Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 40

Kif Nistgħu Nkunu Nodfa għal Ġeħova?

Kif Nistgħu Nkunu Nodfa għal Ġeħova?

Immaġina omm li tħobb lit-​tifel tagħha u li qed tlestih għall-​iskola. Hi tagħmel ċert li nħasel u li l-​ħwejjeġ tiegħu huma puliti u nodfa. Dan jgħinu biex ma jimradx u biex oħrajn jaraw li l-​ġenituri tiegħu qed jieħdu ħsiebu. B’mod simili, Missierna Ġeħova jrid li ġisimna jkun nadif u fl-​istess ħin inkunu nodfa f’dak li naħsbu, ngħidu u nagħmlu. Meta nkunu nodfa, se jgħin lilna stess u nkunu qed infaħħru lil Ġeħova.

1. Kif nistgħu nkunu nodfa?

Ġeħova jgħidilna: “Kunu qaddisin.” (1 Pietru 1:16) Biex inkunu qaddisin irridu nkunu nodfa aħna stess, u nżommu l-​affarijiet u l-​ħsibijiet tagħna nodfa. Aħna nistgħu nkunu nodfa billi ninħaslu b’mod regolari u billi nżommu d-​dar, il-​karozza, u l-​ħwejjeġ tagħna nodfa. Aħna ngħinu biex inżommu s-​Sala tas-​Saltna nadifa. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed infaħħru lil Ġeħova.​—2 Korintin 6:​3, 4.

2. Liema vizzji ma jridx ikollna biex inkunu nodfa?

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex “nitnaddfu minn kull tinġis tal-​laħam u taʼ l-​ispirtu.” (2 Korintin 7:1) Allura rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ġisimna u moħħna jibqgħu nodfa. Dak li naħsbu għandu jogħġob lil Ġeħova. Allura nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma naħsbux fuq affarijiet ħżiena. (Salm 104:34) Aħna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex ma nitkellmux ħażin.​—Aqra Kolossin 3:8.

X’hemm iżjed li ma jagħmilniex nodfa fiżikament jew moralment? Hemm affarijiet li mhux tajbin għall-​ġisem. Pereżempju aħna ma npejpux, ma nomogħdux il-​betel nut jew coca leaves, u ma niħdux droga. Minħabba li ma niħdux dawn l-​affarijiet, aħna nkunu nodfa fiżikament, ikollna saħħa aħjar, u nirrispettaw il-​ħajja li tana Ġeħova. U biex inkunu nodfa moralment aħna nżommu ħsibijietna nodfa. Allura nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma nagħmlux masturbazzjoni jew naraw pornografija. (Salm 119:37; Efesin 5:5) Jistaʼ jkun diffiċli biex inwaqqfu dawn il-​vizzji, imma Ġeħova jistaʼ jgħinna.​—Aqra Isaija 41:13.

TGĦALLEM IŻJED

Tgħallem għala nfaħħru lil Ġeħova meta nkunu nodfa, u ara x’se jgħinek twaqqaf il-​vizzji ħżiena.

3. Meta nżommu kollox nadif, infaħħru lil Ġeħova

Meta naqraw il-​liġijiet li Ġeħova ta lill-​Iżraelin, aħna nifhmu kemm hu importanti għalih li n-​nies tiegħu jkunu nodfa. Aqra Eżodu 19:10 u 30:​17-​19, u mbagħad iddiskuti:

  • Skont dawn il-​versi, Ġeħova x’jaħseb dwar l-​indafa?

  • X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ nadif?

Biex inżommu kollox nadif hemm bżonn il-​ħin u sforz. Dan ma jagħmilx differenza fejn noqogħdu u kemm għandna flus. Ara l-​VIDJOW, u mbagħad iddiskuti l-​mistoqsija.

  • In-​nies li nippritkawlhom, għala se jirrispettaw iktar lil Ġeħova meta jaraw l-​affarijiet tagħna nodfa?

4. Waqqaf vizzji ħżiena

Ġeħova jistaʼ jgħinna naqtgħu vizzju ħażin

Jekk tpejjep jew tieħu d-​droga, aktarx taf kemm hu diffiċli biex twaqqafhom. X’jistaʼ jgħinek? Aħseb fuq kif il-​vizzji jaffettwawk ħażin. Aqra Mattew 22:​37-​39, u mbagħad iddiskuti kif is-​sigaretti u d-​droga jeffettwaw . . .

  • kemm tkun ħabib maʼ Ġeħova.

  • il-​familja u dawk taʼ madwarek.

Ara x’tistaʼ tagħmel biex twaqqaf vizzju. a Ara l-​VIDJOW.

Aqra Filippin 4:​13, u mbagħad iddiskuti:

  • Li nitolbu, nistudjaw il-​Bibbja, u mmorru l-​laqgħat b’mod regolari, kif jgħinuna nwaqqfu vizzju?

5. Iġġieled ħsibijiet u vizzji ħżiena

Aqra Kolossin 3:​5, u mbagħad iddiskuti:

  • Kif nafu li Ġeħova ma jiħux pjaċir bil-​pornografija, sexting u l-​masturbazzjoni?

  • Taħseb li Ġeħova qed jistenna wisq minna biex ikollna ħsibijiet nodfa? Għala taħseb hekk?

Sir af kif tistaʼ tneħħi ħsibijiet ħżiena. Ara l-​VIDJOW.

Irridu nagħmlu dak li hemm bżonn biex ħsibijietna jkunu nodfa. Ġesù tana eżempju biex juri li għandna nkunu determinati. Aqra Mattew 5:​29, 30, u mbagħad iddiskuti:

  • Ġesù ma kienx qed jgħid li għandna nweġġgħu lilna nfusna, imma kien qed juri li rridu nagħmlu sforz min-​naħa tagħna. Liema sforz irridu nkunu determinati li nagħmlu biex nevitaw ħsibijiet ħżiena? b

Jekk qed taħdem biex ikollok ħsibijiet nodfa, Ġeħova qed japprezza l-​isforzi tiegħek. Aqra Salm 103:​13, 14, u mbagħad iddiskuti:

  • Din l-​iskrittura kif tistaʼ tinkuraġġik jekk qed issibha diffiċli biex tibqaʼ nadif?

Taqtax qalbek!

Huwa faċli li tgħid, ‘Issa li waqajt ma naħsibx li se jirnexxili.’ Imma aħseb: Jekk xi ħadd qed jiġri f’maratona u jitfixkel u jaqaʼ, ma jfissirx li tilef u lanqas li jrid jibda mill-​bidu. Bl-​istess mod, jekk erġajt waqajt għall-​vizzju, ma jfissirx li ma tistax twaqqfu. Int xorta tistaʼ tħossok tajjeb dwar dak li għamilt s’issa. Hu normali li terġaʼ taqaʼ għall-​vizzju. Taqtax qalbek! Int se jirnexxilek twaqqaf dan il-​vizzju bl-​għajnuna taʼ Ġeħova.

ĦAFNA JGĦIDU: “Ilni ħafna b’dal-​vizzju. Diffiċli biex nieqaf.”

  • Liema skrittura tistaʼ tuża maʼ xi ħadd biex turi li Ġeħova jistaʼ jgħinek twaqqaf vizzju?

XI DDISKUTEJNA?

Ġeħova jieħu pjaċir bina meta nġibu ruħna kif jogħġob lilu, u nżommu ġisimna u l-​ħsibijiet tagħna nodfa.

X’Tgħallimt

  • Għala hu importanti ħafna li nkunu nodfa?

  • Kif tistaʼ żżomm lilek u l-​affarijiet tiegħek nodfa?

  • Il-​ħsibijiet tiegħek u kif iġġib ruħek, kif jistgħu jkunu nodfa?

Ipprova Dan

ARA IŻJED

X’tistaʼ tagħmel biex iżżomm l-​indafa anki meta ma jkollokx ħafna flus?

Saħħa u Ndafa​—Taħsel Idejk (3:​01)

Sir af kif tistaʼ taqtaʼ s-​sigaretti.

“Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-​Sigaretti” (Artiklu minn Stenbaħ!)

a L-​artiklu “Kif Tistaʼ Taqtaʼ s-​Sigaretti” fil-​parti Ara Iżjed jispjega kif tistaʼ twaqqaf il-​vizzji.

b Biex jgħinek twaqqaf il-​vizzju tal-​masturbazzjoni, ara kapitlu 25 “Kif Nistaʼ Negħleb il-​Vizzju tal-​Masturbazzjoni?” fil-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​1 Volum.