Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU TLIETA

“Il-Missier ta’ Dawk Kollha li Jkollhom il-Fidi”

“Il-Missier ta’ Dawk Kollha li Jkollhom il-Fidi”

1, 2. Id-​dinja kif kienet inbidlet minn żmien Noè, u Abram kif ħassu dwar dan?

ABRAM dawwar ħarstu ’l fuq lejn iż-​żiggurat, tempju b’forma taʼ piramida għolja, li kien jispikka f’Ur, il-​belt fejn kien jgħix. * Kien hemm għagħa sħiħa hemm fuq, u beda tielaʼ d-​duħħan. Il-​qassisin tal-​alla qamar kienu qed jerġgħu joffru s-​sagrifiċċji. Immaġina lil Abram idur lura, ixengel rasu, u jqarras wiċċu. Fi triqtu lejn id-​dar għadda minn qalb il-​folol tan-​nies li kien hemm fit-​toroq, u x’aktarx li beda jaħseb dwar l-​idolatrija li tant kienet komuni f’Ur. Din il-​qima korrotta kienet ilha tinfirex mad-​dinja kollha sa minn żmien Noè!

2 Noè miet sentejn biss qabel ma twieled Abram. Meta Noè u familtu ħarġu mill-​arka wara d-​Dilluvju l-​kbir, dan il-​patrijarka offra sagrifiċċju lil Alla Ġeħova, li min-​naħa tiegħu għamel qawsalla. (Ġen. 8:20; 9:12-​14) Lura f’dak iż-​żmien, l-​unika qima fid-​dinja kienet il-​qima pura. Imma issa, hekk kif l-​għaxar ġenerazzjoni minn Noè kienet qed tinfirex madwar id-​dinja, il-​qima pura bdiet issir iktar u iktar rari. In-​nies kullimkien kienu qed iqimu allat pagani. Anki Teraħ, missier Abram, kien involut fl-​idolatrija, u jistaʼ jkun li għamel xi idoli wkoll.—Ġoż. 24:2.

Abram kif sar eżempju li jispikka taʼ fidi?

3. Matul ħajjet Abram, liema kwalità spikkat fih, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

3 Abram kien differenti. Matul ħajtu, hu baqaʼ jispikka iktar u iktar minħabba l-​fidi tiegħu. Fil-​fatt, iktar tard l-​appostlu Pawlu ġie ispirat biex isejjaħlu “l-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi”! (Aqra Rumani 4:11.) Ejja naraw x’għen lil Abram ikattar il-​fidi tiegħu. Permezz t’hekk, aħna stess nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif inkattru l-​fidi tagħna wkoll.

Jaqdi lil Ġeħova Wara d-​Dilluvju

4, 5. Abram mingħand min setaʼ sar jaf dwar Ġeħova, u għala x’aktarx li dan hu minnu?

4 Abram kif sar jaf dwar Alla Ġeħova? Aħna nafu li Ġeħova kellu qaddejja leali fuq l-​art f’dak iż-​żmien. Sem kien wieħed minnhom. Għalkemm ma kienx il-​kbir fost it-​tliet ulied taʼ Noè, spiss jissemma l-​ewwel. Probabbilment, dan għaliex Sem kien raġel taʼ fidi kbira. * F’xi żmien wara d-​Dilluvju, Noè rrefera għal Ġeħova bħala “Alla taʼ Sem.” (Ġen. 9:26) Sem wera rispett lejn Ġeħova u lejn il-​qima pura.

5 Tgħid Abram kien jafu lil Sem? Jistaʼ jkun. Ġib quddiem għajnejk lil Abram meta kien għadu tifel. Min jaf kemm baqaʼ mistagħġeb meta sar jaf li kellu antenat ħaj li għex għal iktar minn 400 sena! Sem kien ra b’għajnejh stess il-​ħażen tad-​dinja taʼ żmien Noè, id-​Dilluvju l-​kbir li naddaf l-​art, il-​bidu tal-​ewwel ġnus hekk kif il-​bnedmin kotru fuq l-​art, u ż-​żminijiet koroh tar-​ribelljoni taʼ Nimrod fit-​Torri taʼ Babel. Sem, li kien leali, ma kienx involut f’din ir-​ribelljoni. Għalhekk, meta Ġeħova ħawwad il-​lingwi taʼ dawk li kienu qed jibnu t-​torri, Sem u familtu komplew jitkellmu bil-​lingwa oriġinali tal-​bnedmin—il-​lingwa taʼ Noè. Din il-​familja inkludiet lil Abram. Mela m’hemmx dubju li hu u jikber, Abram żviluppa rispett kbir lejn Sem. Iktar minn hekk, Sem kien ħaj matul il-​biċċa l-​kbira mill-​ħajja twila t’Abram. Għalhekk, Abram għandu mnejn sar jaf dwar Ġeħova mingħand Sem.

Abram ċaħad l-idolatrija li tant kienet komuni f’Ur

6. (a) Abram kif wera li kien ħadha bis-​serjetà t-​tagħlima importanti tad-​Dilluvju? (b) Abram u Saraj x’tip taʼ ħajja għexu flimkien?

6 Kien x’kien il-​każ, Abram ħadha bis-​serjetà t-​tagħlima importanti tad-​Dilluvju. Hu stinka biex jimxi m’Alla bħalma għamel Noè. Huwa għalhekk li Abram irrifjuta l-​idolatrija u spikka bħala li kien differenti f’Ur, forsi anke fil-​familja immedjata tiegħu. Madankollu, hu sab mara mill-​aqwa f’ħajtu. Hu żżewweġ lil Saraj, mara li kienet eċċezzjonali mhux biss minħabba sbuħitha imma anki minħabba l-​fidi kbira tagħha f’Ġeħova. * Għalkemm ma kellhomx tfal, il-​koppja bla dubju kienu ferħanin ħafna jaqdu lil Ġeħova flimkien. Barra minn hekk, huma rabbew lil Lot, in-​neputi orfni t’Abram.

7. Is-​segwaċi taʼ Ġesù kif jeħtieġ li jimitaw lil Abram?

7 Abram qatt ma telaq lil Ġeħova biex idur għall-​idolatrija taʼ Ur. Hu u Saraj kienu lesti li jispikkaw bħala differenti fost dawk in-​nies idolatrużi. Jekk irridu niżviluppaw fidi ġenwina, jeħtieġ li nkunu lesti li nagħmlu l-​istess. Anke aħna rridu nkunu lesti li nkunu differenti. Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu ma kellhomx ikunu “parti mid-​dinja” u, minħabba f’hekk, id-​dinja kellha tobgħodhom. (Aqra Ġwanni 15:19.) Jekk qatt tħossok imnikket għax xi wħud mill-​familja tiegħek jew min-​nies taʼ madwarek jiċħduk minħabba d-​deċiżjoni tiegħek li taqdi lil Ġeħova, ftakar li m’intix waħdek. Int qed timita l-​eżempju mill-​aqwa li ħallew Abram u Saraj li wkoll qdew lil Alla b’lealtà.

“Oħroġ Minn Artek”

8, 9. (a) Abram liema esperjenza memorabbli kellu? (b) X’kien il-​messaġġ li Ġeħova wassal lil Abram?

8 Darba minnhom, Abram kellu esperjenza memorabbli. Alla Ġeħova wassallu messaġġ! Il-​Bibbja ma tagħtix ħafna dettalji dwar kif Abram irċieva l-​messaġġ, imma tgħid li “l-​Alla tal-​glorja” deher lil dan ir-​raġel leali. (Aqra Atti 7:2, 3.) Abram kellu lemħa tal-​glorja meraviljuża tas-​Sovran tal-​univers, forsi permezz taʼ xi anġlu. Nistgħu biss nobsru kemm feraħ Abram hekk kif ra l-​kuntrast bejn l-​Alla l-​ħaj u l-​idoli bla ħajja li kienu jiġu meqjumin fost dawk l-​uħud li għexu fi żmienu.

9 X’kien il-​messaġġ taʼ Ġeħova lil Abram? “Oħroġ minn artek u minn fost qrabatek u ejja fl-​art li nurik.” Ġeħova ma qallux liema art kellu f’moħħu—qallu biss li kien se jurihielu. Iżda, l-​ewwel, Abram kellu jħalli warajh lil art twelidu u lil qrabatu. Fil-​kulturi tal-​Lvant Nofsani tal-​qedem, il-​familja kienet tfisser ħafna. Li raġel iħalli lil qrabatu biex imur jgħix ’il bogħod spiss kien jitqies bħala xi ħaġa terribbli; għal xi wħud, saħansitra agħar mill-​mewt!

10. Għala setaʼ kien diffiċli għal Abram u Saraj biex iħallu d-​dar tagħhom f’Ur?

10 Kien diffiċli għal Abram li jħalli warajh il-​kumditajiet taʼ Ur. Milli jidher, Ur kienet belt sinjura u mimlija attività. (Ara l-​kaxxa  “Il-​Belt li Abram u Saraj Ħallew Warajhom.”) L-​iskavar juri li f’Ur tal-​qedem kienu jeżistu djar komdi ħafna; xi wħud minnhom kellhom iktar minn għaxart ikmamar għall-​familja u għall-​qaddejja, kollha mibnijin madwar bitħa interna ċangjata bil-​madum. Normalment, il-​faċilitajiet kienu jinkludu ilma ġieri, faċilitajiet sanitarji, u sistema tad-​dranaġġ. Ftakar ukoll li Abram u Saraj ma kinux għadhom żgħar; hu x’aktarx li kellu ’l fuq minn 70 sena, u hi ’l fuq minn 60 sena. Hu żgur li ried jieħu ħsieb Saraj u jagħmel ċert li tkun pjuttost komda—xi ħaġa li kwalunkwe raġel tajjeb jixtieq għal martu. Wieħed jistaʼ jobsor fuqiex kienu jitħaddtu bejniethom; forsi fuq moħħhom kellhom xi mistoqsijiet u xi tħassib rigward l-​inkarigu tagħhom. Min jaf Abram kemm kien kuntent meta Saraj laqgħet din l-​isfida! Bħalu, hi kienet lesta li tħalli warajha l-​kumditajiet kollha taʼ darha.

11, 12. (a) Liema tħejjijiet u deċiżjonijiet kien hemm bżonn li jsiru qabel it-​tluq minn Ur? (b) Kif nistgħu nimmaġinaw il-​jum tat-​tluq tagħhom?

11 Issa li kienu ħadu d-​deċiżjoni, Abram u Saraj kellhom ħafna xogħol x’jagħmlu. Quddiemhom kellhom ħafna affarijiet x’jippakkjaw u jorganizzaw. X’kienu se jieħdu magħhom fuq dan il-​vjaġġ misterjuż, u x’kellhom iħallu warajhom? Iżda n-​nies f’ħajjithom kienu iktar importanti minn hekk. X’kienu se jagħmlu b’Teraħ, li kien imdaħħal fiż-​żmien? Iddeċidew li jiħduh magħhom u jieħdu ħsiebu għall-​bqija taʼ ħajtu. Għandu mnejn li aċċetta mill-​qalb, għax ir-​rakkont jgħid li bħala patrijarka ħa lil familtu ’l barra minn Ur. Bla dubju, hu kien ċaħad l-​idolatrija. Lot, in-​neputi t’Abram kellu jakkumpanjahom ukoll.—Ġen. 11:31.

12 Finalment, kien wasal il-​jum biex jitilqu. Ġib quddiem għajnejk il-​karavana tinġabar barra mis-​swar u l-​foss tal-​belt t’Ur. L-​iġmla u l-​ħmir kienu mgħobbijin, l-​imrieħel kienu miġburin, u l-​familja u l-​qaddejja kienu lesti f’posthom—kien hemm sens taʼ stennija u eċċitament. * Kulħadd kellu għajnejh imsammrin fuq Abram, jistennieh jagħti s-​sinjal biex jitilqu. Fl-​aħħar, wasal il-​mument u lkoll irħewlha għal għonq it-​triq. Kienu ħallew lil Ur warajhom darba għal dejjem.

13. Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova llum kif juru attitudni simili għal dik li kellhom Abram u Saraj?

13 Illum, ħafna qaddejja taʼ Ġeħova jiddeċiedu li jmorru jgħixu fejn il-​bżonn għall-​predikaturi tas-​Saltna hu ikbar. Oħrajn jiddeċiedu li jitgħallmu lingwa ġdida biex jespandu l-​ministeru tagħhom. Inkella jiddeċiedu li jipprovaw metodi differenti taʼ ppritkar li qatt ma jkunu pprovaw qabel jew li ma jħossuhomx komdi jagħmluhom. Deċiżjonijiet bħal dawn ġeneralment ikunu jirrikjedu sagrifiċċju—li jkunu lesti li jiċċaħħdu minn ċerti kumditajiet materjali. Din l-​attitudni hi taʼ min ifaħħarha għax b’hekk ikunu qed jimitaw lil Abram u Saraj! Jekk nuru fidi bħal din, jistaʼ jkollna moħħna mistrieħ li Ġeħova dejjem se jagħtina bil-​wisq iktar milli nagħtuh aħna. Hu dejjem jippremja l-​fidi. (Ebr. 6:10; 11:6) Għamel hekk m’Abram?

Jaqsmu l-​Ewfrat

14, 15. Il-​vjaġġ minn Ur għal Ħaran kif kien, u Abram għala setaʼ ddeċieda li jieqaf Ħaran għal xi żmien?

14 Il-​karavana telqet fuq il-​vjaġġ bil-​mod. Nistgħu nimmaġinaw lil Abram u Saraj daqqa rekbin u daqqa mexjin. Huma u jitħaddtu, jinstemaʼ ċ-​ċenċil tal-​qniepen imdendlin m’għonq l-​annimali. Naqra naqra, anki dawk bi ftit li xejn esperjenza fl-​ivvjaġġar saru iktar tas-​sengħa biex jarmaw u jżarmaw it-​tined u jgħinu lix-​xwejjaħ Teraħ isib pożizzjoni komda fuq xi ġemel jew ħmar. Ġibduha lejn il-​Majjistral u għaddew minn max-​Xmara Ewfrat. U baqgħu sejrin bil-​vjaġġ tagħhom għal ġimgħat sħaħ.

15 Finalment, wara li kienu koprew xi 960 kilometru, sabu ruħhom Ħaran, fejn kien hemm għerejjex b’forma taʼ doqqajs tan-​naħal. Din kienet belt sinjura fejn kienu jiltaqgħu r-​rotot tan-​negozju bejn il-​Lvant u l-​Punent. Kien hawnhekk li bħala familja għexu għal xi żmien. Forsi Teraħ kien magħdur wisq biex jivvjaġġa iktar ’il bogħod minn hekk.

16, 17. (a) Abram kien ferħan se jtir b’liema patt? (b) Ġeħova kif bierku lil Abram sakemm dam Ħaran?

16 Maż-​żmien, Teraħ miet fl-​età taʼ 205 snin. (Ġen. 11:32) Matul dak iż-​żmien diffiċli għal Abram, Ġeħova reġaʼ wassallu messaġġ, u dan kien taʼ faraġ kbir għalih. Hu rripetielu l-​istruzzjonijiet li kien tah lura f’Ur u pprovdielu iktar dettalji dwar il-​wegħdi tiegħu. Abram kellu jsir “ġens kbir,” u kellhom jitbierku l-​familji kollha tal-​art permezz tiegħu. (Aqra Ġenesi 12:2, 3.) Ferħan se jtir dwar dan il-​patt bejnu u bejn Alla, Abram kien jaf li kien wasal iż-​żmien li jkompli bil-​vjaġġ tiegħu.

17 Iżda din id-​darba kellhom saħansitra iktar affarijiet x’jippakkjaw, għax Ġeħova kien bierku lil Abram sakemm dam Ħaran. Ir-​rakkont isemmi “l-​ġid kollu li kienu ġemgħu u l-​qaddejja li kienu kisbu f’Ħaran.” (Ġen. 12:5) Sabiex isir ġens, Abram kellu bżonn ir-​riżorsi materjali u bosta nies, fosthom qaddejja. Ġeħova mhux dejjem jagħmel lill-​qaddejja tiegħu għonja, imma jagħtihom kulma jkollhom bżonn sabiex iwettqu r-​rieda tiegħu. Abram, li issa kien ġie msaħħaħ minn Ġeħova, kompla jivvjaġġa lejn post li ma kienx midħla tiegħu.

Peress li ħallew warajhom ħajja komda f’Ur, Abram u Saraj iffaċċjaw xi sfidi

18. (a) Abram meta wasal f’mument kruċjali fl-​istorja dwar kif Alla ttratta lill-​poplu Tiegħu? (b) Liema ġrajjiet importanti oħra seħħew fl-​14 taʼ Nisan bosta snin wara? (Ara l-​kaxxa “ Data Vitali fl-​Istorja tal-​Bibbja.”)

18 Wara diversi ġranet li kienu telqu minn Ħaran, sabu ruħhom Karkemis. Kien hawnhekk li l-​vjaġġaturi normalment kienu jaqsmu l-​Ewfrat. Forsi kien hawnhekk ukoll li Abram wasal f’mument kruċjali fl-​istorja dwar kif Alla ttratta lill-​poplu Tiegħu. Milli jidher kien fl-​1943 Q.E.K., preċiżament fl-​14-​il jum tax-​xahar li iktar tard ġie msejjaħ Nisan, li Abram qasam ix-​xmara bil-​karavana tiegħu. (Eżo. 12:40-​43) Lejn in-​Nofsinhar kienet tinsab l-​art li Ġeħova kien wiegħed lil Abram li se jurih. Dakinhar beda jgħodd il-​patt li Alla għamel m’Abram.

19. Il-​wegħda taʼ Ġeħova lil Abram x’semmiet, u dan fiex setaʼ fakkru lil Abram?

19 Abram resaq iktar lejn in-​Nofsinhar, u l-​karavana waqfet biswit is-​siġar kbar taʼ More, viċin Sikem. Kien hawnhekk li għal darb’oħra Ġeħova kellem lil Abram. Din id-​darba, il-​wegħda t’Alla semmiet lin-​nisel t’Abram, li kellu jieħu l-​art f’idejh. Tgħid Abram ġietu f’moħħu l-​profezija li Ġeħova kien lissen fl-​Għeden, dik li fiha ssemma ‘nisel’ li xi darba kellu jsalva lill-​umanità? (Ġen. 3:15; 12:7) Jistaʼ jkun. Setaʼ beda jifhem bil-​mod il-​mod li hu kien jagħmel parti minn skop grandjuż li Ġeħova kien beħsiebu jwettaq.

20. Abram kif wera apprezzament għall-​privileġġ li tah Ġeħova?

20 Abram apprezzah ferm il-​privileġġ li tah Ġeħova. Hu u jivvjaġġa—bla dubju bl-​ikbar attenzjoni, peress li l-​art kienet għadha abitata mill-​Kangħanin—Abram waqaf u bena artali lil Ġeħova, l-​ewwel ħdejn is-​siġar kbar taʼ More, imbagħad ħdejn Betel. Hu sejjaħ isem Ġeħova, x’aktarx biex jesprimi radd il-​ħajr mill-​qalb lill-​Alla tiegħu hekk kif immedita dwar il-​futur taʼ nislu. Jistaʼ jkun ukoll li hu pprietka lill-​Kangħanin. (Aqra Ġenesi 12:7, 8.) M’għandniex xi ngħidu, matul ħajtu, Abram kellu jiffaċċja sfidi kbar għall-​fidi tiegħu. B’għaqal, Abram ma ffokax fuq l-​affarijiet li ħalla warajh lura f’Ur. Kien jiffoka fuq il-​wegħda li għamillu Ġeħova. Ebrej 11:10 jgħid hekk dwar Abram: “Kien qed jistenna l-​belt li għandha sisien taʼ veru, li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla.”

21. L-​għarfien tagħna dwar is-​Saltna t’Alla kif jitqabbel maʼ dak t’Abram, u xi tħossok motivat li tagħmel?

21 Aħna li naqdu lil Ġeħova llum nafu ħafna iktar dwar dik il-​belt figurattiva—is-​Saltna t’Alla—milli kien jaf Abram. Aħna nafu li s-​Saltna qed taħkem fis-​sema u dalwaqt se ġġib tmiem għal din is-​sistema dinjija, u nafu wkoll li n-​Nisel imwiegħed t’Abram, Ġesù Kristu, issa qed jaħkem f’din is-​Saltna. Xi privileġġ se jkollna li naraw lil Abraham jerġaʼ jgħix u fl-​aħħar ikollu fehma ċara tat-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova! Tixtieq int tara lil Ġeħova jwettaq kull wegħda li għamel? Mela huwa importanti li tkompli tagħmel dak li għamel Abram. Uri spirtu taʼ sagrifiċċju persunali, ubbidjenza, u apprezzament mill-​qalb għall-​privileġġi li jagħtik Ġeħova. Hekk kif timita l-​fidi t’Abram, “il-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi,” f’ċertu sens, hu jsir missierek ukoll!

^ par. 1 Xi snin wara, Alla biddel isem Abram għal Abraham, li jfisser “Missier Kotra.”—Ġen. 17:5.

^ par. 4 B’mod simili, Abram spiss jissemma l-​ewwel fost ulied Teraħ, avolja żgur li ma kienx il-​kbir.

^ par. 6 Iktar tard, Alla biddel isem Saraj għal Sara, li jfisser “Prinċipessa.”—Ġen. 17:15.

^ par. 12 Xi studjużi jqajmu d-​dubji dwar jekk l-​iġmla kinux mansi fi żmien Abram. Madankollu, ma jistgħu jagħtu ebda prova taʼ dan. Il-​Bibbja ssemmi l-​iġmla bosta drabi fost l-​affarijiet li kellu Abram.—Ġen. 12:16; 24:35.