Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-​Slaten Rivali Joqorbu Lejn Tmiemhom

Is-​Slaten Rivali Joqorbu Lejn Tmiemhom

Kapitlu Sittax

Is-​Slaten Rivali Joqorbu Lejn Tmiemhom

1, 2. L-​identità tas-​sultan tat-​tramuntana kif inbidlet wara t-​tieni gwerra dinjija?

 WAQT li rrifletta fuq il-​klima politika taʼ l-​Istati Uniti u r-​Russja, il-​filosfu u storjografu Franċiż Alexis de Tocqueville kiteb fl-​1835: “Wieħed għandu l-​libertà bħala l-​mezz prinċipali t’azzjoni; l-​ieħor għandu s-​servitù. Il-​passaġġi tagħhom [huma] differenti; minkejja dan, kull wieħed minnhom donnu li hu msejjaħ permezz taʼ xi disinn sigriet tal-​Providenza biex jum wieħed iżomm taħt idejh id-​destini taʼ nofs id-​dinja.” Kemm kien eżatt dan it-​tbassir bħala konsegwenza tat-​Tieni Gwerra Dinjija? L-​istorjografu J. M. Roberts jikteb: “Fi tmiem it-​tieni Gwerra Dinjija d-​destini tad-​dinja tabilħaqq dehru li sa fl-​aħħar x’aktarx kienu se jiġu dominati minn żewġ sistemi taʼ qawwa, kbar u differenti ferm, waħda bbażata f’dik li qabel kienet ir-​Russja, l-​oħra fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka.”

2 Matul iż-​żewġ gwerer dinjin, il-​Ġermanja kienet l-​għadu ewlieni tas-​sultan tan-​nofsinhar​—il-​Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana—​u kienet okkupat il-​pożizzjoni tas-​sultan tat-​tramuntana. Madankollu, wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, dak in-​nazzjon safaʼ maqsum. Il-​Ġermanja tal-​Punent saret alleata tas-​sultan tan-​nofsinhar, u l-​Ġermanja tal-​Lvant issieħbet maʼ entità potenti oħra​—il-​blokk taʼ ġnus Komunisti mmexxijin mill-​Unjoni Sovjetika. Dan il-​blokk, jew entità politika, waqaf bħala s-​sultan tat-​tramuntana, f’oppożizzjoni qawwija kontra l-​alleanza Anglo-Amerikana. U r-​rivalità taʼ bejn iż-​żewġ slaten saret Gwerra Bierda li damet mill-​1948 sa l-​1989. Qabel dan, is-​sultan Ġermaniż tat-​tramuntana kien aġixxa “kontra l-​patt imqaddes.” (Danjel 11:​28, 30) Il-​blokk Komunist kif kien se jaġixxi rigward il-​patt?

IL-​VERI KRISTJANI JITFIXKLU IMMA JŻOMMU SĦIĦ

3, 4. Min huma dawk “li . . . kisru l-​patt,” u liema relazzjoni kellhom mas-​sultan tat-​tramuntana?

3 “Hu [is-sultan tat-​tramuntana],” qal l-​anġlu t’Alla, “[i]ġib ruħu b’ħafna tmellis qarrieq maʼ dawk li jkunu kisru l-​patt.” L-​anġlu żied: “Imma mill-​poplu dawk li jkunu jagħrfu lil Alla tagħhom iżommu sħiħ u jibqgħu sejrin b’ħidmiethom. L-​għorrief tal-​poplu jgħallmu ħafna nies, imma s-​sejf u n-​nar u l-​jasar u s-​serq ikunu tfixkil għalihom għal xi żmien.”​—Danjel 11:​32, 33.

4 Dawk “li . . . kisru l-​patt” jistgħu jkunu biss il-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu, li jsostnu li huma Kristjani imma bl-​aġir tagħhom jipprofanaw lill-​istess isem tal-​Kristjanità. Fil-​ktieb tiegħu Religion in the Soviet Union, Walter Kolarz jgħid: “[Matul it-​tieni gwerra dinjija] il-​Gvern Sovjetiku għamel sforz biex jirbaħ l-​għajnuna materjali u morali tal-​Knejjes għad-​difiża t’art twelidu.” Wara l-​gwerra, il-​mexxejja tal-​knejjes ipprovaw iżommu dik il-​ħbiberija, minkejja l-​politika ateistika tal-​qawwa li issa kienet is-​sultan tat-​tramuntana. B’hekk, il-​Kristjaneżmu sar parti minn din id-​dinja iktar minn qatt qabel​—apostasija moqżieża f’għajnejn Jehovah.​—Ġwann 17:16; Ġakbu 4:4.

5, 6. Min kienu “dawk li jkunu jagħrfu lil Alla tagħhom,” u kif kampaw taħt is-​sultan tat-​tramuntana?

5 Xi ngħidu dwar il-​Kristjani ġenwini​—“dawk li jkunu jagħrfu lil Alla tagħhom” u huma “għorrief”? Għalkemm kienu b’mod xieraq ‘jobdu lill-​awtorità taʼ fuqhom,’ il-​Kristjani li kienu jgħixu taħt il-​ħakma tas-​sultan tat-​tramuntana ma kinux parti minn din id-​dinja. (Rumani 13:1; Ġwann 18:36) Billi qagħdu attenti li jagħtu lura lil “Ċesari dak li hu taʼ Ċesari,” huma taw ukoll “lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mattew 22:21) Minħabba f’dan, l-​integrità tagħhom ġiet sfidata.​—2 Timotju 3:12.

6 Bħala riżultat, il-​veri Kristjani kemm ‘tfixklu’ kif ukoll ‘żammew sħiħ.’ Tfixklu fis-​sens li sofrew persekuzzjoni intensa, u xi wħud minnhom saħansitra nqatlu. Imma żammew sħiħ fis-​sens li l-​maġġuranza vasta baqgħu leali. Huma rebħulha d-​dinja, sewwa sew bħalma kien għamel Ġesù. (Ġwann 16:33) Iktar minn hekk, qatt ma waqfu milli jippridkaw, saħansitra jekk sabu ruħhom fil-​ħabs jew f’kampijiet tal-​konċentrament. B’hekk, huma ‘għallmu lil ħafna nies.’ Minkejja l-​persekuzzjoni fil-​biċċa l-​kbira tal-​pajjiżi maħkumin mis-​sultan tat-​tramuntana, l-​għadd tax-​Xhieda taʼ Jehovah żdied. Grazzi għall-​fedeltà taʼ l-​“għorrief,” parti mill-​“kotra kbira” li dejjem tiżdied dehret f’dawk il-​pajjiżi.​—Apokalissi 7:​9-14.

IN-​NIES TAʼ JEHOVAH JISSAFFEW

7. Il-​Kristjani midlukin li kienu jgħixu taħt is-​sultan tat-​tramuntana liema “ftit taʼ l-​għajnuna” rċivew?

7 “Waqt dan it-​tfixkil [in-nies t’Alla] isibu xi ftit taʼ l-​għajnuna,” qal l-​anġlu. (Danjel 11:34a) It-​trijonf tas-​sultan tan-​nofsinhar fit-​tieni gwerra dinjija kien irriżulta fi ftit serħan għall-​Kristjani li kienu jgħixu taħt is-​sultan rival. (Qabbel Apokalissi 12:​15, 16.) Bl-​istess mod, dawk li kienu persegwitati mis-​sultan suċċessur esperjenzaw xi ftit tas-​serħan minn żmien għal żmien. Hekk kif il-​Gwerra Bierda kienet riesqa lejn it-​tmiem, ħafna mexxejja bdew jirrealizzaw li l-​Kristjani leali m’humiex taʼ theddida, u b’hekk tawhom rikonoxximent legali. L-​għajnuna ġiet, ukoll, mingħand l-​għadd li dejjem jiżdied tal-​kotra kbira, li wieġbu għall-​ippridkar leali tal-​midlukin u għenuhom.​—Mattew 25:​34-40.

8. Xi wħud kif “taparsi” ngħaqdu mal-​poplu t’Alla?

8 Mhux kulmin qal li kellu interess f’li jaqdi ’l Alla matul il-​Gwerra Bierda kellu motivi tajbin. L-​anġlu kien wissa: “Ħafna wċuħ b’oħra . . . taparsi jingħaqdu magħhom.” (Danjel 11:34b) Għadd konsiderevoli wrew interess fil-​verità imma ma kinux lesti li jiddedikaw ruħhom lil Alla. Jerġaʼ oħrajn li dehru li aċċettaw l-​aħbar tajba kienu fil-​fatt spiji għall-​awtoritajiet. Rapport minn pajjiż wieħed jgħid: “Xi wħud minn dawn il-​karattri bla skruplu kienu Komunisti akkaniti li kienu daħlu baxx baxx fl-​organizzazzjoni tal-​Mulej, għamlu turija kbira taʼ żelu, u kienu saħansitra nħatru għal pożizzjonijiet għoljin taʼ servizz.”

9. Jehovah għala ppermetta li xi Kristjani leali ‘jitfixklu’ minħabba dawk li infiltraw?

9 Kompla l-​anġlu: “Fost l-​għorrief ikun hemm min jitfixkel, imma xi wħud minnhom jissaffew, jintgħażlu mill-​bqija u jindafu sa l-​aħħar taż-​żmien, għax ikun għadu m’huwiex il-​waqt.” (Danjel 11:35) Dawk li infiltraw ikkaġunaw li xi wħud leali jaqgħu taħt idejn l-​awtoritajiet. Jehovah ppermetta li jiġru dawn l-​affarijiet biex in-​nies tiegħu jissaffew u jindafu. Sewwa sew bħalma Ġesù “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-​ubbidjenza,” hekk dawn l-​uħud leali tgħallmu s-​sabar mit-​testjar tal-​fidi tagħhom. (Lhud 5:8; Ġakbu 1:​2, 3; qabbel Malakija 3:3.) B’hekk, huma “jissaffew, jintgħażlu mill-​bqija u jindafu.”

10. Xi tfisser l-​espressjoni “sa l-​aħħar taż-​żmien”?

10 In-​nies taʼ Jehovah kellhom jesperjenzaw tfixkil u rfinar “sa l-​aħħar taż-​żmien.” M’għandniex xi ngħidu, huma jistennew li jiġu persegwitati sat-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Madankollu, l-​għażla mill-​bqija u t-​tindif tal-​poplu t’Alla bħala riżultat taʼ l-​indħil mis-​sultan tat-​tramuntana kellhom iseħħu fil-​“waqt.” Għaldaqstant, f’​Danjel 11:​35, “l-​aħħar taż-​żmien” bilfors li huwa relatat mat-​tmiem tal-​perijodu taʼ żmien meħtieġ biex in-​nies t’Alla jissaffew waqt li jissaportu taħt l-​attakk tas-​sultan tat-​tramuntana. It-​tfixkil b’mod evidenti spiċċa fil-​waqt magħżul minn Jehovah.

IS-​SULTAN JITKABBAR

11. X’qal l-​anġlu dwar l-​attitudni tas-​sultan tat-​tramuntana lejn is-​sovranità taʼ Jehovah?

11 Rigward is-​sultan tat-​tramuntana, l-​anġlu żied: “Is-​sultan jagħmel li jfettillu, jintrefaʼ u jitkabbar fuq kull alla, [u billi jirrifjuta li jirrikonoxxi s-​sovranità taʼ Jehovah] jgħid ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb kontra Alla taʼ l-​allat, u jibqaʼ sejjer hekk sa ma tintemm il-​korla, għax dak li hu maqtugħ jeħtieġ li jsir. Lanqas taʼ l-​allat taʼ missirijietu ma jagħti kas, jew taʼ l-​alla għażiż tan-​nisa; minn ebda alla ma jħabbel rasu, għax hu jitkabbar fuqhom ilkoll.”​—Danjel 11:​36, 37.

12, 13. (a) Is-​sultan tat-​tramuntana b’liema mod ċaħad “l-​allat taʼ missirijietu”? (b) Min kienu n-​“nisa” li s-​sultan tat-​tramuntana ma tax kas taʼ l-​“alla” tagħhom? (ċ) Is-​sultan tat-​tramuntana lil liema “alla” gglorifika?

12 Bi twettiq taʼ dan il-​kliem profetiku, is-​sultan tat-​tramuntana ċaħad “l-​allat taʼ missirijietu,” bħal per eżempju d-​divinità Trinitarjana tal-​Kristjaneżmu. Il-​blokk Komunist ħareġ kompletament favur l-​ateiżmu. B’hekk, is-​sultan tat-​tramuntana għamel lilu nnifsu alla, billi ‘tkabbar fuqhom ilkoll.’ Ladarba ma tax kas taʼ “l-​alla għażiż tan-​nisa”​—pajjiżi subordinati, bħal per eżempju l-​Vjetnam taʼ Fuq, li qdew mill-​koxxa lir-​reġim tiegħu—​is-sultan ‘għamel li fettillu.’

13 Billi kompla bil-​profezija, l-​anġlu qal: “Minflokhom jibda jagħti ġieħ lill-​alla tal-​fortizzi; huwa jqim lil dak l-​alla li missirijietu ma kinux jafu bih, u joffrilu deheb u fidda, ħaġar prezzjuż u ħwejjeġ oħra taʼ siwi kbir.” (Danjel 11:38) Fil-​fatt, is-​sultan tat-​tramuntana poġġa l-​fiduċja tiegħu fil-​militariżmu xjentifiku modern, l-​“alla tal-​fortizzi.” Hu fittex is-​salvazzjoni permezz taʼ dan l-​“alla,” billi ssagrifika għana enormi fuq l-​artal tiegħu.

14. Is-​sultan tat-​tramuntana kif aġixxa b’mod effettiv?

14 “Għall-​ħarsien tal-​fortizzi jagħżel poplu taʼ alla barrani, jimla bil-​ġieħ lil dawk li jqimu lil dan alla, jagħtihom is-​setgħa fuq ħafna u jqassmilhom l-​art bħala ħlas.” (Danjel 11:39) Billi fada fl-​“alla barrani” u militaristiku tiegħu, is-​sultan tat-​tramuntana aġixxa bl-​iktar mod effettiv, billi wera li kien qawwa militari u formidabbli fl-​“aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1) Dawk li appoġġaw l-​ideoloġija tiegħu ġew premjati b’appoġġ politiku, finanzjarju, u kultant militari.

‘ĦBIT’ FIŻ-​ŻMIEN TAʼ L-​AĦĦAR

15. Is-​sultan tan-​nofsinhar kif ħa sehem mas-​sultan tat-​tramuntana fi ‘ħbit’?

15 “Fiż-​żmien taʼ l-​aħħar is-​sultan tan-​nofsinhar jaħbat għalih,” l-​anġlu qal lil Danjel. (Danjel 11:40a) ‘Ħabat’ is-​sultan tan-​nofsinhar għas-​sultan tat-​tramuntana matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar”? (Danjel 12:​4, 9) Iva, tabilħaqq. Wara l-​ewwel gwerra dinjija, it-​trattat taʼ paċi imponut bħala kastig fuq is-​sultan tat-​tramuntana taʼ dak iż-​żmien​—il-​Ġermanja—​żgur li kien ‘ħbit,’ provokazzjoni biex jirritalja. Wara r-​rebħa tiegħu fit-​tieni gwerra dinjija, is-​sultan tan-​nofsinhar immira armi nukleari tal-​biżaʼ għal fuq ir-​rival tiegħu u organizza kontrih alleanza militari u potenti, l-​Organizzazzjoni tat-​Trattat Nord Atlantiku (NATO). Dwar il-​funzjoni tan-​NATO, storjografu Britanniku jgħid: “Din kienet l-​istrument ewlieni għat-​‘trażżin’ taʼ l-​Unjoni Sovjetika, li issa kienet meqjusa bħala t-​theddida prinċipali għall-​paċi Ewropea. Il-​missjoni tagħha damet sejra 40 sena, u twettqet b’suċċess indiskutibbli.” Hekk kif bdew għaddejjin is-​snin tal-​Gwerra Bierda, il-​‘ħbit’ mis-​sultan tan-​nofsinhar inkluda spjunaġġ b’teknoloġija avanzata kif ukoll offensivi diplomatiċi u militari.

16. Is-​sultan tat-​tramuntana kif irreaġixxa għall-​ħbit mis-​sultan tan-​nofsinhar?

16 Kif irreaġixxa s-​sultan tat-​tramuntana? “[I]s-sultan tat-​tramuntana joħroġ b’saħna għal fuqu bil-​karrijiet u r-​rikkieba tiegħu u b’kotra taʼ iġfna, u jidħol f’artijiet bħal mewġa li ġġorr kollox hija u għaddejja.” (Danjel 11:40b) L-​istorja taʼ l-​aħħar jiem kienet karatterizzata mill-​espansjoniżmu tas-​sultan tat-​tramuntana. Matul it-​tieni gwerra dinjija, is-​“sultan” Nazista għadda bħal mewġa li ġġorr kollox minn fuq il-​fruntieri tiegħu għal ġol-​pajjiżi taʼ madwaru. Fi tmiem dik il-​gwerra, is-​“sultan” suċċessur bena imperu potenti. Matul il-​Gwerra Bierda, is-​sultan tat-​tramuntana ġġieled kontra r-​rival tiegħu fi gwerer għan-​nom taʼ pajjiżi rivali oħrajn u f’irvelli fl-​Afrika, fl-​Asja, u fl-​Amerka Latina. Hu ppersegwita lill-​Kristjani ġenwini, billi fixkel​—imma bl-​ebda mod ma waqqaf—​l-attività tagħhom. U l-​offensivi militari u politiċi tiegħu ġabu għadd taʼ pajjiżi taħt il-​kontroll tiegħu. Dan hu eżatt dak li kien ipprofetizza l-​anġlu: “Jidħol f’art il-​ġmiel [il-qasam spiritwali tal-​poplu taʼ Jehovah], u n-​nies jaqgħu bl-​eluf taʼ eluf.”​—Danjel 11:41a.

17. Liema limiti kien hemm għall-​espansjoniżmu tas-​sultan tat-​tramuntana?

17 Minkejja dan, is-​sultan tat-​tramuntana ma kkonkwistax id-​dinja. L-​anġlu bassar: “Minn taħt idejh jeħilsu dawn: Edom, Mowab, u l-​aħjar parti taʼ wlied Għammon.” (Danjel 11:41b) Fl-​antik, Edom, Mowab, u Għammon kienu jinsabu bejn id-​dominji tas-​sultan Eġizzjan tan-​nofsinhar u s-​sultan Sirjan tat-​tramuntana. Fi żmienna dawn jirrappreżentaw ġnus u organizzazzjonijiet li s-​sultan tat-​tramuntana poġġa taħt il-​mira tiegħu imma ma kellux il-​ħila jġibhom taħt l-​influwenza tiegħu.

L-​EĠITTU MA JEĦLISHIEX

18, 19. Is-​sultan tan-​nofsinhar b’liema modi ħass l-​influwenza tar-​rival tiegħu?

18 Kompla l-​anġlu taʼ Jehovah: “[Is-sultan tat-​tramuntana] imidd idu fuq l-​artijiet, u anqas l-​art taʼ l-​Eġittu ma teħlisha. Iġib taħt setgħetu t-​teżori tad-​deheb u tal-​fidda u kull ħaġa prezzjuża taʼ l-​Eġittu; lill-​popli tal-​Libja u taʼ l-​Etjopja jkarkarhom warajh.” (Danjel 11:​42, 43) Saħansitra s-​sultan tan-​nofsinhar, “l-​Eġittu,” ma ħelisx mill-​effetti tal-​politika espansjonista tas-​sultan tat-​tramuntana. Per eżempju, is-​sultan tan-​nofsinhar sofra telfa notevoli fil-​Vjetnam. U xi ngħidu għall-​“popli tal-​Libja u taʼ l-​Etjopja”? Dawn il-​ġirien taʼ l-​Eġittu tal-​qedem jistgħu jiffiguraw ġnus li, ġeografikament, huma ġirien taʼ l-​“Eġittu” (is-sultan tan-​nofsinhar) taʼ żmienna. Minn żmien għal żmien, dawn kienu segwaċi tas-​sultan tat-​tramuntana, jew ġew ‘imkarkrin’ minnu.

19 Ħakem is-​sultan tat-​tramuntana fuq ‘it-​teżori moħbijin taʼ l-​Eġittu’? Hu tabilħaqq li kellu influwenza potenti fuq il-​mod kif is-​sultan tan-​nofsinhar uża r-​riżorsi finanzjarji tiegħu. Minħabba l-​biżaʼ li kellu mir-​rival tiegħu, is-​sultan tan-​nofsinhar iddedika somom enormi biex iżomm armata, flotta, u forza taʼ l-​ajru formidabbli. Kien b’dan il-​mod li s-​sultan tat-​tramuntana ‘ġab taħt setgħetu,’ jew ikkontrolla, id-​dispożizzjoni taʼ l-​għana tas-​sultan tan-​nofsinhar.

IL-​KAMPANJA FINALI

20. L-​anġlu kif jiddeskriviha l-​kampanja finali tas-​sultan tat-​tramuntana?

20 Ir-​rivalità taʼ bejn is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar​—kemm jekk militarment, ekonomikament, jew b’xi mod ieħor—​riesqa lejn tmiemha. Billi rrivela d-​dettalji taʼ konflitt li għad irid jiġi, l-​anġlu taʼ Jehovah qal: “[I]x-xnigħat li jaslulu mil-​lvant u t-​tramuntana jaħsduh [lis-sultan tat-​tramuntana], u b’saħna taʼ korla jitlaq ħalli jeqred qerda lil ħafna. Itellaʼ t-​tined irjali tiegħu fil-​wita bejn il-​baħar u l-​muntanja glorjuża u qaddisa, imma jasal fi tmiemu u ma jsib għajnuna taʼ ħadd.”​—Danjel 11:​44, 45.

21. X’baqaʼ xi nsiru nafu dwar is-​sultan tat-​tramuntana?

21 Meta l-​Unjoni Sovjetika sfaxxat f’Diċembru 1991, is-​sultan tat-​tramuntana sofra telfa serja li tefgħetu lura. Min se jkun dan is-​sultan meta titwettaq l-​iskrittura taʼ Danjel 11:​44, 45? Se jkun identifikat bħala xi wieħed mill-​pajjiżi li kienu parti minn dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika? Jew se jibdel għalkollox l-​identità tiegħu, bħalma għamel kemm-il darba qabel? Se jirriżulta l-​iżvilupp taʼ armi nukleari minn ġnus oħrajn f’tellieqa ġdida taʼ l-​armamenti u jkollu effett fuq l-​identità taʼ dak is-​sultan? Iż-​żmien biss jistaʼ jipprovdi t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet. Inkunu għaqlin jekk ma nispekulawx. Meta s-​sultan tat-​tramuntana jimbarka fuq il-​kampanja finali tiegħu, it-​twettiq tal-​profezija se jkun jidher ċar għal dawk kollha li għandhom dehen ibbażat fuq il-​Bibbja.​—Ara “Slaten f’Danjel Kapitlu 11,” f’paġna 284.

22. Liema mistoqsijiet iqumu dwar l-​attakk finali mis-​sultan tat-​tramuntana?

22 Madankollu, l-​azzjoni li s-​sultan tat-​tramuntana dalwaqt se jieħu nafuha. Imqanqal mix-​xnigħat “li jaslulu mil-​lvant u t-​tramuntana,” se jikkonduċi kampanja “ħalli jeqred . . . lil ħafna.” Kontra min hija diretta din il-​kampanja? U liema “xnigħat” jipprovokaw dan l-​attakk?

ALLARMAT MINN XNIGĦAT LI JAĦSDUH

23. (a) Liema ġrajja li tispikka trid isseħħ qabel Ħarmagedon? (b) Min huma s-​“slaten tal-​lvant”?

23 Ikkunsidra dak li l-​ktieb t’Apokalissi għandu x’jgħid dwar it-​tmiem taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Qabel il-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox,” Ħarmagedon, dan l-​għadu l-​kbir tal-​qima vera ‘fin-​nar għad jinħaraq.’ (Apokalissi 16:​14, 16; 18:​2-8) Il-​qerda tiegħu hija ffigurata mit-​tferrigħ tas-​sitt bieqja tal-​korla t’Alla fuq ix-​xmara simbolika Ewfrat. Ix-​xmara tinxef sabiex ‘tinfetaħ it-​triq għas-​slaten tal-​lvant.’ (Apokalissi 16:12) Min huma dawn is-​slaten? Ħadd ħlief Alla Jehovah u Ġesù Kristu!​—Qabbel Isaija 41:2; 46:​10, 11.

24. Liema att minn Jehovah jistaʼ jiddisturbah lis-​sultan tat-​tramuntana?

24 Il-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira hija deskritta b’mod grafiku fil-​ktieb t’Apokalissi, li jgħid: “L-​għaxart iqrun [is-slaten li jkunu qegħdin jaħkmu fiż-​żmien tat-​tmiem] u l-​Bhima [il-Ġnus Magħquda] li rajt, dawn ikollhom mibegħda għall-​Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-​nar.” (Apokalissi 17:16) Il-​ħakkiema għala se jeqirduha lil Babilonja l-​Kbira? Għaliex ‘Alla jwebbilhom biex jagħmlu l-​fehma tiegħu.’ (Apokalissi 17:17) Inkluż fost dawn il-​ħakkiema hemm is-​sultan tat-​tramuntana. Dak li jismaʼ mil-​“lvant” jistaʼ jirreferi għal dan l-​att taʼ Jehovah, meta jdaħħal fi qlub il-​mexxejja umani l-​fehma li jġibu fix-​xejn lill-​mara żienja kbira u reliġjuża.

25. (a) Is-​sultan tat-​tramuntana liema mira speċjali għandu? (b) Is-​sultan tat-​tramuntana fejn “itellaʼ t-​tined irjali tiegħu”?

25 Imma l-​korla tas-​sultan tat-​tramuntana għandha mira speċjali. Hu se ‘jtellaʼ t-​tined irjali tiegħu fil-​wita bejn il-​baħar u l-​muntanja glorjuża u qaddisa,’ jgħid l-​anġlu. Fi żmien Danjel, il-​baħar il-​kbir kien il-​Mediterran u l-​muntanja qaddisa kienet Sijon, li darba kienet is-​sit tat-​tempju t’Alla. Għaldaqstant, fit-​twettiq tal-​profezija, is-​sultan inkorlat tat-​tramuntana jikkonduċi kampanja kontra l-​poplu t’Alla. F’sens spiritwali, il-​lok “bejn il-​baħar u l-​muntanja glorjuża u qaddisa” jirrappreżenta l-​qasam spiritwali tal-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah. Dawn ħarġu mill-​“baħar” taʼ l-​umanità mbegħda minn Alla u għandhom it-​tama li jaħkmu fuq il-​Muntanja Sijon tas-​sema maʼ Ġesù Kristu.​—Isaija 57:20; Lhud 12:22; Apokalissi 14:1.

26. Bħalma huwa indikat mill-​profezija taʼ Eżekjel, x’tistaʼ tkun l-​oriġini taʼ l-​aħbar mit-​“tramuntana”?

26 Eżekjel, li kien jgħix fi żmien Danjel, ukoll ipprofetizza attakk fuq il-​poplu t’Alla “fl-​aħħar jiem.” Hu qal li l-​ostilitajiet kienu se jinbdew minn Gog taʼ Magog, jiġifieri, minn Satana x-​Xitan. (Eżekjel 38:​14, 16) Simbolikament, Gog minn liema direzzjoni jiġi? “Minn tarf it-​tramuntana,” jgħid Jehovah, permezz taʼ Eżekjel. (Eżekjel 38:15) Ikun kemm ikun aħrax dan l-​attakk, m’huwiex se jeqred lill-​poplu taʼ Jehovah. Din il-​laqgħa drammatika se tirriżulta minn mossa strateġika min-​naħa taʼ Jehovah biex iġib fix-​xejn il-​qawwiet armati taʼ Gog. B’hekk, Jehovah jgħid lil Satana: “Jien . . . nagħmillek il-​grampuni fi xdieqek u noħorġok.” “Jien . . . [i]ntellgħek mill-​ibgħad trufijiet tat-​tramuntana u nġibek fuq il-​muntanji taʼ Iżrael.” (Eżekjel 38:4; 39:2) Għalhekk, l-​aħbar mit-​“tramuntana” li tinkorla lis-​sultan tat-​tramuntana bilfors li toriġina minn Jehovah. Imma sewwa sew x’se jkun fihom finalment ix-​xnigħat “mil-​lvant u t-​tramuntana,” huwa Alla biss li se jiddeterminah dan u biż-​żmien biss se nkunu nafu.

27. (a) Gog għala se jqanqal lill-​ġnus, inkluż is-​sultan tat-​tramuntana, biex jattakkaw lill-​poplu taʼ Jehovah? (b) X’se jkun ir-​riżultat taʼ l-​attakk taʼ Gog?

27 Inkwantu għal Gog, dan jorganizza l-​attakk sfrenat tiegħu minħabba r-​riżq li jgawdi l-​“Iżrael taʼ Alla,” li, flimkien mal-​“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” m’għadhomx iktar parti mid-​dinja tiegħu. (Galatin 6:16; Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16; 17:​15, 16; 1 Ġwann 5:19) Gog iħares biċ-​ċiera lejn “poplu miġbur minn fost il-​ġnus, poplu li kiseb imrieħel u ġid [spiritwali].” (Eżekjel 38:12) Billi jħares lejn il-​qasam spiritwali Kristjan bħala “bla swar,” u għalhekk jistaʼ jintrebaħ faċilment, Gog jagħmel sforz verament kbir biex jeqred lil dan l-​ostaklu li qed iżommu milli jkollu kontroll sħiħ fuq l-​umanità. Imma jfallilu. (Eżekjel 38:11, 18; 39:4) Meta s-​slaten taʼ l-​art, inkluż is-​sultan tat-​tramuntana, jattakkaw lill-​poplu taʼ Jehovah, se ‘jaslu fi tmiemhom.’

‘IS-​SULTAN SE JASAL FI TMIEMU’

28. X’nafu dwar il-​futur tas-​sultan tat-​tramuntana u tas-​sultan tan-​nofsinhar?

28 Il-​kampanja finali tas-​sultan tat-​tramuntana m’hijiex immirata kontra s-​sultan tan-​nofsinhar. Għalhekk, is-​sultan tat-​tramuntana ma jasalx fi tmiemu minn taħt idejn ir-​rival kbir tiegħu. Bl-​istess mod, is-​sultan tan-​nofsinhar ma jinqeridx mis-​sultan tat-​tramuntana. Is-​sultan tan-​nofsinhar jinqered, “bla ma jindaħal ebda bniedem,” mis-​Saltna t’Alla. a (Danjel 8:25) Fil-​fatt, fil-​battalja taʼ Ħarmagedon, is-​slaten kollha taʼ l-​art se jitneħħew min-​nofs mis-​Saltna t’Alla, u b’mod evidenti dan hu li se jiġrilu s-​sultan tat-​tramuntana. (Danjel 2:44) Danjel 11:​44, 45 jiddeskrivi l-​ġrajjiet li jwasslu għal dik il-​battalja finali. Mhux taʼ b’xejn li meta s-​sultan tat-​tramuntana jiġi fi tmiemu “ma jsib għajnuna taʼ ħadd”!

[Nota taʼ taħt]

a Ara Kapitlu 10 taʼ dan il-​ktieb.

X’INNOTAJT?

• L-​identità tas-​sultan tat-​tramuntana kif inbidlet wara t-​tieni gwerra dinjija?

• X’se jiġrilhom finalment is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar?

• Kif ibbenefikajt int billi qgħadt attent għall-​profezija taʼ Danjel dwar ir-​rivalità taʼ bejn iż-​żewġ slaten?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Tabella/Stampa f’paġna 284]

SLATEN F’DANJEL KAPITLU 11

Is-​Sultan Is-​Sultan

tat-​Tramuntana tan-​Nofsinhar

Danjel 11:5 Selewku I Nikator Ptolomew I

Danjel 11:6 Antijoku II Ptolomew II

(martu Laodiċe) (bintu Bereniċe)

Danjel 11:​7-9 Selewku II Ptolomew III

Danjel 11:​10-12 Antijoku III Ptolomew IV

Danjel 11:​13-19 Antijoku III Ptolomew V

(bintu Kleopatra I) Suċċessur: Ptolomew VI

Suċċessuri:

Selewku IV u

Antijoku IV

Danjel 11:20 Awgustu

Danjel 11:​21-24 Tiberju

Danjel 11:​25, 26 Awreljanu Is-​Sultana Żenobja

L-​Imperu Ruman

jiġġarraf

Danjel 11:​27-30a L-​Imperu Ġermaniż Il-​Britannja, segwita

(L-Ewwel Gwerra mill-​Qawwa Dinjija

Dinjija) Anglo-Amerikana

Danjel 11:30b, 31 It-​Tielet Reich Il-​Qawwa Dinjija

taʼ Hitler Anglo-Amerikana

(It-Tieni Gwerra Dinjija)

Danjel 11:​32-43 Blokk Komunist Il-​Qawwa Dinjija

(Gwerra Bierda) Anglo-Amerikana

Danjel 11:​44, 45 Għad irid iqum b Il-​Qawwa Dinjija

Anglo-Amerikana

[Nota taʼ taħt]

b Il-​profezija f’Danjel kapitlu 11 ma tbassarx l-​ismijiet taʼ l-​entitajiet politiċi li jokkupaw il-​pożizzjonijiet tas-​sultan tat-​tramuntana u tas-​sultan tan-​nofsinhar f’diversi żminijiet. L-​identitajiet tagħhom isiru magħrufin biss wara li l-​ġrajjiet jibdew iseħħu. Iktar minn hekk, ladarba l-​konflitt iseħħ f’episodji, hemm intervalli mingħajr konflitti​—sultan wieħed ikun minn fuq waqt li l-​ieħor jibqaʼ inattiv.

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 271]

[Stampi f’paġna 279]

Il-​‘ħbit’ mis-​sultan tan-​nofsinhar inkluda spjunaġġ b’teknoloġija avanzata u t-​theddida t’azzjoni militari