Iż-Żewġ Slaten Jibdlu l-Identità
Kapitlu Erbatax
Iż-Żewġ Slaten Jibdlu l-Identità
1, 2. (a) X’wassal lil Antijoku IV biex ibaxxi rasu għall-esiġenzi taʼ Ruma? (b) Is-Sirja meta saret provinċja Rumana?
ANTIJOKU IV, il-monarka Sirjan, jinvadi l-Eġittu u jinkuruna lilu nnifsu bħala s-sultan t’hemmhekk. Fuq talba taʼ Ptolomew VI, is-Sultan Eġizzjan, Ruma tibgħat lejn l-Eġittu lill-Ambaxxatur Gaju Popilju Lena. Dan għandu miegħu flotta impressjonanti u ordnijiet mingħand is-Senat taʼ Ruma biex Antijoku IV jirrinunzja l-kariga taʼ sultan li kien assuma fuq l-Eġittu u jirtira mill-pajjiż. F’Elewsi, subborg taʼ Lixandra, is-sultan Sirjan u l-ambaxxatur Ruman jiġu wiċċ imbwiċċ. Antijoku IV jitlob li jingħata l-ħin biex jikkonsulta mal-kunsillieri tiegħu, imma Lena jagħmel ċirku fl-art madwar is-sultan u jgħidlu biex iwieġeb qabel ma joħroġ miċ-ċirku. Umiljat b’dan il-mod, Antijoku IV jbaxxi rasu għall-esiġenzi taʼ Ruma u jirritorna lejn is-Sirja fis-sena 168 Q.E.K. Hekk tintemm il-konfrontazzjoni bejn is-sultan Sirjan tat-tramuntana u s-sultan Eġizzjan tan-nofsinhar.
2 Billi għandha rwol dominanti fil-kwistjonijiet tal-Lvant Nofsani, Ruma tissokta tiddetta lis-Sirja x’għandha tagħmel. Għaldaqstant, avolja slaten oħrajn tad-dinastija Selewċida jaħkmu s-Sirja wara l-mewt taʼ Antijoku IV fis-sena 163 Q.E.K., huma ma jokkupawx il-pożizzjoni tas-“sultan tat-tramuntana.” (Danjel 11:15) Is-Sirja finalment issir provinċja Rumana fis-sena 64 Q.E.K.
3. Ruma meta u kif kisbet is-supremazija fuq l-Eġittu?
3 Id-dinastija Ptolomajka taʼ l-Eġittu tkompli żżomm il-pożizzjoni taʼ “sultan tan-nofsinhar” għal ftit iktar minn 130 sena wara l-mewt taʼ Antijoku IV. (Danjel 11:14) Waqt il-battalja taʼ Actium, fis-sena 31 Q.E.K., Ottavjanu, il-ħakkiem Ruman, għeleb il-qawwiet armati magħqudin taʼ l-aħħar sultana Ptolomajka—Kleopatra VII—u tal-maħbub Ruman tagħha, Mark Antonju. Wara s-suwiċidju taʼ Kleopatra s-sena taʼ wara, l-Eġittu wkoll isir provinċja Rumana u ma jżommx iktar l-irwol tas-sultan tan-nofsinhar. Sas-sena 30 Q.E.K., Ruma għandha s-supremazija kemm fuq is-Sirja u kemm fuq l-Eġittu. Għandna issa nistennew li ħakmiet oħrajn jassumu l-irwolijiet tas-sultan tat-tramuntana u tas-sultan tan-nofsinhar?
SULTAN ĠDID JIBGĦAT “MINISTRU TAT-TAXXI”
4. Għala għandna nistennew li entità ħakkiema oħra tassumi l-identità tas-sultan tat-tramuntana?
4 Fir-rebbiegħa tas-sena 33 E.K., Ġesù Kristu qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju li fuqhom tkellem il-profeta Danjel . . . ħa jaħarbu mbagħad lejn l-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija.” (Mattew 24:15, 16) Billi kkwota minn Danjel 11:31, Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu dwar ‘profanazzjoni u ħerbaʼ fil-futur. Din il-profezija li tinvolvi lis-sultan tat-tramuntana ngħatat xi 195 sena wara l-mewt taʼ Antijoku IV, l-aħħar sultan Sirjan li qeda f’dak l-irwol. Hija ħaġa ċerta li entità ħakkiema oħra kellha tassumi l-identità tas-sultan tat-tramuntana. Min kellha tkun?
5. Min qam bħala s-sultan tat-tramuntana, u b’hekk ħa l-pożizzjoni li darba kienet okkupata minn Antijoku IV?
5 L-anġlu t’Alla Jehovah bassar: “Floku [flok Antijoku IV] jqum wieħed li jibgħat ministru tat-taxxi jaqsam il-ġmiel tas-saltna; imma fi ftit jiem jitkisser, mhux fis-saħna anqas fit-taqbid.” (Danjel 11:20, Saydon) Il-wieħed li ‘qam’ b’dan il-mod kien Ottavjanu, l-ewwel imperatur Ruman, li kien magħruf bħala Ċesari Awgustu.—Ara “Wieħed Onorat, l-Ieħor Immaqdar,” f’paġna 248.
6. (a) Meta kien li “ministru tat-taxxi” ġie mġiegħel jgħaddi minn ġol-“ġmiel tas-saltna,” u x’kienet l-importanza taʼ dan? (b) Għala jistaʼ jingħad li Awgustu miet “mhux fis-saħna anqas fit-taqbid”? (ċ) Liema bidla seħħet fl-identità tas-sultan tat-tramuntana?
6 “Il-ġmiel tas-saltna” taʼ Awgustu inkluda l-“pajjiż glorjuż”—il-provinċja Rumana tal-Lhudija. (Danjel 11:16) Fis-sena 2 Q.E.K., Awgustu bagħat “ministru tat-taxxi” billi ordna reġistrazzjoni, jew ċensiment, x’aktarx biex isir jaf l-għadd tal-popolazzjoni bl-iskop li jintaxxahom u jaqbadhom bil-lieva. Minħabba dan id-digriet, Ġużeppi u Marija vvjaġġaw lejn Betlehem għar-reġistrazzjoni, u dan irriżulta fit-twelid taʼ Ġesù f’dak il-post imbassar. (Mikea 5:1 [5:2, NW]; Mattew 2:1-12) F’Awissu tas-sena 14 E.K.—“fi ftit jiem,” jew mhux wisq wara li hu ħareġ id-digriet għar-reġistrazzjoni—Awgustu miet fl-età taʼ 76 sena, la “fis-saħna” taħt idejn xi assassin u lanqas “fit-taqbid,” imma bħala riżultat taʼ marda li ħakmitu. Is-sultan tat-tramuntana kien tabilħaqq bidel l-identità! Sa dan iż-żmien dan is-sultan kien sar l-Imperu Ruman fil-persuna taʼ l-imperaturi tiegħu.
‘IQUM WIEĦED TAʼ MIN IMAQDRU’
7, 8. (a) Min qam bħala s-sultan tat-tramuntana fil-pożizzjoni taʼ Awgustu? (b) Il-“glorja taʼ sultan” għala ngħatat involontarjament lis-suċċessur taʼ Awgustu Ċesari?
7 Billi ssokta bil-profezija, l-anġlu qal: “Minfloku [minflok Awgustu] jqum wieħed, raġel taʼ min imaqdru, li, għalkemm ma tkunx ingħatatlu l-glorja taʼ sultan, jindiehes inkiss inkiss u jaħtaf is-saltna bl-ipokrisija tiegħu. L-eżerċti jieħdu tkaxkira kbira u jitfarrku quddiemu, u hekk ukoll jiġrilu l-prinċep tal-patt.”—Danjel 11:21, 22.
8 Il-“wieħed . . . taʼ min imaqdru” kien Tiberju Ċesari, bin Livja, it-tielet mara taʼ Awgustu. (Ara “Wieħed Onorat, l-Ieħor Immaqdar,” f’paġna 248.) Awgustu kien jobogħdu lil dan ibnu tar-rispett minħabba l-karatteristiċi ħżiena tiegħu u ma ridux jilħaq Ċesari warajh. Il-“glorja taʼ sultan” ngħatatlu involontarjament biss wara li mietu l-oħrajn kollha li setgħu kienu suċċessuri. Awgustu adotta lil Tiberju fis-sena 4 E.K. u għamlu werriet għat-tron. Wara l-mewt taʼ Awgustu, Tiberju, li kellu 54 sena—il-wieħed immaqdar—‘qam,’ billi assuma l-poter bħala l-imperatur Ruman u s-sultan tat-tramuntana.
9. Tiberju kif ‘ħataf is-saltna bl-ipokrisija tiegħu’?
9 “Tiberju,” tgħid The New Encyclopædia Britannica, “immanipula lis-Senat u ma ħalliehx jinnominah imperatur għal kważi xahar sħiħ [wara li miet Awgustu].” Lis-Senat qallu li ħadd ħlief Awgustu ma setaʼ jġorr il-piż taʼ li jaħkem l-Imperu Ruman u talab lis-senaturi jirrestawraw ir-repubblika billi jafdaw din l-awtorità lil grupp taʼ rġiel minflok lil raġel wieħed. “Billi ma ssograx jaċċetta din il-proposta,” kiteb l-istorjografu Will Durant, “is-Senat dam ħafna jinżel għarkobbtejh quddiemu sakemm sa fl-aħħar hu aċċetta l-poter.” Durant żied: “Il-logħba ntlagħbet sewwa miż-żewġ naħat. Tiberju ried il-prinċipat, jew inkella kien isib xi mod kif jevitah; is-Senat kien jibżaʼ minnu u jobogħdu, imma ma ssograx jistabbilixxi mill-ġdid repubblika bbażata, bħal dik qadima, fuq assembleat sovrani b’mod teoriku biss.” B’hekk Tiberju ‘ħataf is-saltna bl-ipokrisija tiegħu.’
10. L-“eżerċti” kif ‘ħadu tkaxkira kbira u tfarrku’?
10 Inkwantu għall-“eżerċti”—il-qawwiet armati militari tas-saltniet taʼ madwar—l-anġlu qal: ‘Se jieħdu tkaxkira kbira u jitfarrku.’ Meta Tiberju sar is-sultan tat-tramuntana, neputih Ċesari Ġermaniku kien kmandant tat-truppi Rumani fuq ix-Xmara Renu. Fis-sena 15 E.K., Ġermaniku mexxa l-qawwiet armati tiegħu kontra l-eroj Ġermaniż Arminju, u kellu xi ftit suċċess. Madankollu, ir-rebħiet limitati saru bi spejjeż kbar, u Tiberju mbagħad waqqaf l-azzjonijiet militari fil-Ġermanja. Minflok, billi ppromwova l-gwerra ċivili, hu pprova ma jħallix lit-tribujiet Ġermaniżi jingħaqdu flimkien. Tiberju ġeneralment kien favur politika barranija difensiva u ffoka fuq li jsaħħaħ il-fruntieri. Dan l-atteġġjament kellu suċċess ġmielu. B’dan il-mod “l-eżerċti” kienu kontrollati u ‘mfarrkin.’
11. Il-“prinċep tal-patt” kif ‘tfarrak’?
11 Il-“prinċep tal-patt” li Alla Jehovah kien għamel m’Abraham għat-tberik tal-familji kollha taʼ l-art kien ‘imfarrak’ ukoll. Ġesù Kristu kien in-Nisel t’Abraham imwiegħed f’dak il-patt. (Ġenesi 22:18; Galatin 3:16) Fl-erbatax taʼ Nisan, tas-sena 33 E.K., Ġesù kien quddiem Ponzju Pilatu fil-palazz tal-gvernatur Ruman f’Ġerusalemm. Il-qassisin Lhud kienu akkużaw lil Ġesù bi tradiment kontra l-imperatur. Imma Ġesù qal lil Pilatu: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja. . . . Saltnati m’hijiex taʼ hawn.” Sabiex il-gvernatur Ruman ma jkunx jistaʼ jeħles lil Ġesù li ma kellu ebda ħtija, il-Lhud għajtu: “Jekk teħles lil dan, tiksirha maʼ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnifsu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari.” Wara li għajtu għall-mewt taʼ Ġesù, huma qalu: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” Skond il-liġi tal-“maestà feruta,” li Tiberju kien żiedha biex tinkludi virtwalment kwalunkwe insult kontra Ċesari, Pilatu tahom lil Ġesù biex jiġi ‘mfarrak,’ jew imsammar maʼ zokk tat-tortura.—Ġwann 18:36; 19:12-16; Mark 15:14-20.
TIRANN “IĦEJJI RUĦU”
12. (a) Min kienu dawk li saru l-alleati taʼ Tiberju? (b) Tiberju kif ‘issaħħaħ minkejja li kellu miegħu ftit nies biss’?
12 Billi kien għadu qed jipprofetizza dwar Tiberju, l-anġlu qal: “Huwa jqarraq b’dawk li jissieħbu miegħu, u jikber u jissaħħaħ minkejja li jkollu miegħu ftit nies biss.” (Danjel 11:23) Membri tas-Senat Ruman kienu ‘ssieħbu’ kostituzzjonalment maʼ Tiberju, u dan kien jiddependi minnhom formalment. Imma hu kien qarrieq, billi attwalment ‘issaħħaħ minkejja li kellu miegħu ftit nies biss.’ Dawk il-ftit nies kienu l-Għassa Pretorjana Rumana, ikkampjata biswit il-ħitan taʼ Ruma. Il-fatt li kienet daqshekk qrib intimida lis-Senat u għen lil Tiberju jrażżan kwalunkwe rewwixta li setgħet tqum kontra l-awtorità tiegħu fost il-popolin. Għalhekk, permezz taʼ xi 10,000 għassies, Tiberju baqaʼ setgħan.
13. Tiberju b’liema mod għadda bil-kbir lil missirijietu tal-qedem?
13 L-anġlu żied profetikament: “Minn taħt il-taħt jiddeffes fl-inħawi l-iżjed għonja tal-pajjiż u jagħmel ħwejjeġ li la missirijietu u lanqas taʼ qabilhom ma jkunu qatt għamlu: ixerred fosthom prejjeż, ħtif u ġid, u għal xi żmien iħejji ruħu għall-fortizza.” (Danjel 11:24) Tiberju kien suspettuż għall-aħħar, u r-renju tiegħu kien mimli qtil taħt ordni. Fil-parti l-kbira, kien minħabba l-influwenza taʼ Sejanu, kmandant taʼ l-Għassa Pretorjana, li l-aħħar parti tar-renju tiegħu kienet karatterizzata bit-terrur. Finalment, Sejanu nnifsu waqaʼ taħt suspett u ġie assassinat. Fl-aġir tiegħu taʼ tirann fuq in-nies, Tiberju għadda bil-kbir lil missirijietu tal-qedem.
14. (a) Tiberju kif xerred “prejjeż, ħtif u ġid” mal-provinċji Rumani kollha? (b) Tiberju kif kien meqjus sa dakinhar li miet?
14 Madankollu, Tiberju xerred “prejjeż, ħtif u ġid” mal-provinċji Rumani kollha. Sa dakinhar li miet, il-popli kollha li kienu sudditi tiegħu kienu qegħdin igawdu r-riżq. It-taxxi kienu baxxi, u hu setaʼ jkun ġeneruż maʼ dawk f’inħawi li kienu għaddejjin minn żminijiet ibsin. Jekk kien ikun hemm xi suldati jew uffiċjali li jaħqru lil xi ħadd jew jippromwovu l-irregolarità meta jittrattaw xi kwistjoni, dawn setgħu jistennew vendetta imperjali. Il-poter b’id tal-ħadid żamm is-sigurtà pubblika, u titjib fis-sistema taʼ komunikazzjoni għen il-kummerċ. Tiberju aċċerta ruħu li l-affarijiet kienu amministrati b’mod ġust u sod ġewwa u barra Ruma. Il-liġijiet tjiebu, u l-kodiċijiet soċjali u morali saru aħjar billi tkomplew ir-riformi istitwiti minn Awgustu Ċesari. Madankollu, Tiberju ‘ħejja ruħu,’ u b’hekk Taċitu, l-istorjografu Ruman, iddeskrivieh bħala raġel ipokrita, tas-sengħa f’li juri wiċċ b’ieħor. Sa dakinhar li miet f’Marzu tas-sena 37 E.K., Tiberju kien meqjus li kien tirann.
15. Ruma kif fendiet lejn tmiem l-ewwel seklu u fil-bidu tat-tieni seklu E.K.?
15 Fost is-suċċessuri taʼ Tiberju li wettqu l-irwol tas-sultan tat-tramuntana kien hemm Gaju Ċesari (Kaligula), Klawdju I, Neruni, Vespasjanu, Titu, Domizjanu, Nerva, Trajanu, u Adrijanu. “Fil-biċċa l-kbira,” tgħid The New Encyclopædia Britannica, “is-suċċessuri taʼ Awgustu komplew fuq il-politika amministrattiva u l-programm tiegħu taʼ bini, għalkemm b’inqas innovazzjoni u b’iktar fanfarunati.” L-istess xogħol taʼ referenza jindika wkoll: “Lejn tmiem l-ewwel seklu u fil-bidu tat-tieni seklu Ruma laħqet il-quċċata fl-isplendur u l-popolazzjoni tagħha.” Għalkemm matul dan iż-żmien Ruma kellha xi inkwiet fuq il-fruntieri imperjali, l-ewwel konfrontazzjoni mbassra tagħha mas-sultan tan-nofsinhar ma seħħitx qabel it-tielet seklu E.K.
JAGĦMEL ĦILTU KONTRA S-SULTAN TAN-NOFSINHAR
16, 17. (a) Min assuma l-irwol tas-sultan tat-tramuntana li ssir referenza għalih f’Danjel 11:25? (b) Min sar jokkupa l-pożizzjoni tas-sultan tan-nofsinhar, u dan kif seħħ?
16 L-anġlu t’Alla kompla bil-profezija, billi qal: “Huwa [is-sultan tat-tramuntana] jagħmel ħiltu u jqawwi qalbu, u b’eżerċtu kbir imur jeħodha kontra s-sultan tan-nofsinhar. Dan ilesti għall-gwerra b’eżerċtu kbir u qawwi ħafna, iżda [is-sultan tat-tramuntana] ma jagħmel xejn minħabba t-tnassis li jagħmlu kontrieh, dawk stess li jkunu jieklu mill-ikel bnin tiegħu. Dawn ikunu t-telfa tiegħu, l-eżerċtu tiegħu jieħu tkaxkira, u ħafna jaqgħu mejta.”—Danjel 11:25, 26.
17 Xi 300 sena wara li l-Eġittu kien sar provinċja Rumana permezz taʼ Ottavjanu, Awreljanu, l-Imperatur Ruman, assuma l-irwol tas-sultan tat-tramuntana. Sadanittant, Settimja Żenobja, is-Sultana tal-kolonja Rumana taʼ Palmira okkupat il-pożizzjoni tas-sultan tan-nofsinhar. a (Ara “Żenobja—Is-Sultana Gwerriera taʼ Palmira,” f’paġna 252.) L-eżerċtu taʼ Palmira okkupa l-Eġittu fis-sena 269 E.K. bl-iskuża li jassigurah għal Ruma. Żenobja riedet tagħmel lil Palmira l-belt dominanti fil-lvant u riedet taħkem fuq il-provinċji Rumani tal-lvant. Peress li allarma ruħu minħabba l-ambizzjoni li kellha, Awreljanu ‘għamel ħiltu u qawwa qalbu’ biex jiħodha kontra Żenobja.
18. X’kien ir-riżultat tal-konflitt bejn l-Imperatur Awreljanu, is-sultan tat-tramuntana, u s-Sultana Żenobja, is-sultan tan-nofsinhar?
18 Bħala l-entità ħakkiema b’Żenobja bħala kap, is-sultan tan-nofsinhar ‘lestaʼ ruħu għall-gwerra kontra s-sultan tat-tramuntana “b’eżerċtu kbir u qawwi ħafna” taħt żewġ ġenerali, Żabda u Żabbaj. Imma Awreljanu ħa l-Eġittu u mbagħad bagħat spedizzjoni fl-Asja Minuri u fis-Sirja. Żenobja sofriet telfa f’Emesa (issa Homs), u minħabba f’hekk irtirat lejn Palmira. Meta Awreljanu assedja dik il-belt, Żenobja ddefendietha bi qlubija imma għalxejn. Hi u binha ħarbu lejn il-Persja, imma nqabdu mir-Rumani biswit ix-Xmara Ewfrat. In-nies taʼ Palmira ċedew il-belt tagħhom fis-sena 272 E.K. Awreljanu ħelishielha lil Żenobja, billi għamilha l-attrazzjoni prinċipali fil-purċissjoni trijonfali tiegħu fit-toroq taʼ Ruma fis-sena 274 E.K. Hi qattgħet il-bqija taʼ ħajjitha bħala figura soċjali rispettata f’Ruma.
19. Awreljanu kif waqaʼ ‘minħabba t-tnassis li għamlu kontrih’?
19 Awreljanu nnifsu ‘m’għamel xejn minħabba t-tnassis li għamlu kontrih.’ Fis-sena 275 E.K., hu telaq fuq spedizzjoni kontra l-Persjani. Waqt li kien qiegħed jistenna fi Traċja biex isib l-opportunità ħalli jaqsam l-istrett għal ġo l-Asja Minuri, dawk li ‘kielu mill-ikel bnin tiegħu’ wettqu t-tnassis kontrih u ġabulu t-“telfa.” Hu kien se jitlob lil Eros, is-segretarju tiegħu, biex jagħti kont taʼ l-irregolaritajiet. Madankollu, Eros ivvinta lista taʼ ismijiet taʼ ċerti uffiċjali li kellhom jingħataw il-mewt. Meta l-uffiċjali raw din il-lista tqanqlu biex jikkomplottaw l-assassinju t’Awreljanu u joqtluh.
20. L-“eżerċtu” tas-sultan tat-tramuntana kif ‘ħa tkaxkira’?
20 Il-karriera tas-sultan tat-tramuntana ma ntemmitx bil-mewt taʼ l-Imperatur Awreljanu. Warajh ġew ħakkiema Rumani oħrajn. Għal xi żmien, kien hemm imperatur tal-punent u ieħor tal-lvant. Taħt dawn l-irġiel, l-“eżerċtu” tas-sultan tat-tramuntana ‘ħa tkaxkira,’ jew ‘tferrex,’ b u ħafna ‘waqgħu mejtaʼ minħabba l-invażjonijiet tat-tribujiet Ġermaniċi mit-tramuntana. Il-Goti għaddew bil-forza minn ġol-fruntieri Rumani fir-rabaʼ seklu E.K. L-invażjonijiet komplew, waħda wara l-oħra. Fis-sena 476 E.K., il-mexxej Ġermaniż Odoakre neħħa l-aħħar imperatur li kien jaħkem minn Ruma. Sal-bidu tas-sitt seklu, l-Imperu Ruman fil-punent kien tfarrak, u slaten Ġermaniżi ħakmu fil-Britannja, fil-Gallja, fl-Italja, fl-Afrika taʼ Fuq, u fi Spanja. Il-parti tal-lvant taʼ l-imperu kienet għadha teżisti fis-seklu 15.
ISSIR DIVIŻJONI TAʼ IMPERU KBIR
21, 22. Kostantinu liema bidliet wettaq fir-rabaʼ seklu E.K.?
21 Mingħajr ma ta dettalji mhux bżonnjużi dwar il-kollass taʼ l-Imperu Ruman, li eżista għal sekli sħaħ, l-anġlu taʼ Jehovah ssokta jbassar iktar bravuri tas-sultan tat-tramuntana u tas-sultan tan-nofsinhar. Madankollu, reviżjoni qasira taʼ ċerti żviluppi fl-Imperu Ruman se tgħinna nidentifikaw iż-żewġ slaten rivali fi żminijiet iktar reċenti.
22 Fir-rabaʼ seklu, il-Kristjanità apostata ngħatat rikonoxximent taʼ l-Istat mill-Imperatur Ruman Kostantinu. Dan saħansitra laqqaʼ u ppresieda personalment konċilju tal-knisja f’Niċea, l-Asja Minuri, fis-sena 325 E.K. Iktar tard, Kostantinu ċaqlaq ir-residenza imperjali minn Ruma għal Biżanzju, jew Kostantinopli, u b’hekk dik il-belt saret il-kapitali l-ġdida tiegħu. L-Imperu Ruman baqaʼ jinħakem minn imperatur wieħed sal-mewt taʼ l-Imperatur Teodosju I, fis-17 taʼ Jannar, tas-sena 395 E.K.
23. (a) Wara l-mewt taʼ Teodosju liema diviżjoni taʼ l-Imperu Ruman seħħet? (b) L-Imperu tal-Lvant meta ntemm? (ċ) Min ħakem l-Eġittu sa l-1517?
23 Wara l-mewt taʼ Teodosju, l-Imperu Ruman inqasam bejn uliedu. Onorju rċieva l-parti tal-punent, u Arkadju l-parti tal-lvant, b’Kostantinopli bħala l-kapitali tiegħu. Il-Britannja, il-Gallja, l-Italja, Spanja, u l-Afrika taʼ Fuq kienu fost il-provinċji tad-diviżjoni tal-punent. Il-Maċedonja, it-Traċja, l-Asja Minuri, is-Sirja, u l-Eġittu kienu provinċji tad-diviżjoni tal-lvant. Fis-sena 642 E.K., Lixandra, il-kapitali Eġizzjana, waqgħet taħt idejn is-Saraċeni (Għarab), u l-Eġittu sar provinċja tal-kalifi. F’Jannar taʼ l-1449, Kostantinu XI sar l-aħħar imperatur tal-lvant. Torok Ottomani taħt is-Sultan Meħmed II ħadu lil Kostantinopli fid-29 taʼ Mejju, 1453, u b’hekk temmew l-Imperu Ruman tal-Lvant. Fis-sena 1517 l-Eġittu sar provinċja Torka. Iżda, maż-żmien, dan il-pajjiż tas-sultan antik tan-nofsinhar kellu jiġi taħt il-kontroll taʼ imperu ieħor mis-settur tal-punent.
24, 25. (a) Skond xi storjografi, liema ħaġa mmarkat il-bidu taʼ l-Imperu Ruman Qaddis? (b) X’ġara finalment mit-titlu taʼ “imperatur” taʼ l-Imperu Ruman Qaddis?
24 Fin-naħa tal-punent taʼ l-Imperu Ruman nibet l-isqof Kattoliku taʼ Ruma, magħruf bħala Papa Ljun I, li kien rinomat li inforza l-awtorità papali fil-ħames seklu E.K. Maż-żmien, il-Papa assuma d-dritt li jinkuruna l-imperatur tas-sezzjoni tal-punent. Dan ġara f’Ruma nhar il-Milied tas-sena 800 E.K., meta l-Papa Ljun III inkuruna lis-Sultan Karlu (Karlu Manju) tal-Franki bħala imperatur taʼ l-Imperu Ruman il-ġdid tal-Punent. Din l-inkurunazzjoni tat il-ħajja mill-ġdid lill-kariga taʼ imperatur f’Ruma u, skond xi storjografi, immarkat il-bidu taʼ l-Imperu Ruman Qaddis. Minn dakinhar ’il quddiem bdew jeżistu l-Imperu tal-Lvant u l-Imperu Ruman Qaddis lejn il-punent, u t-tnejn li huma sostnew li kienu Kristjani.
25 Mal-medda taż-żmien, is-suċċessuri taʼ Karlu Manju wrew li kienu ħakkiema bla effett. Il-kariga taʼ l-imperatur saħansitra baqgħet battala għal xi żmien. Sadanittant, is-Sultan Ġermaniż Otto I kien kiseb il-kontroll fuq parti kbira mit-tramuntana u min-nofs taʼ l-Italja. Hu pproklama lilu nnifsu sultan taʼ l-Italja. Fit-tnejn taʼ Frar, tas-sena 962 E.K., Papa Ġwanni XII inkuruna lil Otto I bħala l-imperatur taʼ l-Imperu Ruman Qaddis. Il-kapitali tiegħu kienet fil-Ġermanja, u l-imperaturi kienu Ġermaniżi, bħall-biċċa l-kbira mis-sudditi tagħhom. Ħames sekli wara, id-dar Awstrijaka taʼ Hapsburg kisbet it-titlu taʼ “imperatur” u żammitu għall-biċċa l-kbira mis-snin li kien fadal taʼ l-Imperu Ruman Qaddis.
IŻ-ŻEWĠ SLATEN IDENTIFIKATI MILL-ĠDID B’MOD ĊAR
26. (a) X’jistaʼ jingħad dwar it-tmiem taʼ l-Imperu Ruman Qaddis? (b) Min ħareġ bħala s-sultan tat-tramuntana?
26 Napuljun I ta daqqa tal-mewt lill-Imperu Ruman Qaddis meta ma riedx jirrikonoxxi l-eżistenza tiegħu wara r-rebħiet li kellu fil-Ġermanja matul is-sena 1805. Billi ma kellux il-ħila jiddefendi l-kuruna, l-Imperatur Franġisku II rriżenja mill-istatus imperjali Ruman nhar is-6 t’Awissu, 1806, u rtira lejn il-gvern nazzjonali tiegħu bħala l-imperatur taʼ l-Awstrija. Wara 1,006 snin, l-Imperu Ruman Qaddis—imsejjes minn Ljun III, Papa Kattoliku Ruman, u Karlu Manju, sultan tal-Franki—intemm. Fl-1870, Ruma saret il-kapitali tas-saltna taʼ l-Italja, indipendenti mill-Vatikan. Is-sena taʼ wara, beda imperu Ġermaniku billi Guliermu I ngħata l-isem taʼ ċesari, jew kajżer. B’hekk, is-sultan tat-tramuntana taʼ żmienna—il-Ġermanja—daħal fix-xena dinjija.
27. (a) L-Eġittu kif sar protettorat Britanniku? (b) Min daħal fil-pożizzjoni tas-sultan tan-nofsinhar?
27 Imma x’kienet l-identità tas-sultan tan-nofsinhar taʼ żmienna? L-istorja turi li l-Britannja kisbet il-qawwa imperjali fis-seklu 17. Billi ried ifixkel ir-rotot Britanniċi tan-negozju, Napuljun I ikkonkwista l-Eġittu fl-1798. Bħala riżultat faqqgħet gwerra, u alleanza bejn il-Britannja u l-Ottomani ġagħlet lill-Franċiżi jirtiraw mill-Eġittu, identifikat bħala s-sultan tan-nofsinhar fil-bidu tal-konflitt. Matul is-seklu taʼ wara, l-influwenza Britannika żdiedet fl-Eġittu. Wara l-1882, l-Eġittu attwalment kien jiddependi mill-Britannja. Meta fl-1914 faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Eġittu kien jappartjeni lit-Turkija u kien maħkum minn kediv, jew viċi-re. Madankollu, wara li t-Turkija appoġġat lill-Ġermanja f’dik il-gwerra, il-Britannja neħħiet lill-kediv minn postu u ddikjarat lill-Eġittu bħala protettorat Britanniku. Billi bil-mod il-mod ifformaw rabtiet mill-qrib, il-Britannja u l-Istati Uniti taʼ l-Amerka saru l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. Flimkien, dawn daħlu fil-pożizzjoni tas-sultan tan-nofsinhar.
[Noti taʼ taħt]
a Ladarba l-espressjonijiet “is-sultan tat-tramuntana” u “is-sultan tan-nofsinhar” huma titli, jistgħu jirreferu għal kwalunkwe entità ħakkiema, inkluż sultan, sultana, jew blokk taʼ ġnus.
b Ara n-nota taʼ taħt għal Danjel 11:26 fin-New World Translation of the Holy Scriptures—With References, pubblikata mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
X’INNOTAJT?
• Liema imperatur Ruman qam l-ewwel bħala s-sultan tat-tramuntana, u meta bagħat “ministru tat-taxxi”?
• Min ħa l-pożizzjoni tas-sultan tat-tramuntana wara Awgustu, u l-“prinċep tal-patt” kif ‘tfarrak’?
• X’kien ir-riżultat tal-konflitt bejn Awreljanu bħala s-sultan tat-tramuntana u Żenobja bħala s-sultan tan-nofsinhar?
• Xi ġralu l-Imperu Ruman, u liema qawwiet okkupaw il-pożizzjonijiet taż-żewġ slaten sat-tmiem tas-seklu 19?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 248-251]
WIEĦED ONORAT, L-IEĦOR IMMAQDAR
WIEĦED għamel imperu dinji minn repubblika mifnija bil-ġlied. L-ieħor żied il-ġid tagħha għal għoxrin darba fi 23 sena. Wieħed kien onorat meta miet, imma l-ieħor kien immaqdar. Ġesù għex u wettaq il-ministeru tiegħu matul ir-renji taʼ dawn iż-żewġ imperaturi taʼ Ruma. Min kienu? U għala wieħed kien onorat, mentri l-ieħor ma kienx?
“LIL RUMA SABHA TAL-ĠEBEL U ĦALLIEHA TAʼ L-IRĦAM”
Fis-sena 44 Q.E.K. meta Ġulju Ċesari ġie assassinat, Gaju Ottavjanu, in-neputi t’oħtu, kellu biss 18-il sena. Billi kien iben adottat taʼ Ġulju Ċesari u l-werriet persunali u ewlieni tiegħu, iż-żagħżugħ Ottavjanu telaq minnufih lejn Ruma biex jieħu l-wirt tiegħu. Hemmhekk ħabbat wiċċu maʼ opponent formidabbli—il-logutenent ewlieni taʼ Ċesari, Mark Antonju, li ppretenda li kien il-werriet prinċipali. L-intrigu politiku u t-taqbida għall-poter li segwew damu sejrin 13-il sena.
Kien biss wara li għeleb il-qawwiet armati magħqudin tas-Sultana Eġizzjana Kleopatra u l-maħbub tagħha Mark Antonju (fis-sena 31 Q.E.K.) li Ottavjanu ħareġ bħala l-ħakkiem assolut taʼ l-Imperu Ruman. Is-sena taʼ wara, Antonju u Kleopatra kkommettew suwiċidju, u Ottavjanu inkorpora l-Eġittu. B’hekk tneħħiet l-aħħar traċċa taʼ l-Imperu Grieg, u Ruma saret il-qawwa dinjija.
Billi ftakar li l-mod kif Ġulju Ċesari eżerċita l-poter b’tirannija kien wassal biex jiġi assassinat, Ottavjanu qagħad attent biex ma jagħmilx l-istess żball. Sabiex ma joffendix sentimenti Rumani li kienu favur li jkollhom repubblika, ħeba l-monarkija tiegħu taħt libsa repubblikana. Hu rrifjuta
t-titli “sultan” u “dittatur.” Billi mexa pass ieħor ’il quddiem, ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jgħaddi l-kontroll tal-provinċji kollha f’idejn is-Senat Ruman u offra li jirriżenja mill-karigi li kellu. Din it-tattika rnexxiet. Is-Senat, b’apprezzament, ħeġġeġ lil Ottavjanu biex iżomm il-pożizzjonijiet tiegħu u jibqaʼ jikkontrolla xi ftit mill-provinċji.Iżjed minn hekk, fis-16 taʼ Jannar, tas-sena 27 Q.E.K., is-Senat ta lil Ottavjanu t-titlu “Awgustu,” li jfisser “Eżaltat, Sagru.” Ottavjanu mhux talli aċċetta t-titlu imma qabad ukoll xahar u tah isem ġdid, imsemmi għalih, u ssellef jum minn Frar sabiex Awissu jkollu l-istess ammont taʼ ġranet daqs Lulju, ix-xahar imsemmi għal Ġulju Ċesari. Ottavjanu b’hekk sar l-ewwel imperatur taʼ Ruma u wara dan kien magħruf bħala Ċesari Awgustu jew “l-Awgustu.” Iktar tard hu assuma wkoll it-titlu taʼ “pontifex maximus” (qassis il-kbir), u fis-sena 2 Q.E.K.—is-sena li fiha twieled Ġesù—is-Senat tah it-titlu Pater Patriae, “Missier il-Patrija.”
F’dik l-istess sena, “Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. . . . U kulħadd mar jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu.” (Luqa 2:1-3) Bħala riżultat taʼ dan id-digriet, Ġesù twieled f’Betlehem bi twettiq tal-profezija Biblika.—Danjel 11:20; Mikea 5:1 [5:2, NW].
Il-gvern taħt Awgustu kien karatterizzat b’miżura taʼ onestà u sitwazzjoni monetarja stabbli. Awgustu stabbilixxa wkoll sistema postali effettiva u bena toroq u pontijiet. Organizza l-eżerċtu mill-ġdid, ħoloq flotta navali permanenti, u stabbilixxa ġemgħa magħżula taʼ skorta imperjali magħrufa bħala l-Għassa Pretorjana. (Filippin 1:13) Taħt il-patroċinju tiegħu, kittieba bħal Virġilju u Orazju ffjorixxew u skulturi ħolqu xogħlijiet mill-isbaħ f’dak li issa huwa msejjaħ l-istil klassiku. Awgustu lesta bini li tħalla nofs leħja minn Ġulju Ċesari u rrestawra ħafna tempji. Il-Pax Romana (“Paċi Rumana”) li introduċa hu damet iktar minn 200 sena. Fid-19 t’Awissu, tas-sena 14 E.K., fl-età taʼ 76 sena, Awgustu miet u wara dan ġie magħdud maʼ l-allat.
Awgustu ftaħar li “lil Ruma sabha tal-ġebel u ħallieha taʼ l-irħam.” Billi ma riedx li Ruma tmur lura għaż-żmien mimli ġlied tar-repubblika taʼ qabel, hu kellu l-ħsieb li jipprepara lill-imperatur li kien imiss. Imma ma tantx kellu lil min jagħżel bħala suċċessur. Neputih, żewġt itfal tat-tfal, ir-raġel taʼ bintu, u wieħed minn uliedu tar-rispett kienu mietu kollha, u b’hekk kien baqaʼ biss Tiberju, ibnu tar-rispett, biex jieħu r-riedni f’idejh.
IL-“WIEĦED . . . TAʼ MIN IMAQDRU”
Inqas minn xahar wara l-mewt taʼ Awgustu, is-Senat Ruman innomina bħala imperatur lil Tiberju li kellu 54 sena. Tiberju għex u ħakem sa Marzu tas-sena 37 E.K. Għaldaqstant, hu kien l-imperatur taʼ Ruma matul il-ministeru pubbliku taʼ Ġesù.
Bħala imperatur, Tiberju kellu kemm virtujiet kif ukoll vizzji. Waħda mill-virtujiet tiegħu kienet li ma riedx jonfoq flus fuq affarijiet lussużi. Bħala riżultat, l-imperu pprospera u hu kellu l-fondi biex jassisti fl-irkuprar minn diżastri u żminijiet koroh. Għall-kredtu tiegħu, Tiberju qies lilu nnifsu bħala sempliċi bniedem, irrifjuta ħafna titli onorarji, u b’mod ġenerali dawwar il-qima taʼ l-imperatur lejn Awgustu minflok lejh persunali. Hu ma qabadx xi xahar mill-kalendarju u semmieh għal ismu bħalma kienu għamlu Awgustu u Ġulju Ċesari, u lanqas ma ppermetta li ħaddieħor jonorah b’dan il-mod.
Madankollu, il-vizzji taʼ Tiberju kienu jisbqu l-virtujiet tiegħu. Kien estremament suspettuż u ipokrita meta kien jittratta maʼ ħaddieħor, u r-renju tiegħu kien mimli qtil taħt ordni—billi ħafna minn dawk li qabel kienu ħbiebu ġew magħdudin fost il-vittmi. Hu estenda l-liġi tal-lèse-majesté (maestà feruta) biex tinkludi sempliċi kliem libelluż kontra l-persuna tiegħu stess, minbarra atti sedizzjużi. X’aktarx kien bis-saħħa taʼ din il-liġi li l-Lhud ippressaw lill-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu biex Ġesù jingħata l-mewt.—Ġwann 19:12-16.
Tiberju poġġa l-Għassa Pretorjana fil-viċinanza taʼ Ruma billi bena kwartieri fortifikati fit-tramuntana tas-swar tal-belt. Il-preżenza taʼ l-Għassa intimidat lis-Senat Ruman, li kien taʼ theddid għall-poter tiegħu, u rażżnet kull nuqqas taʼ dixxiplina fost il-poplu. Tiberju inkuraġġixxa wkoll is-sistema taʼ l-ispjuni, u l-aħħar parti tal-ħakma tiegħu kienet karatterizzata bit-terrur.
Sa dakinhar li miet, Tiberju kien kunsidrat li kien tirann. Meta miet, ir-Rumani ħadu pjaċir u s-Senat ma riedx jgħoddu maʼ l-allat. Għal dawn ir-raġunijiet u oħrajn, f’Tiberju naraw twettiq tal-profezija li tgħid li “wieħed . . . taʼ min imaqdru” kellu jqum bħala s-“sultan tat-tramuntana.”—Danjel 11:15, 21.
X’INNOTAJT?
• Ottavjanu kif sar l-ewwel imperatur taʼ Ruma?
• X’jistaʼ jingħad dwar dak li wettaq il-gvern taʼ Awgustu?
• X’kienu l-virtujiet u l-vizzji taʼ Tiberju?
• Il-profezija dwar il-“wieħed . . . taʼ min imaqdru” kif twettqet f’Tiberju?
[Stampa]
Tiberju
[Kaxxa/Stampi f’paġna 252-255]
ŻENOBJA—IS-SULTANA GWERRIERA TAʼ PALMIRA
“IL-ĠILDA tagħha kienet skura . . . Snienha kienu bojod daqs il-perli, u għajnejha suwed, kbar u jleqqu bi ġmiel mhux tas-soltu, imżewqin bi ħlewwa l-iktar attraenti. Leħinha kien sod u armonjuż. Il-fehma qawwija tagħha kienet imsaħħa u mżejna bl-istudju. Kienet midħla taʼ l-ilsien Latin, imma l-Grieg, is-Sirjak, u l-Eġizzjan kienu tliet lingwi li kienet tafhom b’mod perfett.” Kien b’dan il-mod li l-istorjografu Edward Gibbon faħħar lil Żenobja—is-sultana gwerriera tal-belt Sirjana taʼ Palmira.
Ir-raġel taʼ Żenobja kien Odenatu, nobbli minn Palmira, li fis-sena 258 E.K. kien premjat bil-pożizzjoni taʼ konslu taʼ Ruma minħabba li kellu suċċess fil-kampanja kontra l-Persja għan-nom taʼ l-Imperu Ruman. Sentejn wara, Odenatu rċieva mingħand l-Imperatur Ruman Galljenu t-titlu taʼ corrector totius Orientis (gvernatur tal-Lvant kollu). Dan sar bħala rikonoxximent għar-rebħa tiegħu fuq is-Sultan Sapur I tal-Persja. Eventwalment Odenatu ta lilu nnifsu t-titlu taʼ “sultan tas-slaten.” Dawn is-suċċessi taʼ Odenatu jistgħu jiġu attribwiti fil-parti l-kbira għall-kuraġġ u l-prudenza taʼ Żenobja.
ŻENOBJA TASPIRA LI TOĦLOQ IMPERU
Fis-sena 267 E.K., fl-aqwa tal-karriera tiegħu, Odenatu u l-eredi tiegħu ġew assassinati. Żenobja ħadet post żewġha, ladarba binha kien għadu żgħir wisq biex jagħmel hekk. Billi kienet sabiħa, ambizzjuża, amministratriċi kapaċi, imdorrija torganizza kampanji maʼ żewġha, u fluwenti f’diversi lingwi, hi rnexxielha tirbaħ ir-rispett u l-appoġġ tas-sudditi tagħha. Żenobja kienet tħobb it-tagħlim u ġabret madwarha nies intellettwali. Wieħed mill-konsulenti tagħha kien il-filosfu u l-oratur Kassju Lonġinu—li jingħad li kien “librerija ħajja u mużew bis-saqajn.” Fil-ktieb Palmyra and Its Empire—Zenobia’s Revolt Against Rome, l-awtur Richard Stoneman jinnota: “Matul il-ħames snin taʼ wara l-mewt taʼ Odenatu . . . , Żenobja kienet stabbiliet ruħha fl-imħuħ tal-poplu tagħha bħala l-padruna tal-Lvant.”
Fuq naħa waħda tad-dominju taʼ Żenobja kien hemm il-Persja, li hi u żewġha kienu dgħajfu, u fuq in-naħa l-oħra kien hemm Ruma, li kienet qabdet it-triq tan-niżla. Rigward il-kundizzjonijiet f’dak iż-żmien ġewwa l-Imperu Ruman, l-istorjografu J. M. Roberts jgħid: “It-tielet seklu kien . . . żmien terribbli għal Ruma kemm fuq il-fruntieri tal-lvant kif ukoll tal-punent, waqt li f’Ruma stess kien beda perijodu ġdid taʼ gwerra ċivili u suċċessjonijiet kontroversjali. Tnejn u għoxrin imperatur (minbarra l-pretendenti) laħqu u spiċċaw.” Mill-banda l-oħra, il-padruna Sirjana kienet monarka assoluta u stabbilita tajjeb fir-renju tagħha. “Billi kkontrollat il-bilanċ taʼ żewġ imperi [dak Persjan u dak Ruman],” josserva Stoneman, “hi setgħet taspira li toħloq it-tielet wieħed li kien se jiddomina t-tnejn li huma.”
Fis-sena 269 E.K., Żenobja ġietha opportunità biex tkabbar il-poteri rjali tagħha meta fl-Eġittu tfaċċa pretendent li argumenta kontra l-ħakma Rumana. L-eżerċtu taʼ Żenobja mmarċja bil-ħeffa lejn l-Eġittu, farrak lil dan ir-ribell, u ħa l-pajjiż taħt idejh. Billi pproklamat lilha nfisha bħala s-sultana taʼ l-Eġittu, hi ħarġet muniti f’isimha stess. Is-saltna tagħha issa kienet tinfirex mix-xmara Nil sax-xmara Ewfrat. Kien f’dan il-punt f’ħajjitha li Żenobja bdiet tokkupa l-pożizzjoni tas-“sultan tan-nofsinhar.”—Danjel 11:25, 26.
IL-BELT KAPITALI TAʼ ŻENOBJA
Żenobja saħħet u sebbħet il-kapitali tagħha, Palmira, b’tali manjiera li din kienet tħabbatha mal-bliet tad-dinja Rumana li kienu akbar. Huwa stmat li l-popolazzjoni tagħha laħqet bejn wieħed u ieħor iktar minn 150,000. Bini pubbliku, tempji, ġonna, kolonni, u monumenti, kollha mill-isbaħ, imlew lil Palmira, belt ċirkondata bi swar li jingħad li kellhom ċirkonferenza taʼ 21 kilometru. Filliera kolonni Korintin għoljin iktar minn 15-il metru—madwar 1,500 waħda—żejnu l-ġnub tal-vjal prinċipali. Statwi u busti taʼ eroj u taʼ benefatturi għonja kienu kotrana fil-belt. Fis-sena 271 E.K., Żenobja waqqfet statwi tagħha nfisha u taʼ żewġha li kien mejjet.
It-Tempju tax-Xemx kien wieħed mill-isbaħ bini f’Palmira u bla dubju ddomina x-xena reliġjuża fil-belt. Jistaʼ jkun li Żenobja nfisha għandha mnejn qiemet lil xi alla assoċjat maʼ l-alla-xemx. Madankollu, is-Sirja tat-tielet seklu kienet pajjiż mimli reliġjonijiet differenti. Fid-dominju taʼ Żenobja kien hemm Kristjani taʼ l-isem, Lhud, u adoraturi tax-xemx u tal-qamar. X’kienet l-attitudni tagħha lejn dawn id-diversi forom taʼ qima? L-awtur Stoneman josserva: “Ħakkiema għaqlija ma tittraskura ebda drawwa li tidher addattata għall-poplu tagħha. . . . L-allat, kien . . . ittamat, kienu nġabu flimkien fuq in-naħa taʼ Palmira.” Milli jidher, Żenobja kienet tittollerahom ir-reliġjonijiet l-oħrajn.
Bil-personalità tagħha li tiġbdek, Żenobja rebħet l-ammirazzjoni taʼ ħafna. L-irwol tagħha f’li tirrappreżenta entità politika mbassra fil-profezija taʼ Danjel kien taʼ l-akbar sinjifikat. Madankollu, ir-renju tagħha ma damx iktar minn ħames snin. L-Imperatur Ruman Awreljanu għeleb lil Żenobja fis-sena 272 E.K. u sussegwentement ħarbat lil Palmira b’tali manjiera li ma setgħetx tissewwa. Żenobja ngħatat il-klemenza. Jingħad li hi żżewġet lil senatur Ruman u x’aktarx li qattgħet il-bqija taʼ ħajjitha rtirata.
X’INNOTAJT?
• Kif ġiet deskritta l-personalità taʼ Żenobja?
• X’kienu xi ftit mill-bravuri taʼ Żenobja?
• X’kienet l-attitudni taʼ Żenobja lejn ir-reliġjon?
[Stampa]
Is-Sultana Żenobja tindirizza lis-suldati tagħha
[Tabella/Stampi f’paġna 246]
SLATEN F’DANJEL 11:20-26
Is-Sultan Is-Sultan
tat-Tramuntana tan-Nofsinhar
Danjel 11:20 Awgustu
Danjel 11:21-24 Tiberju
Danjel 11:25, 26 Awreljanu Is-Sultana Żenobja
Il-kollass L-Imperu Il-Britannja,
imbassar taʼ Ġermaniku segwita mill-
l-Imperu Ruman Qawwa Dinjija
iwassal għall- Anglo-Amerikana
formazzjoni taʼ
[Stampa]
Tiberju
[Stampa]
Awreljanu
[Stampa]
Statwetta taʼ Karlu Manju
[Stampa]
Awgustu
[Stampa]
Bastiment tal-gwerra Britanniku tas-seklu 17
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 230]
[Stampa f’paġna 233]
Awgustu
[Stampa f’paġna 234]
Tiberju
[Stampa f’paġna 235]
Minħabba d-digriet taʼ Awgustu, Ġużeppi u Marija vvjaġġaw lejn Betlehem
[Stampa f’paġna 235]
Bħalma tbassar, Ġesù ‘tfarrak’ fil-mewt
[Stampi f’paġna 245]
1. Karlu Manju 2. Napuljun I 3. Guliermu I 4. Suldati Ġermaniżi, l-Ewwel Gwerra Dinjija