KAPITLU 45
Qawwa fuq ħafna demonji
MATTEW 8:28-34 MARKU 5:1-20 LUQA 8:26-39
-
IKEĊĊI D-DEMONJI U JIBGĦATHOM F’MERĦLA ĦNIEŻER
Hekk kif id-dixxipli jinżlu fuq ix-xatt wara l-kedda kbira li ħadu fuq il-baħar, huma jaraw xi ħaġa li taħsadhom. Żewġt irġiel li huma feroċi ħafna minħabba li huma maħkumin mid-demonji, joħorġu minn ċimiterju fil-qrib u jiġru lejn Ġesù! L-attenzjoni taqaʼ fuq wieħed mill-irġiel, forsi għax hu iktar vjolenti u ilu iktar taħt il-kontroll tad-demonji.
Dan ir-raġel imsejken jiġri barra għarwien. Lejl u nhar, hu “joqgħod jgħajjat qalb l-oqbra u fuq il-muntanji u jqattaʼ lilu nnifsu bil-ġebel.” (Marku 5:5) Tant hu feroċi li n-nies jibżgħu jgħaddu mit-triq fejn ikun hu. Xi wħud ipprovaw jorbtuh, imma hu jqaċċat il-ktajjen u jkisser l-irbit minn maʼ saqajh. Ħadd m’għandu s-saħħa biex irażżnu.
Hekk kif ir-raġel jersaq lejn Ġesù u jmil quddiemu, id-demonji li qed jikkontrollawh iġegħluh jgħajjat: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin Alla l-Iktar Għoli? Inġiegħlek taħlef b’Alla biex ma titturmentanix.” Ġesù juri li għandu l-awtorità fuq id-demonji billi jikkmanda: “Oħroġ minn ġo dan ir-raġel, ja spirtu mhux nadif.”—Marku 5:7, 8.
Fil-fatt, hemm ħafna demonji jippossessawh lir-raġel. Meta Ġesù jistaqsi, “X’jismek?” it-tweġiba hi: “Jisimni Leġjun, għax qegħdin ħafna.” (Marku 5:9) Leġjun Ruman hu magħmul minn eluf taʼ suldati; għalhekk, ħafna demonji ngħaqdu kontra dan ir-raġel u jieħdu gost jarawh ibati. Huma jitolbu lil Ġesù “biex ma jordnalhomx imorru fl-abbiss.” Milli jidher huma jafu x’hemm lest għalihom u għall-mexxej tagħhom, Satana.—Luqa 8:31.
Fil-viċin hemm merħla tirgħa taʼ xi 2,000 ħanżir, annimali li skont il-Liġi mhumiex nodfa u li l-Lhud lanqas biss suppost ikollhom. Id-demonji jgħidu: “Ibgħatna fil-ħnieżer, ħa nidħlu fihom.” (Marku 5:12) Ġesù jgħidilhom biex jitilqu, u huma jidħlu fil-ħnieżer. Imbagħad, l-2,000 ħanżir jiġru u jintefgħu minn fuq l-irdum għal ġol-baħar u kollha jegħrqu.
Meta dawk li qed jieħdu ħsieb il-ħnieżer jaraw dan, huma jitilqu jiġru biex ixerrdu l-aħbar mal-belt u l-kampanja. In-nies jiġu biex jaraw x’ġara. Hekk kif jaslu, huma jaraw li r-raġel li minnu ħarġu d-demonji issa hu f’sikktu u qed jaġixxi b’moħħ f’loku. Saħansitra hu liebes u qiegħed bilqiegħda ħdejn saqajn Ġesù!
In-nies li jisimgħu b’dan jew li jaraw lir-raġel jaqbadhom biżaʼ kbir għax ma jifhmux dan x’jistaʼ jfisser għalihom. Huma jħeġġu lil Ġesù biex jitlaq mill-inħawi tagħhom. Hekk kif Ġesù jkun tielaʼ fid-dgħajsa biex jitlaq, ir-raġel li qabel kien maħkum mid-demonji jitolbu bil-ħrara biex iħallih imur miegħu. Imma Ġesù jgħid lir-raġel: “Mur id-dar għand qrabatek, u għidilhom dak kollu li Ġeħova għamel miegħek u l-ħniena li wriek.”—Marku 5:19.
Ġesù s-soltu jgħid lil dawk li jfejjaq biex ma jgħidu lil ħadd, dan għax ma jridx li n-nies jaslu għal konklużjonijiet dwaru minħabba xi rapporti sensazzjonali. F’dan il-każ, ir-raġel li qabel kien maħkum mid-demonji hu evidenza ħajja tal-qawwa taʼ Ġesù u jistaʼ jagħti xhieda lin-nies li Ġesù forsi ma jistax jilħaq personalment. Ix-xhieda tiegħu tistaʼ wkoll iġġib fix-xejn kwalunkwe rapport negattiv dwar it-telfa tal-ħnieżer. Allura r-raġel imur u jibda jxandar madwar id-Dekapoli kollu dak li Ġesù għamel miegħu.