Huwa Normali Li Tħossok Hekk?
WIEĦED raġel imnikket jikteb: “Bħala tifel fl-Ingilterra, jien ġejt mgħallem biex ma nesprimix is-sentimenti tiegħi fil-pubbliku. Nistaʼ niftakar lil missieri, li qabel kien fil-militar, jgħidli waqt li jheżheż snienu, ‘Ara ma tibkix!’ meta xi ħaġa tkun ikkaġunatli xi uġigħ. Ma nistax niftakar jekk ommi qattx bieset jew għannqet lil xi ħadd minna t-tfal (konna erbgħa). Jien kelli 56 sena meta rajt lil missieri jmut. Ħassejt telfa tremenda. Madankollu, għall-ewwel, ma stajtx nibki.”
F’xi kulturi, in-nies jesprimu s-sentimenti tagħhom bil-miftuħ. Kemm jekk huma henjin jew qalbhom sewda, oħrajn ikunu jafu kif iħossuhom huma. Mill-banda l-oħra, f’xi partijiet tad-dinja, b’mod notevoli fl-Ewropa taʼ Fuq u fil-Britannja, in-nies, speċjalment l-irġiel, ġew imrawmin biex jaħbu s-sentimenti tagħhom, biex iżommu lura l-emozzjonijiet tagħhom, biex jibqgħu indifferenti jiġri x’jiġri u ma jurux x’hemm f’qalbhom. Imma meta tkun sofrejt it-telfa taʼ xi ħadd għażiż, jistaʼ b’xi mod ikun ħażin li tesprimi n-niket tiegħek? Il-Bibbja xi tgħid?
Dawk Li Bkew Fil-Bibbja
Il-Bibbja nkitbet minn nies Ebrej tar-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran, li kienu nies li jħobbu jesprimu ruħhom. Fiha ħafna eżempji taʼ nies li bil-miftuħ urew in-niket tagħhom. Is-sultan David għela għat-telfa taʼ ibnu Amnon li kien ġie maqtul. Fil-fatt, ‘beka biki kbir ħafna.’ (2 Samwel 13:28-39) Hu saħansitra tnikket għat-telfa taʼ ibnu Absalom il-qarrieq, li kien ipprova jaħtaflu l-istat taʼ sultan. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħidilna: “Imbagħad [David] is-sultan qabditu rogħda. Talaʼ fil-kamra taʼ fuq il-bieb, u hemm beda jibki u jgħajjat: ‘Ibni Absalom! Ibni! Ibni Absalom! Mhux li mitt jien minflokok. Absalom ibni! Ibni!’” (2 Samwel 19:1) David għela bħal kwalunkwe missier normali. U min jaf kemm-il darba xtaqu ġenituri li setgħu jmutu huma minflok uliedhom! Kemm ma jidhirx naturali li xi ħadd mit-tfal imut qabel wieħed mill-ġenituri.
Ġesù kif irreaġixxa għall-mewt tal-ħabib tiegħu Lażżru? Hu beka hekk kif qorob lejn il-qabar tiegħu. (Ġwann 11:30-38) Iktar tard, Marija Maddalena bkiet hekk kif qorbot lejn is-sepulkru taʼ Ġesù. (Ġwann 20:11-16) Veru, Kristjan li għandu fehma tat-tama taʼ l-irxoxt li tinstab fil-Bibbja ma jitnikkitx bla konsolazzjoni taʼ xejn, kif jagħmlu xi wħud li m’għandhomx bażi ċara tal-Bibbja għat-twemmin tagħhom rigward il-kundizzjoni tal-mejtin. Imma bħala bniedem b’sentimenti normali, il-Kristjan veru, saħansitra bit-tama taʼ l-irxoxt, tassew jitnikket u tassew jagħli għat-telfa taʼ xi ħadd maħbub.—1 Tessalonkin 4:13, 14.
Tibki Jew Ma Tibkix
Xi ngħidu dwar ir-reazzjonijiet tagħna llum? Issibha int diffiċli jew imbarazzanti li turi s-sentimenti tiegħek? Uħud li jagħtu l-pariri x’jirrikkmandaw? L-opinjonijiet moderni tagħhom taʼ spiss jidwu sempliċement l-għerf imnebbaħ u antik tal-Bibbja. Huma jgħidu li għandna nesprimu n-niket tagħna, mhux inrażżnuh. Dan ifakkarna f’irġiel leali tal-qedem, bħal Ġob, David, u Ġeremija, li l-espressjonijiet taʼ niket tagħhom jinstabu fil-Bibbja. Huma ċertament li ma żammewx ġo fihom is-sentimenti tagħhom. Għalhekk, m’huwiex għaqli li tinqataʼ min-nies. (Proverbji 18:1) M’għandniex xi ngħidu, il-vistu huwa espress b’modi differenti f’kulturi differenti, jiddependi wkoll fuq it-twemmin reliġjuż prevalenti. a
Xi ngħidu jekk tħossok li trid tibki? Li tibki huwa parti min-natura umana. Ftakar mill-ġdid l-okkażjoni tal-mewt taʼ Lażżru, meta Ġesù “ħass ruħu mqanqal u . . . beka.” (Ġwann 11:33, 35) Hu b’hekk wera li l-biki huwa reazzjoni normali għall-mewt taʼ xi ħadd maħbub.
Dan huwa appoġġjat mill-każ taʼ waħda omm, Anne, li kienet tilfet lit-tarbija tagħha Rachel bis-SIDS (Sudden Infant Death Syndrome, meta tarbija tmut f’daqqa waħda). Ir-raġel tagħha kkummenta: “Il-ħaġa taʼ l-iskantament kienet li la Anne u lanqas jien ma bkejna fil-funeral. Kulħadd beda jibki.” Għal dan, Anne irrispondiet: “Iva, imma jien bkejt biżżejjed għalina t-tnejn f’daqqa. Naħseb li dan l-impatt emozzjonali laqatni tassew ftit ġimgħat wara t-traġedja, meta ġurnata waħda kont fl-aħħarnett waħdi d-dar. Bkejt il-ġurnata kollha. Imma naħseb li dak għenni. Ħassejtni aħjar wara. Kelli bil-fors ngħali għat-telfa tat-tarbija tiegħi. Jiena tassew nemmen li trid tħalli lin-nies imnikktin jibku. Għalkemm hija reazzjoni naturali għal oħrajn li jgħidu: ‘Tibkix,’ dak tassew ma jgħinx.”
Kif Jirreaġixxu Xi Wħud
Xi wħud kif irreaġixxew meta ħassewhom desolati bit-telfa taʼ xi ħadd maħbub? Per eżempju, ikkunsidra lil Juanita. Hi taf x’iħoss min jitlef tarbija. Kienet esperjenzat ħames korrimenti. Issa reġgħet kienet tqila. Mela meta minħabba inċident bil-karozza kellha tidħol l-isptar, wieħed jistaʼ jifhem kemm kienet imħassba. Ġimgħatejn wara beda l-uġigħ—qabel iż-żmien. Ftit wara twieldet iċ-ċkejkna Vanessa—kienet tiżen madwar kilogramma. “Kemm kont eċċitata,” tiftakar Juanita. “Fl-aħħar sirt omm!”
Imma l-hena tagħha kienet għomorha qasir. Erbat ijiem wara Vanessa mietet. Tiftakar Juanita: “Tant ħassejtni vojta. Itteħidli l-privileġġ li nkun omm. Ħassejtni minix kompluta. Kien taʼ wġigħ li niġi lura d-dar fil-kamra li konna
ħejjejna għal Vanessa u nħares lejn il-flokkijiet taʼ taħt ċkejknin li kont xtrajtilha. Għall-ftit xhur taʼ wara, kont inġedded jum it-twelid tagħha. Ma ridt ikolli x’naqsam xejn maʼ ħadd.”Xi reazzjoni estrema? Forsi jkun iebes għal oħrajn biex jifhmu, imma dawk li, bħal Juanita, għaddew minnha jispjegaw li huma tnikktu għat-tarbija tagħhom bħalma kienu jitnikktu għal xi ħadd li kien għex għal xi żmien. Ħafna qabel ma titwieled it-tarbija, jgħidu huma, il-ġenituri jsiru jħobbuha. Hemm rabta speċjali maʼ l-omm. Meta dik it-tarbija tmut, l-omm tħoss li persuna reali tkun intilfet. U dak huwa li oħrajn jeħtieġ li jifhmu.
Kif Ir-Rabja u L-Ħtija Jistgħu Jeffettwawk
Omm oħra esprimiet is-sentimenti tagħha meta qalulha li binha taʼ sitt snin kien miet għall-għarrieda minħabba problema f’qalbu mit-twelid. “Għaddejt minn serje taʼ reazzjonijiet—bqajt ixxokkjata, ma ridtx nemmen, ħassejtni ħatja, u rrabjata mar-raġel tiegħi u mat-tabib għax ma kinux irrealizzaw kemm kienet serja l-kundizzjoni tiegħu.”
Ir-rabja tistaʼ tkun sintomu ieħor tan-niket. Tistaʼ tkun rabja għat-tobba u l-infermieri, billi tħoss li kellhom jagħmlu iktar f’li jieħdu ħsieb taʼ dak li jkun miet. Jew forsi tkun rabja għal ħbieb u qraba li, milli jidher, jgħidu jew jagħmlu l-ħaġa żbaljata. Xi wħud jirrabjaw għal dak li jkun miet għax ikun ittraskura saħħtu. Stella tiftakar: “Niftakar li kont irrabjata għar-raġel tiegħi għaliex kont naf li l-affarijiet setgħu jkunu differenti. Hu kien marad ħafna, imma kien injora t-twissijiet tat-tobba.” U xi kultant ikun hemm rabja għall-mejjet minħabba t-tagħbijiet li l-mewt tiegħu jew tagħha ġġib fuq min jibqaʼ ħaj.
Xi wħud iħossuhom ħatjin minħabba r-rabja—jiġifieri, jistgħu jikkundannaw lilhom infushom għaliex iħossuhom irrabjati. Oħrajn iwaħħlu fihom infushom għall-mewt tal-maħbub tagħhom. “Ma kienx imut,” huma jikkonvinċu ruħhom, “li kieku ġegħiltu jmur għand it-tabib qabel” jew “ġegħiltu jara tabib ieħor” jew “ġegħiltu jieħu ħsieb iktar taʼ saħħtu.”
Għal oħrajn il-ħtija tasal iktar minn hekk, speċjalment jekk il-maħbub tagħhom miet għall-għarrieda, bla mistenni. Huma jibdew jiftakru d-drabi meta kienu rrabjaw maʼ dak li
jkun miet jew meta kienu argumentaw miegħu. Jew iħossu li ma għamlux dak li suppost għamlu għall-mejjet.Il-proċess twil taʼ niket taʼ ħafna ommijiet jappoġġja dak li ħafna esperti jgħidu, li t-telfa taʼ tifel jew tifla tħalli vojt permanenti fil-ħajja tal-ġenituri, b’mod partikulari l-omm.
Meta Titlef Lil Martek Jew Lil Żewġek
It-telfa taʼ sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ hija xorta oħra taʼ trawma, speċjalment jekk it-tnejn li huma qattgħu ħajja attiva ferm flimkien. Tistaʼ tfisser tmiem taʼ l-istil taʼ ħajja kollu, taʼ vjaġġar, taʼ xogħol, taʼ rikreazzjoni, u taʼ dipendenza fuq xulxin li huma kienu qasmu flimkien.
Eunice tispjega dak li ġara meta r-raġel tagħha miet għall-għarrieda b’attakk f’qalbu. “Għall-ewwel ġimgħa, kont fi stat taʼ xokk emozzjonali, bħal li kieku waqaft niffunzjona. Ma stajtx saħansitra ntiehem jew inxomm. Madankollu, is-sens tiegħi taʼ loġika kompla b’mod distakkat. Minħabba li kont mar-raġel tiegħi waqt li kienu qegħdin jipprovaw iġibuh stabbli billi wżaw is-CPR (apparat li jħaddem mill-ġdid il-qalb) u l-immedikar, m’esperjenzajtx is-sintomi taʼ ċaħda kif soltu jiġri. Minkejja
dan, ħassejt sentiment qawwi taʼ frustrazzjoni, bħal li kieku kont qiegħda nara karozza taqaʼ minn fuq għolja u jien ma stajt nagħmel xejn dwarha.”Bkiet hi? “Dażżgur li bkejt, speċjalment meta qrajt il-mijiet taʼ kartolini taʼ simpatija li kont irċevejt. Bkejt maʼ kull waħda. Dan għenni niffaċċja l-bqija tal-ġurnata. Imma xejn ma setaʼ jgħin meta ġejt mistoqsija ripetutament kif ħassejtni. Ovvjament, kont miżerabbli.”
X’għen lil Eunice biex tgħaddi min-niket tagħha? “Mingħajr ma rrealizzajt dan, bla ma ridt għamilt id-deċiżjoni biex nibqaʼ sejra b’ħajti,” hi tgħid. “Madankollu, dak li għadu jweġġagħni huwa meta niftakar li r-raġel tiegħi, li tant kien iħobb il-ħajja, m’huwiex hawn biex igawdiha.”
“Tħallix Lil Oħrajn Jiddettaw . . . ”
L-awturi taʼ Leavetaking—When and How to Say Goodbye jagħtu l-parir: “Tħallix lil oħrajn jiddettawlek kif għandek taġixxi jew tħossok. Il-proċess taʼ niket huwa differenti għal kull wieħed. Oħrajn forsi jaħsbu—u juruk li jaħsbu—li int qiegħed titnikket iżżejjed jew mhux qiegħed titnikket biżżejjed. Aħfrilhom u nsieha. Billi tipprova tisforza lilek innifsek ġo forma maħluqa minn oħrajn jew mis-soċjetà inġenerali, int ittellef il-progress tiegħek lejn saħħa emozzjonali rrestawrata.”
M’għandniex xi ngħidu, nies differenti jittrattaw in-niket tagħhom b’modi differenti. M’aħniex nipprovaw nissuġġerixxu li mod wieħed huwa neċessarjament aħjar minn ieħor għal kull persuna. Madankollu, ifeġġ il-periklu meta jidħol l-istaġnar, meta l-persuna milquta min-niket mhix kapaċi tirrikonċilja ruħha mar-realtà tas-sitwazzjoni. Imbagħad jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ l-għajnuna mingħand ħbieb li jagħdru. Il-Bibbja tgħid: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk jitwieled għal żmien l-hemm.” Mela tibżax tfittex l-għajnuna, biex titkellem, u biex tibki.—Proverbji 17:17.
In-niket huwa reazzjoni normali għal telfa, u m’huwiex ħażin li n-niket tiegħek ikun ovvju għal oħrajn. Imma mistoqsijiet oħrajn jinħtieġu t-tweġibiet: ‘Kif nistaʼ ngħix bin-niket tiegħi? Huwa normali li nesperjenza sentimenti taʼ ħtija u rabja? Kif għandi nittratta maʼ dawn ir-reazzjonijiet? X’jistaʼ jgħinni biex nissaporti t-telfa u n-niket?’ Is-sezzjoni li jmiss se twieġeb dawk il-mistoqsijiet u oħrajn.
a Per eżempju, in-nies Joruba tan-Niġerja għandhom twemmin tradizzjonali fir-ri-inkarnazzjoni tar-ruħ. Mela meta omm titlef lil xi tifel jew tifla, hemm niket intensiv imma biss għal perijodu qasir, għax bħalma jgħid ritornell tal-Joruba: “Huwa l-ilma li xxerred. Il-kalabax mhux miksur.” Skond il-Joruba, dan ifisser li l-kalabax li jġorr l-ilma, l-omm, jistaʼ jkollha tarbija oħra—forsi ri-inkarnazzjoni tal-waħda mejta. Ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jsegwu l-ebda tradizzjoni bbażata fuq superstizzjonijiet li joħorġu minn ideat foloz tar-ruħ immortali u tar-ri-inkarnazzjoni, li m’għandhom ebda bażi fil-Bibbja.—Koħelet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, 20.