segwaċi taʼ Ġesù fl-aħħar mill-aħħar kellhom jaqdu bħala xhieda mal-art kollha. Permezz tal-ispirtu qaddis, Pietru u Pawlu fejqu lill-morda, keċċew lid-demonji, u saħansitra qajmu lill-mejtin! Madankollu, il-qawwa li rċivew permezz tal-ispirtu qaddis kellha skop iktar importanti. Għenet lill-appostli u lil dixxipli oħrajn biex jagħtu għarfien eżatt li jfisser ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 17:3.
9 Fil-jum taʼ Pentekoste tas-sena 33 WK, id-dixxipli taʼ Ġesù “bdew jitkellmu b’lingwi differenti, skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis.” B’hekk, taw xhieda rigward “l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla.” (Atti 2:1-4, 11) Illum, aħna ma nitkellmux b’lingwi differenti b’mod mirakoluż. Però, bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla, il-klassi tal-ilsir leali qed tipproduċi letteratura Biblika b’ħafna lingwi. Pereżempju, kull xahar jiġu stampati miljuni taʼ kopji ta’ It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! U fuq il-website, jw.org, hemm pubblikazzjonijiet u vidjows f’iktar minn elf lingwa li huma bbażati mill-Bibbja. Dan kollu jgħinna niddikjaraw “l-affarijiet tal-għaġeb t’Alla” lin-nies taʼ kull ġens, tribù, u lsien.—Riv. 7:9.
10. Mill-1989 ’l hawn, xi twettaq b’konnessjoni mat-traduzzjoni tal-Bibbja?
10 Mill-1989 ’l hawn, il-klassi tal-ilsir poġġiet enfasi fuq li tagħmel it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa disponibbli b’ħafna lingwi. Din il-Bibbja diġà ġiet tradotta f’iżjed minn 200 lingwa, u ġew stampati għaxriet taʼ miljuni taʼ kopji—u ħafna oħrajn qed jiġu stampati. Bl-għajnuna t’Alla u tal-ispirtu tiegħu biss setgħu jirnexxu dawn l-isforzi.
11. Xi twettaq b’konnessjoni mat-traduzzjoni tal-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda?
11 Ix-xogħol tat-traduzzjoni qed isir minn eluf taʼ volontieri Kristjani f’iktar minn 150 pajjiż. Dan m’għandux jissorprendina, għax ebda organizzazzjoni oħra fuq l-art mhi mmexxija mill-ispirtu qaddis f’li tagħti “xhieda fid-dettall” mad-dinja kollha rigward Alla Ġeħova, is-Sultan Messjaniku tiegħu, u s-Saltna tas-sema stabbilita!—Atti 28:23.
12. Pawlu u l-Kristjani l-oħrajn kif setgħu jagħmlu x-xogħol tal-ippritkar?
12 Meta Pawlu ta xhieda lil-Lhud u lill-Ġentili f’Antjokja tal-Pisidja, dawk “li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.” (Atti 13:48) Hekk kif Luqa jikkonkludi l-ktieb tal-Atti, Pawlu kien qed ‘jipprietka dwar is-Saltna t’Alla . . . bl-akbar libertà tal-kelma u bla tfixkil.’ (Atti 28:31) L-appostlu fejn qed jagħti xhieda? F’Ruma—il-belt kapitali taʼ qawwa dinjija! Kemm jekk permezz taʼ taħditiet u kemm jekk permezz taʼ mezzi oħrajn, is-segwaċi tal-bidu taʼ Ġesù għamlu x-xogħol tal-ippritkar kollu bl-għajnuna u l-gwida tal-ispirtu qaddis.
Nipperseveraw Minkejja l-Persekuzzjoni
13. Għala għandna nitolbu meta nesperjenzaw il-persekuzzjoni?
13 Meta d-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù esperjenzaw il-persekuzzjoni, talbu bil-ħrara lil Ġeħova għall-kuraġġ. X’kien ir-riżultat? Imtlew bl-ispirtu qaddis u ġew imsaħħin biex jitkellmu l-kelma t’Alla bil-kuraġġ. (Atti 4:18-31) Aħna wkoll nitolbu għall-għerf u għas-saħħa biex inkomplu nagħtu xhieda minkejja l-persekuzzjoni. (Ġak. 1:2-8) Minħabba li aħna mberkin minn Alla u megħjunin mill-ispirtu tiegħu, inkomplu nippritkaw. Xejn ma jwaqqaf ix-xogħol taʼ li nagħtu xhieda—la oppożizzjoni ħarxa u lanqas persekuzzjoni brutali. Meta nkunu qed niġu persegwitati, ċertament li għandna bżonn nitolbu għall-ispirtu qaddis u għall-għerf u għall-kuraġġ biex niddikjaraw l-aħbar tajba.—Lq. 11:13.
14, 15. (a) X’ġara b’riżultat tal-“persekuzzjoni wara l-mewt taʼ Stiefnu”? (b) Fi żmienna, ħafna nies fis-Siberja kif saru jafu bil-verità?
14 Stiefnu ta xhieda b’kuraġġ qabel ma nqatel mill-għedewwa tiegħu. (Atti 6:5; 7:54-60) Meta qamet “persekuzzjoni kbira” f’dak iż-żmien, id-dixxipli kollha minbarra l-appostli nxterdu madwar il-Lhudija u s-Samarija. Imma din ma waqqfitx ix-xogħol taʼ li jagħtu xhieda. Filippu mar is-Samarija biex “jipprietka dwar il-Kristu” u dan għamlu b’riżultati eċċellenti. (Atti 8:1-8, 14, 15, 25) Iżjed minn hekk, jintqalilna: “Id-dixxipli li kienu nxterdu minħabba l-persekuzzjoni wara l-mewt taʼ Stiefnu marru saħansitra l-Feniċja, Ċipru, u Antjokja, imma huma xandru l-aħbar tajba lil-Lhud biss. Madankollu f’Antjokja, xi wħud minnhom li kienu minn Ċipru u Ċirene bdew jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Mulej Ġesù lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg.” (Atti 11:19, 20) F’dak iż-żmien, il-persekuzzjoni xerrdet il-messaġġ tas-Saltna.
15 Fi żmienna, seħħet xi ħaġa simili f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika. Speċjalment fis-snin 50, eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova ġew eżiljati lejn is-Siberja. Minħabba li kienu mxerrdin f’diversi nħawi, l-aħbar tajba kienet qed tinfirex kontinwament f’din l-art vasta. Daqstant Xhieda b’ebda mod ma kien se jirnexxilhom isibu l-flus li kellhom bżonn biex jivvjaġġaw forsi sa 10,000 kilometru biex jipproklamaw l-aħbar tajba! Madankollu, il-gvern innifsu bagħathom in-naħa l-oħra tal-pajjiż. “Kif żvolġew l-affarijiet,” qal wieħed ħu, “l-awtoritajiet infushom għamluha possibbli biex eluf taʼ nies sinċieri fis-Siberja jsiru jafu l-verità.”
Imberkin bil-Kbir Minn Ġeħova
16, 17. Il-ktieb tal-Atti jagħtina liema evidenza tal-barka taʼ Ġeħova fuq ix-xogħol tal-ippritkar?
16 Bla dubju, il-barka taʼ Ġeħova kienet fuq dawk il-Kristjani tal-bidu. Pawlu u oħrajn ħawlu u saqqew, “imma Alla baqa’ jkabbar.” (1 Kor. 3:5, 6) Rapporti fil-ktieb tal-Atti jipprovdu evidenza taʼ tkabbir bħal dan minħabba l-barka taʼ Ġeħova fuq ix-xogħol tal-ippritkar. Pereżempju, “it-tagħlim dwar dak li jgħid Alla kompla jinfirex, u l-ammont tad-dixxipli baqaʼ jiżdied ħafna f’Ġerusalemm.” (Atti 6:7) Hekk kif infirex ix-xogħol tal-ippritkar, “il-kongregazzjonijiet kollha fil-Lhudija, il-Galilija, u s-Samarija ssaħħu u kellhom perjodu taʼ paċi mingħajr persekuzzjoni. Id-dixxipli komplew jiżdiedu għax huma rrispettaw ħafna lil Ġeħova u kienu msaħħin bl-ispirtu qaddis.”—Atti 9:31.
17 Fl-Antjokja tas-Sirja, kemm nies Lhud kif ukoll nies li jitkellmu bil-Grieg semgħu l-verità minn xhieda kuraġġużi. Ir-rakkont jgħid: “Ġeħova kien qed jappoġġahom, u ammont kbir taʼ nies bdew jemmnu u saru dixxipli tal-Mulej.” (Atti 11:21) Rigward iktar progress f’din il-belt, naqraw: “It-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex u kien hemm ħafna li bdew jemmnu.” (Atti 12:24) U bix-xogħol tal-ippritkar li għamlu bir-reqqa Pawlu u oħrajn fost il-Ġentili, “it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies.”—Atti 19:20.
18, 19. (a) Għala nafu li ‘Ġeħova qed jappoġġjana’? (b) Agħti eżempju li juri li Ġeħova jappoġġa lill-poplu tiegħu.
18 Bla dubju taʼ xejn, ‘Ġeħova qed jappoġġjana’ illum wkoll. Din hi r-raġuni għala daqstant nies qed jibdew jemmnu u qed jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Alla billi jitgħammdu. Iżjed minn hekk, hu biss bl-għajnuna u l-barka t’Alla li nistgħu nissaportu oppożizzjoni iebsa—kultant, persekuzzjoni ħarxa—u b’suċċess inwettqu l-ministeru tagħna, sewwasew bħalma għamlu Pawlu u Kristjani oħrajn tal-bidu. (Atti 14:19-21) Alla Ġeħova hu dejjem hemm għalina. “L-idejn dejjiema” tiegħu qatt ma jonqsu milli jappoġġawna fil-provi kollha tagħna. (Dt. 33:27) Ejja niftakru wkoll li għan-nom tal-isem kbir tiegħu, Ġeħova qatt ma jabbanduna lill-poplu tiegħu.—1 Sam. 12:22; Salm 94:14.
19 Biex nagħtu eżempju: Minħabba li Ħuna Harald Abt baqaʼ jagħti xhieda, in-Nazisti bagħtuh fil-kamp tal-konċentrament taʼ Sachsenhausen matul it-Tieni Gwerra Dinjija. F’Mejju tal-1942, il-Gestapo marru fid-dar taʼ martu, Elsa, ħadu t-tifla żgħira tagħhom, u arrestaw lil Elsa. Hi ntbagħtet f’diversi kampijiet. “Is-snin li qattajt f’kampijiet tal-konċentrament Ġermaniżi għallmuni lezzjoni li tispikka,” qalet Oħtna Abt. “Il-lezzjoni hi li l-ispirtu taʼ Ġeħova jistaʼ jsaħħek bil-kbir meta tkun għaddejja minn prova estrema! Qabel ma ġejt arrestata, kont qrajt ittra taʼ waħda oħt li qalet li taħt provi ħorox l-ispirtu taʼ Ġeħova jgħinek tibqaʼ kalma. Jien kont ħsibt li bilfors li kienet qed tesaġera xi ftit. Imma meta jien stess għaddejt mill-provi, kont naf li dak li kienet qalet kien minnu. Verament hekk jiġri. Hu diffiċli li timmaġinah, jekk ma tkunx esperjenzajtu. Madankollu, verament hekk ġara fil-każ tiegħi.”
Kompli Agħti Xhieda bid-Dettall!
20. Pawlu x’għamel waqt li kien arrestat f’daru, u dan għaliex jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment għal xi wħud minn ħutna?
20 Il-ktieb tal-Atti jintemm b’Pawlu “jippritkalhom dwar is-Saltna t’Alla” biż-żelu. (Atti 28:31) Minħabba li kien arrestat f’daru, ma kienx liberu biex jagħti xhieda minn dar għal dar f’Ruma. Minkejja dan, kompla jagħti xhieda lil dawk kollha li marru għandu. Illum, xi wħud minn ħutna għeżież ma jistgħux joħorġu minn darhom, forsi lanqas jistgħu jqumu mis-sodda, jew qed jgħixu fi djar tal-anzjani minħabba età avanzata, mard, jew nuqqas taʼ saħħa. Però, l-imħabba tagħhom għal Alla u x-xewqa tagħhom biex jagħtu xhieda huma b’saħħithom bħalma dejjem kienu. Aħna nitolbu għalihom u nistgħu nistaqsu lil Missierna tas-sema biex jgħinhom jiltaqgħu maʼ dawk li qed jixxennqu biex jitgħallmu dwaru u dwar l-iskopijiet meraviljużi tiegħu.
21. Għala għandna nagħtu xhieda b’sens t’urġenza?
21 Il-biċċa l-kbira minna nistgħu nieħdu sehem fil-ministeru minn dar għal dar u f’aspetti oħrajn tax-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna, ejja nagħmlu kulma nistgħu biex inwettqu l-irwol tagħna bħala proklamaturi tas-Saltna, biex nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar “fl-art kollha.” Dan ix-xogħol irid isir b’sens t’urġenza, għax “is-sinjal” tal-preżenza taʼ Kristu jidher b’mod ċar. (Mt. 24:3-14) M’hemmx ħin x’nitilfu. Issa stess, għandna ‘ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’—1 Kor. 15:58.
22. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu hekk kif nistennew il-jum taʼ Ġeħova?
22 Hekk kif nistennew “il-miġja tal-jum il-kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-biża’,” ejja nkunu determinati li nibqgħu nagħtu xhieda bil-kuraġġ u bil-lealtà. (Ġoel 2:31) Għad irridu nsibu ħafna nies bħall-Bereani li “aċċettaw il-kelma t’Alla bil-ħeġġa kollha.” (Atti 17:10, 11) Għalhekk, jalla nkomplu nagħtu xhieda sakemm, bħallikieku, nisimgħu l-kliem: “Prosit, ilsir tajjeb u leali!” (Mt. 25:23) Jekk illum biż-żelu nagħmlu l-parti tagħna fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli u nibqgħu dejjem leali lejn Ġeħova, ċertament li se nifirħu għall-eternità talli kellna l-barka li nieħdu sehem f’li ‘nagħtu xhieda bid-dettall dwar is-Saltna t’Alla!’