Imsaħħaħ Permezz taʼ Messaġġier Mibgħut Minn Alla
Kapitlu Tnax
Imsaħħaħ Permezz taʼ Messaġġier Mibgħut Minn Alla
1. Danjel kif tbierek talli kellu interess profond fit-twettiq taʼ l-iskop taʼ Jehovah?
L-INTERESS profond taʼ Danjel fit-twettiq taʼ l-iskop t’Alla ġie premjat bil-kbir. Hu ngħata l-profezija kommoventi tas-70 ġimgħa rigward iż-żmien li fih kellu jidher il-Messija. Danjel tbierek ukoll billi ra l-fdal leali tal-poplu tiegħu jirritornaw lejn art twelidhom. Dan ġara fis-sena 537 Q.E.K., lejn tmiem l-“ewwel sena taʼ Ċiru, sultan tal-Persja.”—Esdra 1:1-4.
2, 3. Danjel għala setaʼ ma rritornax lejn il-pajjiż taʼ Ġuda mal-fdal Lhudi?
2 Danjel ma kienx fost dawk li vvjaġġaw lura lejn il-pajjiż taʼ Ġuda. Jistaʼ jkun li kien diffiċli għalih li jivvjaġġa fl-età avanzata tiegħu. Kien x’kien il-każ, Alla kien għad baqagħlu iktar servizz merfugħ għalih f’Babilonja. Għaddew sentejn. Imbagħad, ir-rakkont jgħidilna: “Fit-tielet sena taʼ Ċiru, sultan tal-Persja, ġiet irrivelata kelma lil Danjel, li jissejjaħ bl-isem taʼ Beltassar; din il-kelma, li hi minnha, tgħid li t-tiġrib ikun kbir. Huwa fehem il-kelma u fehem x’kienet id-dehra.”—Danjel 10:1.
3 “It-tielet sena taʼ Ċiru” tikkorrispondi mas-snin 536/535 Q.E.K. Kienu għaddew iktar minn 80 sena minn mindu Danjel inġieb lejn Babilonja flimkien man-nisel irjali u ż-żgħażagħ taʼ Ġuda li kellhom twelid nobbli. (Danjel 1:3) Jekk kien adolexxent meta wasal l-ewwel darba f’Babilonja, sa dan iż-żmien kellu kważi 100 sena. X’rekord meraviljuż taʼ servizz leali kellu hu!
4. Minkejja l-età avanzata taʼ Danjel, liema rwol sinjifikanti kien għad irid ikollu fis-servizz taʼ Jehovah?
4 Madankollu, minkejja l-età avanzata tiegħu, l-irwol taʼ Danjel fis-servizz taʼ Jehovah ma kienx spiċċa. Permezz tiegħu, Alla kien għad irid jipproklama messaġġ profetiku li kellu sinjifikat li jwassal ’il bogħod. Kellha tkun profezija li kienet se twassal sa żmienna u għal li ġej. Biex jipprepara lil Danjel għal din il-biċċa xogħol oħra, Jehovah ra li kien xieraq li jaġixxi għan-nom tiegħu, biex isaħħu għas-servizz li kellu quddiemu.
RAĠUNI GĦALL-ANSJETÀ
5. Liema rapporti x’aktarx li kienu l-kaġun taʼ tħassib għal Danjel?
5 Għalkemm Danjel ma rritornax lejn il-pajjiż taʼ Ġuda mal-fdal Lhudi, hu kien interessat b’mod profond f’dak li kien qiegħed jiġri lura fil-maħbuba art twelidu. Minn rapporti li waslulu, Danjel sar jaf li mhux kollox kien ward u żahar hemmhekk. L-artal kien ġie stabbilit mill-ġdid u l-pedament tat-tempju kien tqiegħed f’Ġerusalemm. (Esdra, kapitlu 3) Imma l-ġnus ġirien kienu qegħdin jopponu l-proġett taʼ kostruzzjoni mill-ġdid, u kienu qegħdin jikkomplottaw affarijiet mill-agħar kontra l-Lhud li rritornaw. (Esdra 4:1-5) Tabilħaqq, Danjel setaʼ faċilment isir ansjuż dwar ħafna affarijiet.
6. Il-kundizzjonijiet f’Ġerusalemm għala kienu qed jinkwetaw lil Danjel?
6 Danjel kien familjari mal-profezija taʼ Ġeremija. (Danjel 9:2) Kien jaf li l-bini mill-ġdid tat-tempju f’Ġerusalemm u r-restawr tal-qima vera hemmhekk kienu relatati mill-qrib maʼ l-iskop taʼ Jehovah rigward il-poplu Tiegħu u li dan kollu kellu jsir qabel id-dehra tal-Messija mwiegħed. Fil-fatt, Danjel kien privileġġat ferm li kien irċieva l-profezija tas-“sebgħin ġimgħa” mingħand Jehovah. Minnha hu fehem li l-Messija kellu jiġi 69 “ġimgħa” wara l-ħruġ tal-kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm. (Danjel 9:24-27) Madankollu, meta tqis il-ħerba li kienet tinsab fiha Ġerusalemm u d-dewmien fil-bini tat-tempju, huwa faċli li tara għala Danjel setaʼ sar skuraġġit, imdejjaq, u dipress.
7. X’għamel Danjel għal tliet ġimgħat?
7 “F’dak iż-żmien jien, Danjel, għaddejt tliet ġimgħat fin-niket,” jgħid ir-rakkont. “Ebda ikel bnin ma kilt, ebda laħam u nbid ma daħal f’ħalqi, u b’xejn ma ndlikt sa ma għaddew it-tliet ġimgħat.” (Danjel 10:2, 3) “Tliet ġimgħat” sħaħ, jew 21 jum, taʼ niket u sawm kienu perijodu twil mhux tas-soltu. Dan milli jidher intemm “fl-erbgħa u għoxrin taʼ l-ewwel xahar.” (Danjel 10:4) Għaldaqstant, il-perijodu tas-sawma taʼ Danjel inkluda l-Qbiż li kien jiġi osservat fl-14-il jum taʼ Nisan, l-ewwel xahar, u l-festa tal-ħobż bla ħmira li kienet tiġi wara u li kienet iddum sebat ijiem.
8. F’liema okkażjoni iktar bikrija Danjel kien fittex bis-serjetà d-direzzjoni taʼ Jehovah, u x’kien ir-riżultat?
8 Danjel kellu esperjenza simili f’okkażjoni oħra li kellu qabel. F’dak iż-żmien, kien imħawwad dwar it-twettiq tal-profezija taʼ Jehovah rigward il-ħerba taʼ Ġerusalemm għal 70 sena. X’għamel Danjel dakinhar? “Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi,” qal Danjel, “biex infittxu bit-talb umli tiegħi u bis-sawm, tfajt fuqi libsa tax-xkejjer u xerridt l-irmied fuq rasi.” Jehovah wieġeb it-talba taʼ Danjel billi bagħatlu l-anġlu Gabrijel b’messaġġ li inkuraġġieh ferm. (Danjel 9:3, 21, 22) Kien Jehovah se jaġixxi issa b’mod simili u lil Danjel jipprovdilu l-inkuraġġiment li kellu bżonnu daqs il-ħobż?
DEHRA LI TQANQAL IL-BIŻAʼ
9, 10. (a) Fejn kien Danjel meta kellu dehra? (b) Iddeskrivi dak li Danjel ra fid-dehra.
9 Danjel ma joħroġx diżappuntat. Hu jissokta jgħidilna x’jiġri wara, billi jgħid: “Sibt ruħi f’xatt ix-xmara l-kbira, it-Tigri [“Ħiddeqel,” KŻ]. Rfajt għajnejja nħares, u ara, kien hemm raġel liebes l-għażel, bi ħżiem tad-deheb fin taʼ Ufaz maʼ ġenbejh.” (Danjel 10:4, 5) Ħiddeqel kienet waħda mill-erbaʼ xmajjar li s-sors tagħhom kien fil-ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 2:10-14) Bil-Persjan tal-Qedem, Ħiddeqel kienet magħrufa bħala t-Tigra, li minnha ġie l-isem Grieg Tigris. Ir-reġjun taʼ bejnha u l-Ewfrat sar jissejjaħ Mesopotamja, li jfisser “Pajjiż bejn ix-Xmajjar.” Dan jikkonferma li meta Danjel irċieva din id-dehra, hu kien għadu fil-pajjiż taʼ Babilonja, għalkemm forsi mhux fil-belt taʼ Babel.
10 X’dehra rċieva Danjel! Ovvjament, ma rax xi bniedem ordinarju meta refaʼ għajnejh. Danjel ipprovda din id-deskrizzjoni ħajja: “Ġismu kien qisu tat-topazju, wiċċu jleħħ bħal berqa, għajnejh żewġ ġamriet tan-nar, dirgħajh u riġlejh qishom tal-bronż ileqq, u leħnu huwa u jitkellem kont tistħajjlu l-ħoss taʼ kotra nies.”—Danjel 10:6.
11. Id-dehra x’effett kellha fuq Danjel u fuq in-nies li kienu miegħu?
11 Minkejja li kienet brillanti, “in-nies li kienu miegħi ma rawhiex id-dehra,” qal Danjel. Għal xi raġuni mhix spjegabbli, “qabdithom rogħda kbira u telqu jiġru biex jinħbew.” Għaldaqstant, Danjel tħalla waħdu fuq ix-xatt tax-xmara. Il-fatt li ra “din id-dehra kbira” tant impressjonah li stqarr: “Saħħti ħallietni, lewn wiċċi tbiddel u mar, u bqajt bla ħila taʼ xejn.”—Danjel 10:7, 8.
12, 13. X’inhu indikat dwar il-messaġġier minn (a) ilbiesu? (b) id-dehra tiegħu?
12 Ejja nħarsu iktar mill-qrib lejn dan il-messaġġier li jolqot l-għajn u li tant beżżaʼ lil Danjel. Kien “liebes l-għażel, bi ħżiem tad-deheb fin taʼ Ufaz maʼ ġenbejh.” F’Iżrael tal-qedem, il-ħżiem, l-efod, u l-pettoral tal-qassis il-kbir, kif ukoll l-ilbies tal-qassisin l-oħrajn, kienu jkunu magħmulin minn għażel fin mibrum u kienu jkunu mżejnin bid-deheb. (Eżodu 28:4-8; 39:27-29) B’hekk, l-ilbies tal-messaġġier jindika l-qdusija u d-dinjità tal-kariga.
13 Danjel baqaʼ mgħaġġeb ukoll bid-dehra tal-messaġġier—id-dija brillanti tal-ġisem tiegħu bħal ġawhra, ir-raġġi li jagħmuk ħerġin minn wiċċu kollu dija, il-qawwa penetranti t’għajnejh kollhom xrar, u t-tlellix tad-dirgħajn u s-saqajn potenti tiegħu. Saħansitra l-vuċi dominanti tiegħu kienet tqanqal il-biżaʼ. Dan kollu jindika b’mod ċar li hu kien sovruman. Dan ir-“raġel liebes l-għażel” ma kien ħadd ħlief anġlu taʼ rank għoli li qeda fil-preżenza qaddisa taʼ Jehovah, minfejn ħareġ b’messaġġ. a
“RAĠEL GĦAŻIŻ” JISSAĦĦAĦ
14. Danjel x’għajnuna kellu bżonn sabiex jirċievi l-messaġġ anġeliku?
14 Il-messaġġ li kellu l-anġlu taʼ Jehovah għal Danjel kien peżanti u kompless. Qabel ma Danjel setaʼ jirċivih, kellu bżonn l-għajnuna biex jirkupra mill-hemm fiżiku u mentali tiegħu. Billi milli jidher kien konxju taʼ dan, l-anġlu b’imħabba ta assistenza u inkuraġġiment persunali lil Danjel. Ejja nsegwu r-rakkont taʼ Danjel stess dwar dak li ġara.
15. X’għamel l-anġlu biex jgħin lil Danjel?
15 “Kif smajt il-ħoss taʼ kliemu waqajt għal wiċċi mitluf minn sensija u bqajt hemm, wiċċi maʼ l-art.” X’aktarx li l-biżaʼ u l-apprensjoni kienu l-kaġun li Danjel jaqaʼ f’konfużjoni tal-moħħ. X’għamel l-anġlu biex jgħinu? “Ara,” qal Danjel, “id messitni u qajjmitni mriegħed fuq irkubbtejja u wiċċ idejja.” Barra minn hekk, l-anġlu inkuraġġixxa lill-profeta b’dan il-kliem: “Danjel, raġel għażiż, ifhem il-kliem li se ngħidlek; qum fuq tiegħek, għax issa bagħtuni għandek.” Dik l-id li għenitu u l-kliem taʼ konsolazzjoni taw il-ħajja mill-ġdid lil Danjel. Għalkemm ‘b’rogħda fuqu,’ Danjel fil-fatt ‘qam bilwieqfa.’—Danjel 10:9-11.
16. (a) Kif nistgħu naraw li Jehovah jwieġeb bil-ħeffa għat-talb tal-qaddejja tiegħu? (b) L-anġlu għala ttardja biex jiġi jagħti l-għajnuna lil Danjel? (Inkludi l-kaxxa.) (ċ) L-anġlu x’messaġġ kellu għal Danjel?
16 L-anġlu ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li hu kien ġie speċifikament biex isaħħaħ lil Danjel. “Tibżaʼ xejn, Danjel,” qal l-anġlu, “għax kliemek instamaʼ sa mill-ewwel jum li int għamilt il-ħsieb li tifhem u ċċekkint quddiem Alla tiegħek; u jien għalhekk ġejt, minħabba kliemek.” L-anġlu mbagħad spjega għala ttardja. Qal: “Il-prinċep tas-saltna tal-Persja dam wieħed u għoxrin ġurnata jżomm kontrija iżda ara, Mikiel, wieħed mill-prinċpijiet ewlenin, ġie biex jagħtini l-għajnuna, u jien bqajt hemm ħdejn is-sultan tal-Persja.” Bl-assistenza taʼ Mikiel, l-anġlu setaʼ jwettaq il-missjoni tiegħu, billi jiġi għand Danjel b’dan il-messaġġ urġenti wisq: “Issa ġejt biex nurik x’se jiġrilu l-poplu tiegħek fl-aħħar taż-żmien; għax għad baqaʼ ż-żmien biex din id-dehra sseħħ.”—Danjel 10:12-14.
17, 18. Danjel kif kien megħjun għat-tieni darba, u bis-saħħa taʼ dan x’setaʼ jagħmel?
17 Minflok ma tqanqal bil-prospett taʼ li jirċievi messaġġ li jsaħħar bħal dan, donnu jidher li l-affarijiet li semaʼ Danjel kellhom effett avvers fuqu. Jgħid ir-rakkont: “Kif qalli dan, jien niżżilt ħarsti lejn l-art u tbikkimt.” Imma l-messaġġier anġeliku kien lest li jagħtih għajnuna b’imħabba—għat-tieni darba. Qal Danjel: “Ara, ġie wieħed, qisu iben taʼ bniedem, u messli xufftejja. Jien ftaħt fommi biex inkellem lil dak li waqaf quddiemi.” b—Danjel 10:15, 16a.
18 Danjel issaħħaħ meta l-anġlu messlu xofftejh. (Qabbel Isaija 6:7.) Peress li setaʼ jitkellem mill-ġdid, Danjel setaʼ jispjegalu lill-messaġġier anġeliku t-tbatija li kien qed jissaporti. Qal Danjel: “Sidi, minħabba d-dehra reġgħu ġew fuqi tbatijiet u ma baqagħlix saħħa. Kif jistaʼ mela l-qaddej taʼ dan sidi jkellem lil dan sidi meta jien bħalissa ma fadallix saħħa u ebda nifs ma baqaʼ fija?”—Danjel 10:16b, 17.
19. Danjel kif kien megħjun għat-tielet darba, u b’liema riżultat?
19 Danjel ma kienx qed ilissen xi lment jew iġib xi skuża. Kien sempliċement qed jistqarr l-għawġ tiegħu, u l-anġlu aċċettaha l-istqarrija tiegħu. B’hekk, għat-tielet darba, Danjel kien megħjun mill-messaġġier anġeliku. “Dak li deherli f’sura taʼ bniedem raġaʼ messni, raddli saħħti,” qal il-profeta. Wara li messu u tah l-enerġija, il-messaġġier qallu dan il-kliem taʼ konsolazzjoni: “Tibżaʼ xejn, għażiż, is-sliem għalik. Rabbi l-ħila, agħmel il-qalb!” Dak il-ġest taʼ mħabba u dak il-kliem edifikanti donnhom kienu sewwa sew dak li kellu bżonn Danjel. X’kien ir-riżultat? Danjel iddikjara: “Għal dan il-kliem jien ħassejtni nistejqer, u għedtlu: ‘Ħa jitkellem sidi, għax issa raddejtli saħħti lura.’” Danjel issa kien lest għal inkarigu ieħor taʼ sfida.—Danjel 10:18, 19.
20. Għala kien meħtieġ sforz sabiex il-messaġġier anġeliku jkun jistaʼ jwettaq l-inkarigu tiegħu?
20 Wara li saħħaħ lil Danjel u għenu jirkupra l-kapaċitajiet mentali u fiżiċi tiegħu, l-anġlu tenna l-iskop tal-missjoni tiegħu. Qal: “Taf int għalfejn ġejt għandek? Jien issa se nerġaʼ mmur nitqabad mal-prinċep tal-Persja, u meta mmur, ara, jiġi l-prinċep tal-Greċja. Iva, se ngħarrfek x’hemm miktub fil-ktieb tal-verità; ma jkunx hemm min jagħtini daqqa taʼ id kontriehom ħlief il-prinċep tagħkom Mikiel.”—Danjel 10:20, 21.
21, 22. (a) Mill-esperjenza taʼ Danjel, x’nistgħu nitgħallmu dwar il-mod kif Jehovah jittratta mal-qaddejja tiegħu? (b) Danjel issa għal liema ħaġa kien imsaħħaħ?
21 Kemm għandu mħabba u konsiderazzjoni Jehovah! Hu dejjem jittratta mal-qaddejja tiegħu skond il-potenzjal u l-limitazzjonijiet tagħhom. Minn banda, jagħtihom inkarigi skond ma jkun jaf li huma jistgħu jwettqu, avolja għandhom mnejn kultant huma jħossuhom mod ieħor. Mill-banda l-oħra, hu lest li jagħtihom widen u mbagħad jipprovdi dak li huwa meħtieġ biex jgħinhom iwettqu l-inkarigi tagħhom. Jalla aħna nimitaw dejjem lil Missierna tas-sema, Jehovah, billi b’imħabba ninkuraġġixxu u nsaħħu lill-adoraturi sħabna.—Lhud 10:24.
22 Il-messaġġ taʼ faraġ taʼ l-anġlu kien taʼ inkuraġġiment kbir għal Danjel. Minkejja l-età avanzata tiegħu, Danjel issa kien imsaħħaħ u mħejji biex jirċievi u jiddokumenta iktar profeziji taʼ l-għaġeb għall-benefiċċju tagħna.
[Noti taʼ taħt]
a Għalkemm dan l-anġlu m’għandux isem, donnu jidher li huwa l-istess wieħed li l-vuċi tiegħu nstemgħet tidderieġi lil Gabrijel biex jgħin lil Danjel b’dehra li kien għadu kif ra. (Qabbel Danjel 8:2, 15, 16 maʼ 12:7, 8.) Iżjed minn hekk, Danjel 10:13 juri li Mikiel, “wieħed mill-prinċpijiet ewlenin,” ġie jassisti lil dan l-anġlu. B’hekk, dan l-anġlu mingħajr isem bilfors li jgawdi l-privileġġ li jaħdem mill-qrib maʼ Gabrijel u Mikiel.
b Għalkemm jistaʼ jkun li l-istess anġlu li kien qiegħed jitkellem maʼ Danjel messlu xofftejh u tah il-ħajja mill-ġdid, il-lingwaġġ użat hawnhekk iħalli l-wisaʼ għall-possibbiltà li anġlu ieħor, forsi Gabrijel, għamlu dan. Kien x’kien il-każ, Danjel issaħħaħ minn messaġġier anġeliku.
X’INNOTAJT?
• L-anġlu taʼ Jehovah għala ttardja biex jiġi jagħti l-għajnuna lil Danjel fis-snin 536/535 Q.E.K.?
• L-ilbies u d-dehra tal-messaġġier anġeliku t’Alla x’indikaw dwaru?
• Danjel liema għajnuna kellu bżonn, u l-anġlu kif ipprovdieha tliet darbiet?
• L-anġlu x’messaġġ kellu għal Danjel?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 204, 205]
Anġli Kustodji jew Ħakkiema Demoniċi?
NISTGĦU nitgħallmu ħafna minn dak li jgħid il-ktieb taʼ Danjel dwar l-anġli. Dan jgħidilna dwar l-irwol li dawn għandhom fit-twettiq tal-kelma taʼ Jehovah u l-isforz li jagħmlu biex iwettqu l-inkarigi tagħhom.
L-anġlu t’Alla qal li meta kien fi triqtu biex ikellem lil Danjel, hu ġie mfixkel mill-“prinċep tas-saltna tal-Persja.” Wara li ssara miegħu għal 21 ġurnata, il-messaġġier anġeliku setaʼ jissokta biss bl-għajnuna taʼ “Mikiel, wieħed mill-prinċpijiet ewlenin.” L-anġlu qal ukoll li kien se jkollu jerġaʼ jiġġieled lil dak l-għadu u possibbilment lill-“prinċep tal-Greċja.” (Danjel 10:13, 20) Ma kinitx xi biċċa xogħol faċli din, saħansitra għal anġlu! Iżda, min kienu dawn il-prinċpijiet tal-Persja u tal-Greċja?
L-ewwelnett, ninnotaw li Mikiel issejjaħ “wieħed mill-prinċpijiet ewlenin” u l-“prinċep tagħkom.” Iktar tard, saret referenza għal Mikiel bħala l-“prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu [taʼ Danjel].” (Danjel 10:21; 12:1) Dan jipponta lejn Mikiel bħala l-anġlu inkarigat minn Jehovah biex imexxi lill-Iżraeliti minn ġox-xagħri.—Eżodu 23:20-23; 32:34; 33:2.
Bħala appoġġ għal din il-konklużjoni hemm l-istqarrija tad-dixxiplu Ġuda li “l-arkanġlu Mikiel . . . ħadha max-xitan u beda jħaqqaqha miegħu fuq il-ġisem taʼ Mosè.” (Ġuda 9) Il-pożizzjoni, il-poter, u l-awtorità taʼ Mikiel għamluh verament “l-arkanġlu,” li jfisser “l-anġlu ewlieni,” jew “l-anġlu prinċipali.” B’mod xieraq ferm, din il-pożizzjoni għolja tistaʼ tiġi applikata għal ħadd ħlief Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, qabel u wara l-ħajja tiegħu fuq l-art.—1 Tessalonikin 4:16; Apokalissi 12:7-9.
Ifisser dan li Jehovah ħatar ukoll lil xi anġli fuq ġnus oħrajn bħalma huma l-Persja u l-Greċja biex jiggwidawhom fl-affarijiet tagħhom? Ara, Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, qal apertament: “Il-Prinċep tad-dinja . . . kontra tiegħi xejn ma jistaʼ jagħmel.” Ġesù qal ukoll: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja . . . saltnati m’hijiex taʼ hawn.” (Ġwann 14:30; 18:36) L-appostlu Ġwanni ddikjara li “d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Jidher ċar li l-ġnus tad-dinja qatt ma kienu u m’humiex issa taħt il-gwida jew il-ħakma t’Alla jew taʼ Kristu. Waqt li Jehovah jippermetti li l-“awtoritajiet superjuri” jeżistu u jżommu kontroll fuq l-affarijiet governattivi taʼ l-art, hu ma jaħtarx fuqhom lill-anġli tiegħu. (Rumani 13:1-7, NW) Il-“prinċpijiet” jew il-“ħakkiema” taʼ fuqhom jistgħu jitpoġġew hemmhekk biss mill-“Prinċep tad-dinja,” Satana x-Xitan. Dawn bilfors li huma ħakkiema demoniċi u mhux anġli kustodji. Hemm, allura, forzi demoniċi inviżibbli, jew “prinċpijiet,” wara l-ħakkiema viżibbli, u l-konflitti nazzjonali jinvolvu iktar minn sempliċi bnedmin.
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 199]
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 207]