X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?
X’Se Jgħinek Tieqaf Tpejjep?
“L-iżjed ħaġa importanti għal dawk li rnexxielhom jaqtgħu s-sigaretti hi li vera kienu lesti li jaqtgħuhom.”—Il-ktieb “Stop Smoking Now!”
FI KLIEM ieħor, jekk veru trid tieqaf tpejjep, irid ikollok raġuni tajba. Ejja naraw x’raġunijiet tajbin jistaʼ jkollok.
Se tiffranka l-flus. Pakkett sigaretti kuljum jiswielek eluf taʼ ewro kull sena. “Qatt ma rrealizzajt kemm kont nonfoq flus fit-tabakk.”—Gyanu, in-Nepal.
Il-ħajja tiegħek se tkun ħafna aħjar. “Meta waqaft inpejjep, ħajti bdiet tmur għall-aħjar.” (Regina, l-Afrika t’Isfel) Meta n-nies jieqfu jpejpu, jibdew ixommu u jtiegħmu ħafna aħjar. Normalment ikollhom iktar enerġija u jidhru li jkollhom saħħa aħjar.
Saħħtek se tmur għall-aħjar. “Irġiel u nisa taʼ kull età li jieqfu jpejpu jaraw benefiċċji kbar u mill-ewwel.”—Iċ-Ċentri fl-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard.
Se tħossok li għandek iktar kontroll taʼ ħajtek. “Waqaft inpejjep għax ma ridtx nibqaʼ niġi kkontrollat mit-tabakk. Ridt li jkolli kontroll u ma nċedix għax-xewqat tiegħi.”—Henning, id-Danimarka.
Se jkun aħjar għall-familja u l-ħbieb. “It-tipjip . . . jagħmel ħsara lil dawk taʼ madwarek. . . . Studji juru li eluf taʼ nies imutu kull sena mill-kanċer tal-pulmun u problemi tal-qalb għax jibilgħu d-duħħan tan-nies li jpejpu ħdejhom.”—Soċjetà Amerikana tal-Kanċer.
Se togħġob lill-Ħallieq tiegħek. ’Maħbubin, ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam.’ (2 Korintin 7:1) ‘Ippreżentaw ġisimkom qaddis, aċċettabbli għal Alla.’—Rumani 12:1.
“Malli fhimt li Alla jdejquh affarijiet li jħammġu lil ġismi, iddeċidejt li nieqaf inpejjep.”—Sylvia, Spanja.
Li jkollok raġuni tajba għala tkun tixtieq tieqaf tpejjep mhuwiex biżżejjed. Ikollna bżonn ukoll l-għajnuna t’oħrajn, bħall-familja u l-ħbieb. Kif jistgħu jgħinuna?