KAPITLU 64
Il-bżonn li naħfru
-
SEBAʼ DARBIET GĦANDEK TAĦFER?
-
IT-TIXBIHA TAL-ILSIR LI MA JURIX ĦNIENA
Pietru semaʼ l-parir taʼ Ġesù dwar kif għandha tiġi trattata diffikultà bejn l-aħwa billi jipprovaw jirranġawha bejniethom. Imma Pietru donnu jrid ikun jaf bl-eżatt kemm-il darba wieħed għandu jagħmel dan l-isforz.
Hu jistaqsi: “Mulej, kemm-il darba jistaʼ ħija jidneb kontrija u naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?” Xi mexxejja reliġjużi jgħallmu li wieħed għandu jaħfer sa tliet darbiet. Allura Pietru forsi jħoss li qed ikun ġeneruż ħafna jekk jaħfer lil ħuh “sa sebaʼ darbiet.”—Mattew 18:21.
Madankollu, li żżomm kont taʼ kemm-il darba xi ħadd naqsek ma jaqbilx mat-tagħlim taʼ Ġesù. Għalhekk, hu jikkoreġi lil Pietru: “Ma ngħidlekx, Sa sebaʼ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:22) Fi kliem ieħor, dan ifisser li m’għandux ikun hemm limitu. Pietru għandu jibqaʼ jaħfer lil ħuh bla ma jżomm kont.
Ġesù mbagħad jirrakkonta tixbiha lil Pietru u lil oħrajn biex jenfasizza l-obbligu tagħhom li jaħfru. Hija dwar ilsir li ma jimitax lil sidu li juri l-ħniena. Is-sultan irid jirranġa l-kontijiet mal-ilsiera tiegħu. Jittieħed quddiemu lsir minnhom li għandu dejn enormi taʼ 10,000 talent [60,000,000 dinar]. Huwa impossibbli għalih li jaqtaʼ dan id-dejn. Allura s-sultan jordna li l-ilsir, martu, u wliedu jinbiegħu ħalli jieħu flusu. Xħin jismaʼ dan, l-ilsir jinxteħet f’riġlejn sidu u jitolbu bil-ħrara: “Ħu paċenzja bija u nagħtik kollox lura.”—Mattew 18:26.
Is-sultan jitqanqal bil-ħniena u b’qalb tajba jaħfer id-dejn kbir tal-ilsir. Meta s-sultan ikun għamel dan, l-ilsir imur u jsib ilsir ieħor li għandu jagħtih 100 dinar. Hu jaħtaf lil dan l-ilsir minn għonqu u jibda jifgah, u jgħidlu: “Ħallas lura dak kollu li għandek tagħti.” Imma l-ilsir sieħbu jinxteħet f’riġlejn l-ilsir li għandu d-dejn Mattew 18:28, 29) Madankollu, l-ilsir li nħafirlu d-dejn tiegħu mis-sultan ma jimitax lil sidu. Hu jitfaʼ lill-ilsir sieħbu, li għandu jagħti ferm inqas milli kellu jagħti hu, il-ħabs sakemm ikun jistaʼ jħallsu lura.
miegħu, u bil-ħrara jitolbu: “Ħu paċenzja bija u nagħtik kollox lura.” (Ġesù mbagħad jgħid li l-ilsiera l-oħrajn li jaraw dan l-aġir bla ħniena jmorru jgħidu lis-sid, u dan b’rabja jsejjaħ għandu l-ilsir u jgħidlu: “Ilsir mill-agħar, jien ħfirtlek dak id-dejn kollu meta tlabtni bil-ħrara. Ma messekx int, mill-banda l-oħra, ġietek ħniena mill-ilsir sieħbek, bħalma jien ukoll ġietni ħniena minnek?” Is-sultan irrabjat jagħti l-ilsir li ma weriex ħniena f’idejn il-kalzriera [jew, gwardji] sakemm iħallas lura dak kollu li kellu jagħti. Ġesù jikkonkludi: “Hekk ukoll jagħmlilkom Missieri tas-sema jekk ma taħfrux minn qalbkom kull wieħed lil ħuh.”—Mattew 18:32-35.
X’lezzjoni għandha tgħallimna din it-tixbiha dwar il-maħfra! Alla ħafrilna dejn kbir taʼ dnub. Meta mqabbel maʼ dan, kwalunkwe dnub li ħu Kristjan jistaʼ jagħmel kontrina hu żgħir. U Ġeħova ma jaħfrilniex darba imma eluf taʼ drabi. Ma nistgħux aħna naħfru lil ħuna diversi drabi, anki jekk ikollna raġuni biex nilmentaw? Bħalma għallem Ġesù fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Alla se ‘jaħfrilna d-djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-dejn magħna.’—Mattew 6:12.