Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
ŻAGĦŻUGĦA li ma kienx jinteressaha f’Alla u kellha xogħol tajjeb, kif sabet skop veru fil-ħajja? Żagħżugħ Kattoliku x’tgħallem dwar il-mewt li biddlitlu ħajtu? U żagħżugħ li kien imdejjaq b’ħajtu, x’tgħallem dwar Alla li ġiegħlu jsir Kristjan? Aqra x’qalu dawn in-nies.
“Għal Ħafna Snin Saqsejt, ‘Għala Qegħdin Hawn?’”—ROSALIND JOHN
SENA TAT-TWELID: 1963
POST TAT-TWELID: L-INGILTERRA
PASSAT: KELLI KARRIERA TAJBA
IL-PASSAT TIEGĦI:
Jien twilidt fi Croydon, fin-naħa t’Isfel taʼ Londra. Fil-familja qegħdin disat itfal u jien is-sitt waħda. Il-ġenituri tiegħi huma minn St. Vincent, gżira fil-Karibew. Ommi kienet tmur il-knisja Metodista. Jien ma kelli l-ebda interess li nitgħallem dwar Alla, imma kont nieħu pjaċir nistudja u nitgħallem affarijiet ġodda. Fil-vaganzi tal-iskola, kont nissellef il-kotba mil-librerija u kont noqgħod naqrahom fil-kampanja.
Xi snin wara li tlaqt mill-iskola, iddeċidejt li xtaqt ngħin lin-nies fil-bżonn. Bdejt naħdem ma’ nies li ma kellhomx fejn joqogħdu u m’oħrajn b’diżabbiltà. Imbagħad ħadt kors l-università fil-healthcare. Wara li ggradwajt, kelli ħafna xogħlijiet tajbin u stajt nonfoq ħafna flus. Xogħli kien li nagħti l-pariri, allura kulma kelli bżonn biex naħdem kien il-laptop u l-Internet. B’hekk, kont insiefer ħafna u nagħmel xi ħmistax f’hotels sbieħ. Ħsibt li kelli ħajja tal-ġenn. Imma dejjem kont naħseb dwar in-nies li għandhom ħajja diffiċli.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Dejjem kont naħseb, ‘Għala qegħdin hawn?’ Imma qatt ma pprovajt infittex it-tweġiba fil-Bibbja. Oħti ż-żgħira, Margaret, kienet saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Fl-1999, ġiet għandi mal-ħabiba tagħha li kienet Xhud u hi wriet interess fija. Mingħajr ma kont naf bdejt nistudja l-Bibbja mal-ħabiba t’oħti. Imma minħabba l-karriera tiegħi u l-ħajja li kont ngħix ma tantx għamilt progress.
Fis-sajf tal-2002, mort noqgħod f’post ieħor fl-Ingilterra. Hemmhekk, erġajt mort l-università biex inġib degree oħra. Bdejt immur il-laqgħat iktar regulari mat-tifel tiegħi. Kont nieħu pjaċir nistudja l-università, imma jien u nistudja l-Bibbja fhimt għala hawn il-problemi fid-dinja u kif se jissolvew. Mattew 6:24 jgħid li ma tistax tkun ilsir taʼ żewġ sidien, jew se taqdi lil Alla jew il-flus. Dan beda jagħmel iktar sens għalija. Kont naf li issa kelli niddeċiedi x’kien l-iktar importanti f’ħajti.
Sena qabel, kont immur nistudja l-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? * maʼ grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova. Jien kont konvinta li l-Ħallieq tagħna, Ġeħova, biss għandu s-soluzzjoni għall-problemi li għandna. Imma fl-università bdew jgħallmuna li m’għandniex bżonn lil Alla f’ħajjitna. Dan irrabjani ħafna. Allura, xahrejn wara ddeċidejt li nieqaf mill-università u nuża l-ħin tiegħi biex insir naf iżjed lil Alla.
Il-versi fi Proverbji 3:5, 6 vera għenuni: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq fehmtek stess. Agħti kasu fil-mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” Dak li tgħallimt dwar Alla għamilni iktar ferħana mill-flus u x-xogħol. Iktar ma tgħallimt dwar l-iskop taʼ Ġeħova għall-art u dwar għala Ġesù miet għalina, iktar ridt niddedika lili nnifsi lill-Ħallieq u tgħammidt f’April tal-2003. Imbagħad, komplejt nagħmel iktar bidliet f’ħajti biex ikolli iktar ħin għal Alla.
KIF IBBENEFIKAJT:
M’hemm xejn iktar importanti mill-ħbiberija tiegħi ma’ Ġeħova. Issa li sirt nafu, inħossni iktar ferħana u fil-paċi. Jiena ferħana wkoll li għandi ħbieb li jħobbu lil Ġeħova.
Jiena għadni nħobb nitgħallem mill-Bibbja u mil-laqgħat Kristjani. Nieħu pjaċir ukoll naqsam dak li nitgħallem m’oħrajn. Dan sar l-iktar ħaġa importanti f’ħajti, għax b’hekk nistaʼ ngħin lin-nies igawdu ħajja aħjar issa u jkollhom tama sabiħa għall-futur. Ili pijuniera minn Ġunju tal-2008, u qatt ma kont daqshekk kuntenta f’ħajti. Jien vera grata li Ġeħova wrieni x’inhu l-iskop veru tal-ħajja.
“Ħadtha bi Kbira Meta Miet il-Ħabib Tiegħi.”—ROMAN IRNESBERGER
SENA TAT-TWELID: 1973
POST TAT-TWELID: L-AWSTRIJA
PASSAT: NILGĦAB IL-FLUS
IL-PASSAT TIEGĦI:
Jien trabbejt fir-raħal żgħir ta’ Braunau, l-Awstrija. In-nies t’hemm kienu sinjuri u ma kienx hemm ħafna kriminalità. Jien u l-familja tiegħi konna Kattoliċi.
Meta kont għadni żgħir, ġrat xi ħaġa li effettwatni ħafna. Fl-1984, meta kelli madwar 11-il sena, niftakar kont qed nilgħab il-futbol ma’ wieħed mill-ħbieb tiegħi. Imma dakinhar stess, hu miet f’inċident tat-traffiku. Ħadtha bi kbira meta miet. Wara dak l-aċċident, dejjem kont naħseb x’jiġri wara li mmutu.
Meta tlaqt mill-iskola, ħdimt bħala elektrixin. Bdejt nilgħab ħafna flus, imma ma kellix problemi finanzjarji. Ukoll, qattajt ħafna ħin fl-isports u anki saret togħġobni l-mużika heavy metal u punk rock. Kont nieħu pjaċir immur il-clubs u l-parties. Dejjem kont nara x’se nivvinta biex inkun ferħan u kont ngħix ħajja immorali, imma ma kontx kuntent.
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Fl-1995, wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova ħabbatli l-bieb. Hu offrieli ktieb li jwieġeb mill-Bibbja, X’jiġri wara l-mewt? Kont għadni effettwat mill-mewt tal-ħabib tiegħi, allura ħadt il-ktieb. Jien ma qrajtx biss il-kapitlu dwar il-mewt, imma l-ktieb kollu!
Dak li qrajt wiġibli l-mistoqsijiet li kelli dwar il-mewt. Imma tgħallimt ħafna iktar minn hekk. Peress li trabbejt Kattoliku, għalija Ġesù kien iktar importanti minn Alla. Imma l-istudju tal-Bibbja għenni biex ikolli ħbiberija mill-qrib m’Alla Ġeħova, Missier Ġesù. Kont vera ferħan meta tgħallimt li Ġeħova jimpurtah minna u jridna nsiru nafuh. (Mattew 7:7-11) Tgħallimt li dak li nagħmel jistaʼ jferraħ jew idejjaq lil Ġeħova, u li hu dejjem iżomm il-wegħdi tiegħu. Allura bdejt ninteressa ruħi fil-profeziji tal-Bibbja u ridt nistudja kif twettqu ftit minnhom. Dak li tgħallimt saħħaħli l-fidi tiegħi f’Alla.
Jien irrealizzajt li x-Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-unika nies li vera jridu jgħinu lil oħrajn jifhmu l-Bibbja. Meta rajt il-versi tal-Bibbja fil-pubblikazzjonijiet tagħhom, fittixthom fil-Bibbja tiegħi. Iktar ma fittixt, iktar indunajt li sibt il-verità.
Jien u nistudja l-Bibbja tgħallimt li Ġeħova jridni nobdi l-liġijiet tiegħu. Minn Efesin 4:22-24, rajt li kelli bżonn inneħħi “l-personalità l-qadima,” taʼ kif ‘kont inġib ruħi qabel,’ u kelli ‘nilbes il-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ Għalhekk, ma bqajtx ngħix ħajja immorali. Tgħallimt ukoll li kelli nieqaf nilgħab il-flus għax dan iġiegħel in-nies iħobbu l-flus. (1 Korintin 6:9, 10) Jien kont naf li biex nagħmel dawn il-bidliet kelli nieqaf nagħmilha mal-ħbieb li kelli qabel u nagħmel ħbieb ġodda li riedu jogħġbu lil Alla.
Ma kienx faċli biex nagħmel dawn il-bidliet. Imma bdejt nattendi l-laqgħat max-Xhieda taʼ Ġeħova u bdejt nagħmel ħbieb ġodda. Ukoll, kont nistudja l-Bibbja waħdi. Dawn l-affarijiet għenuni nbiddel it-tip taʼ mużika li kont nismaʼ, x’ridt nagħmel b’ħajti, u kif kont nilbes. Fl-1995, tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
KIF IBBENEFIKAJT:
Issa l-flus m’għadhomx importanti għalija daqskemm kienu qabel. Qabel kont nirrabja malajr ħafna, imma issa iktar kalm. Ukoll, m’għadnix ninkwieta daqshekk fuq il-futur.
Jien kuntent li nagħmel parti minn grupp taʼ nies mad-dinja kollha li jaqdu lil Ġeħova. Minkejja li għandhom il-problemi xorta jaqdu lil Alla b’lealtà. Ferħan ħafna li issa ma nużax il-ħin u l-enerġija għalija biss, imma wkoll biex naqdi lil Ġeħova u ngħin lil oħrajn.
“Issa Għandi Ħajja Ferħana.”—IAN KING
SENA TAT-TWELID: 1963
POST TAT-TWELID: L-INGILTERRA
PASSAT: MA KONTX KUNTENT B’ĦAJTI
IL-PASSAT TIEGĦI:
Jien twelidt l-Ingilterra, imma meta kelli seba’ snin, il-familja tiegħi marret toqgħod l-Awstralja. Morna noqogħdu l-Gold Coast, post turistiku. Aħna ma konniex sinjuri imma qatt ma naqasna xejn.
Għalkemm kelli kollox meta kont tifel, qatt ma kont vera ferħan. Missieri kien jixrob ħafna. Minħabba x-xorb u kif kien jittratta lil ommi, ma tantx kont inħobbu. Imma meta kont żagħżugħ stajt nifhem għala kien jagħmel hekk. Sirt naf minn xiex għadda bħala suldat fil-Malasja.
Fis-sekondarja bdejt nixrob. Meta kelli 16, tlaqt mill-iskola u dħalt fin-navy. Bdejt inpejjep u nieħu d-drogi. Iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar bdejt nixrob. Fil-bidu kont nixrob l-alkoħol fil-weekends biss, imma mbagħad spiċċajt nixrob kuljum.
Meta kelli kważi 20 sena, bdejt niddubita jekk Alla jeżistix. Kont naħseb, ‘Jekk Alla jeżisti, għala jħalli lin-nies ibatu u jmutu?’ Bdejt anki nikteb poeżiji, li fihom kont inwaħħal f’Alla għall-ħażen li hawn fid-dinja.
Meta kelli 23 sena, tlaqt min-navy u bdejt nagħmel xogħlijiet differenti. Anki sifirt għal sena, imma ma bdejtx inħossni aħjar. Ma kontx naf xi rrid f’ħajti. L-idea li tixtri dar u jkollok xogħol u karriera ma kinitx tagħmel sens għalija. L-unika ħaġa li kienet tgħinni nħossni aħjar kienet li nixrob l-alkoħol u nismaʼ l-mużika.
Niftakar meta vera xtaqt nifhem għala qegħdin ngħixu. Kont il-Polonja fil-kamp tal-konċentrament f’Auschwitz. Kont qrajt dwar l-affarijiet koroh li ġraw hemmhekk. Imma meta kont hemm u rajt kemm kien kbir il-kamp, ħassejtni ħażin. Ma stajtx nifhem kif in-nies setgħu jkunu daqshekk kattivi ma’ nies oħra. Niftakarni nimxi madwar il-kamp bid-dmugħ f’għajnejja u nsaqsi, ‘Dan għala ġara?’
KIF IL-BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:
Fl-1993, mort lura l-Awstralja u bdejt naqra l-Bibbja biex insib it-tweġibiet. Ftit wara, tnejn mix-Xhieda ta’ Ġeħova ħabbtuli l-bieb u stidnuni mmur konvenzjoni fi stejdjum viċin u ddeċidejt li mmur.
Ftit xhur qabel kont mort ġo dan l-istejdjum biex nara logħba. Imma l-atmosfera waqt il-konvenzjoni kienet differenti ħafna. Ix-Xhieda kienu edukati u lebsin pulit, u t-tfal tagħhom ġabu ruħhom sew. Bqajt impressjonat b’dak li rajt waqt il-brejk taʼ nofsinhar. Mijiet taʼ Xhieda marru jieklu fuq il-ħaxix, u meta marru lura f’posthom ma ħallewx ħmieġ warajhom! Imma l-iżjed ħaġa li impressjonatni kienet li dawn in-nies kienu jidhru kuntenti u ferħanin, xi ħaġa li jien vera xtaqt. It-taħditiet ma niftakarhomx, imma bqajt niftakar kif ġabu ruħhom.
Il-kuġin tiegħi kien qara l-Bibbja u studja reliġjonijiet differenti. Dakinhar filgħaxija ftakart x’kien qalli. Kien urieni li Ġesù qal li se nkunu nafu liema hi r-reliġjon vera mill-mod kif in-nies tagħha jġibu ruħhom. (Mattew 7:15-20) Allura ddeċidejt li nsir naf għala x-Xhieda taʼ Ġeħova huma daqshekk differenti. Għall-ewwel darba ħassejt li nistaʼ nkun ferħan.
Il-ġimgħa taʼ wara, iż-żewġt irġiel li kienu stidnuni għall-konvenzjoni reġgħu ġew. Offrewli studju tal-Bibbja u jien aċċettajt. Ukoll, bdejt nattendi l-laqgħat magħhom.
Jien u nistudja l-Bibbja, lil Alla bdejt narah differenti. Tgħallimt li mhux hu jġib it-tbatija u l-affarijiet ħżiena. Ukoll, li hu jweġġaʼ meta n-nies jagħmlu affarijiet ħżiena. (Ġenesi 6:6; Salm 78:40, 41) Iddeċidejt li nagħmel l-aħjar li nistaʼ biex ma nweġġax lil Ġeħova u nagħmlu ferħan. (Proverbji 27:11) Waqaft nixrob, inpejjep, u ma bqajtx ngħix ħajja immorali. F’Marzu tal-1994, tgħammidt u sirt wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
KIF IBBENEFIKAJT:
Issa nħossni vera ferħan. M’għadnix nixrob biex insolvi l-problemi tiegħi. Minflok, tgħallimt nistrieħ fuq Ġeħova meta jkolli l-problemi.—Salm 55:22.
Ili miżżewweġ għaxar snin lil Karen, u hi għandha tifla jisimha Nella. It-tlieta li aħna naqdu lil Ġeħova u nieħdu pjaċir ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwaru. Issa nħoss li għandi ħajja ferħana.
^ Ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.