Talba taʼ Ndiema
Kapitlu Ħamsa u Għoxrin
Talba taʼ Ndiema
Isaija 63:15–64:11 [63:15–64:12, NW]
1, 2. (a) X’inhu l-iskop tad-dixxiplina divina? (b) Il-Lhud liema għażla se jkollhom quddiemhom wara li jirċievu d-dixxiplina taʼ Jehovah?
IL-QERDA taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha fis-sena 607 Q.E.K. kienet dixxiplina mingħand Jehovah, espressjoni tad-diżapprovazzjoni estrema tiegħu. Il-ġens diżubbidjenti taʼ Ġuda kien jistħoqqlu dan il-kastig aħrax. Madankollu, Jehovah ma kellux f’moħħu li l-Lhud jinqerdu għalkollox. L-appostlu Pawlu rrefera għall-iskop tad-dixxiplina taʼ Jehovah meta qal: “Tassew li bħalissa kull [“dixxiplina,” NW] ma tferraħniex, imma tnikkitna; iżda mbagħad, lil dawk li jkunu tħarrġu biha, hija troddilhom il-frott taʼ ħajja mimlija bis-sliem u l-ġustizzja.”—Lhud 12:11.
2 Il-Lhud kif se jirreaġixxu għal din l-esperjenza iebsa? Se jobogħduha d-dixxiplina taʼ Jehovah? (Salm 50:16, 17) Jew se jaċċettawha bħala taħriġ? Se jindmu huma u jitfejqu? (Isaija 57:18; Eżekjel 18:23) Il-profezija taʼ Isaija tissuġġerixxi li għall-inqas ftit minn dawk li qabel kienu jgħixu f’Ġuda se jwieġbu sew għad-dixxiplina. Mill-aħħar versi taʼ kapitlu 63 u jkompli f’kapitlu 64, il-ġens taʼ Ġuda jiġi rappreżentat bħala poplu sogħbien li jersaq lejn Jehovah bi tħannin mill-qalb. Il-profeta Isaija jlissen talba taʼ ndiema għan-nom tan-nies taʼ pajjiżu meta fil-futur ikunu fl-eżilju. Waqt li jagħmel dan, hu jitkellem dwar ġrajjiet li ġejjin bħallikieku kienu qegħdin iseħħu dak il-ħin stess.
Missier li Jagħder
3. (a) It-talba profetika taʼ Isaija kif tgħolli u tfaħħar lil Jehovah? (b) It-talba taʼ Danjel kif turi li t-talba profetika taʼ Isaija tirrappreżenta l-ħsibijiet tal-Lhud li nidmu f’Babilonja? (Ara l-kaxxa f’paġna 362.)
3 Isaija jitlob lil Jehovah: “Ħares mis-sema u ara, ħares mill-għamara mqaddsa u glorjuża tiegħek.” Il-profeta qed jitkellem dwar is-smewwiet spiritwali, fejn jgħammru Jehovah u l-ħlejjaq spirti tiegħu li ma jidhrux. Waqt li jesprimi l-ħsibijiet tal-Lhud fl-eżilju, Isaija jkompli: “Fejn hi l-ħeġġa u l-qawwa tiegħek? Fejn hi l-ħerqa u l-ħniena taʼ qalbek? Tonqosx mill-ħniena tiegħek għalina.” (Isaija 63:15) Jehovah żamm lura l-qawwa tiegħu u kkontrolla s-sentimenti profondi tiegħu—‘il-ħerqa u l-ħniena taʼ qalbu’—lejn il-poplu tiegħu. Madankollu, Jehovah hu ‘Missier’ il-ġens Lhudi. Abraham u Iżrael (Ġakobb) kienu l-missirijiet tal-qedem u naturali tagħhom, imma kieku dawn kellhom jerġgħu jingħataw il-ħajja, għandhom mnejn iħossu li għandhom jiċħdu lin-nisel apostat tagħhom. Jehovah għandu mogħdrija akbar. (Salm 27:10) Isaija jgħid bi gratitudni: “Int, Mulej, missierna, ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem.”—Isaija 63:16.
4, 5. (a) Jehovah f’liema sens iġiegħel lin-nies tiegħu jwarrbu minn triqatu? (b) Jehovah x’tip taʼ qima jrid?
4 Isaija jkompli b’espressjoni mill-qalb: “Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek, u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek? Erġaʼ lura, minħabba l-qaddejja tiegħek, it-tribujiet li huma wirtek.” (Isaija 63:17) Iva, Isaija jitlob li Jehovah jerġaʼ jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-qaddejja tiegħu. Iżda Jehovah f’liema sens iġiegħel lil-Lhud iwarrbu minn triqatu? Hu Jehovah responsabbli għall-ebusija taʼ qlubhom li twassalhom biex ma jibżgħux minnu? Le, imma jippermettiha, u fid-disprament tagħhom il-Lhud jilmentaw li Jehovah tahom din il-libertà. (Eżodu 4:21; Neħemija 9:16) Huma jixtiequ li kieku Jehovah ndaħal biex ma jħallihomx jagħmlu l-ħażen.
5 M’għandniex xi ngħidu, Alla ma jittrattax hekk mal-bnedmin. Aħna għandna l-libertà taʼ l-għażla, u Jehovah jħallina niddeċiedu għalina nfusna jekk nobduhx jew le. (Dewteronomju 30:15-19) Jehovah jrid qima li tiġi minn qlub u mħuħ imqanqlin minn imħabba ġenwina. Għaldaqstant, lil-Lhud ħalliehom jeżerċitaw il-libertà taʼ l-għażla tagħhom, avolja dan ippermettielhom li jirribellaw kontrih. Huwa b’dan il-mod li hu webbes lil qlubhom.—2 Kronaki 36:14-21.
6, 7. (a) X’jirriżulta mill-fatt li l-Lhud jitilqu t-triqat taʼ Jehovah? (b) Liema xewqa fiergħa tiġi espressa, imma l-Lhud x’m’għandhomx id-dritt jistennew?
6 X’inhu r-riżultat? Isaija jgħid b’mod profetiku: “[“Il-poplu tal-qdusija tiegħek kellu s-santwarju għal ftit,” “KŻ”]. Għaliex rifsu l-ħżiena fis-santwarju tiegħek, u l-għedewwa tagħna middu riġlejhom fit-tempju tiegħek? Sirna bħall-ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom, u lanqas ismek ma jissejjaħ fuqhom.” (Isaija 63:18, 19a [63:18, 19, “NW”]) Għal ftit, in-nies taʼ Jehovah kellhom il-pussess tas-santwarju tiegħu. Imbagħad Jehovah ppermetta li dan jinqered u l-ġens Tiegħu jittieħed fl-eżilju. Meta ġara dan, kien bħallikieku ma kienx hemm patt bejnu u n-nisel t’Abraham u bħallikieku ismu ma kienx issejjaħ fuqhom. Issa li kienu lsiera f’Babilonja, il-Lhud jgħajtu ddisprati: “M’hux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm, u jitheżhżu l-muntanji quddiemek! Bħalma n-nar iqabbad il-ħatab, bħalma n-nar jgħalli l-ilma; hekk tgħarraf ismek lill-għedewwa tiegħek, u l-ġnus jitriegħdu quddiemek.” (Isaija 63:19b–64:1 [Is 64:1, 2, “NW”]) Jehovah tabilħaqq li għandu l-qawwa biex isalvahom. Hu ċertament li setaʼ niżel u ġġieled għan-nies tiegħu, billi jċarrat is-sistemi governattivi li qishom smewwiet u jfarrak l-imperi li qishom muntanji. Jehovah setaʼ għarraf ismu billi juri ż-żelu jaħraq tiegħu għan-nom tal-poplu tiegħu.
7 Jehovah kien għamel affarijiet bħal dawn fl-imgħoddi. Isaija jirrakkonta: “Meta int għamilt ħwejjeġ tal-biżaʼ, li aħna ma konniex nistennewhom, int inżilt, u l-muntanji triegħdu quddiem il-preżenza tiegħek.” (Isaija 64:3, “KŻ”) Dawn l-atti kbar urew il-qawwa u d-Divinità taʼ Jehovah. Madankollu, il-Lhud infidili taʼ żmien Isaija m’għandhom ebda dritt jistennew li Jehovah jaġixxi b’dan il-mod għall-benefiċċju tagħhom.
Jehovah Biss Jistaʼ Jsalvahom
8. (a) Liema hu mod wieħed kif Jehovah hu differenti mill-allat foloz tal-ġnus? (b) Jehovah għala ma jaġixxix biex isalva lin-nies tiegħu għalkemm hu kapaċi jagħmel dan? (ċ) Pawlu kif jikkwota u japplika Isaija 64:2b, 3 [64:4, NW]? (Ara l-kaxxa f’paġna 366.)
8 L-allat foloz ma jwettqux atti setgħana taʼ salvazzjoni għall-adoraturi tagħhom. Jikteb Isaija: “Sa mill-qedem qatt ma smajna bihom! Widna qatt ma semgħet, għajn qatt ma rat Alla bħalek, Alla li jħabrek għal min jittama fih. Int tilqaʼ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ, lil dawk li jiftakru fi triqatek.” (Isaija 64:2b-4a [64:4, 5a, “NW”]) Jehovah biss “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Hu jaġixxi biex jipproteġi lil dawk li jagħmlu s-sewwa u lil dawk li jiftakruh. (Isaija 30:18) Aġixxew il-Lhud b’dan il-mod? Le. Isaija jgħid lil Jehovah: “Ara! Int kont mgħaddab għalina, u aħna dnibna. Domna fi dnubna, u kontrik qomna għal ħafna żmien.” (Isaija 64:4b [64:5b, “NW”]) Peress li n-nies t’Alla għandhom storja twila dwar kif dinbu kontinwament, m’hemm ebda raġuni għala Jehovah għandu jżomm lura għadbu u jaġixxi biex isalvahom.
9. Il-Lhud li jindmu għalxiex jistgħu jittamaw, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
9 Il-Lhud ma jistgħux jikkanċellaw il-passat, imma jekk jindmu u jirritornaw lejn il-qima safja, jistgħu jittamaw għall-maħfra u ħafna barkiet fil-futur. Fiż-żmien stabbilit minnu, Jehovah se jippremja lil dawk li jindmu billi jeħlishom mill-jasar f’Babilonja. Xorta waħda, jeħtieġ li jieħdu paċenzja. Minkejja li nidmu, Jehovah mhux se jbiddel l-iskeda tiegħu. Madankollu, jekk joqogħdu attenti u jwieġbu għar-rieda taʼ Jehovah jiġu assigurati li maż-żmien se jiġu meħlusin. B’mod simili, il-Kristjani llum jistennew bil-paċenzja lil Jehovah. (2 Pietru 3:11, 12) Aħna ndaħħlu f’qalbna l-kliem taʼ l-appostlu Pawlu, li qal: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.”—Galatin 6:9.
10. Liema nuqqas taʼ ħila huwa mistqarr b’mod sinċier fit-talba taʼ Isaija?
10 It-talba profetika taʼ Isaija m’hijiex biss xi qrara formali tad-dnubiet. Din tesprimi rikonoxximent sinċier taʼ kemm il-ġens m’għandux il-ħila jsalva lilu nnifsu. Jgħid il-profeta: “Tniġġisna lkoll kemm aħna, bħal ċarruta maħmuġa l-aħjar għemejjel tagħna; bħal werqa lkoll dbilna u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.” (Isaija 64:5 [64:6, “NW”]) Jistaʼ jkun li sakemm spiċċa l-eżilju, il-Lhud li nidmu ma baqgħux jipprattikaw l-apostasija. Għandhom mnejn daru lejn Jehovah b’atti taʼ tjieba. Imma xorta għadhom imperfetti. Waqt li l-għemejjel tajbin tagħhom huma taʼ min ifaħħarhom, dawn m’humiex aħjar minn ċarruta maħmuġa fejn għandha x’taqsam it-tpattija għad-dnubiet. Il-maħfra taʼ Jehovah hija għotja mhix mistħoqqa mqanqla mill-ħniena tiegħu. M’hijiex xi ħaġa li tistaʼ tiksibha bħala ħlas tax-xogħol.—Rumani 3:23, 24.
11. (a) Liema kundizzjoni spiritwali fqira teżisti fost il-biċċa l-kbira mil-Lhud li qegħdin fl-eżilju, u dan għala għandu mnejn hu l-każ? (b) Min huma dawk li kienu eżempji eċċellenti taʼ fidi matul l-eżilju?
11 Hekk kif iħares ’il quddiem, Isaija x’jara? Jitlob il-profeta: “Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek, li jitħarrek biex iżomm miegħek. Għax int ħbejt wiċċek minna, u rħejtna f’idejn ħżunijietna.” (Isaija 64:6 [64:7, “NW”]) Il-kundizzjoni spiritwali tal-ġens hija fqira għall-aħħar. In-nies ma kinux qegħdin isejħu isem Alla fit-talb. Waqt li m’għadhomx ħatjin tad-dnub gravi taʼ l-idolatrija, huwa evidenti li huma traskurati fil-qima tagħhom, u m’hemm ħadd “li jitħarrek biex iżomm” maʼ Jehovah. Jidher ċar li ma jgawdux relazzjoni tajba mal-Ħallieq. Forsi hemm xi wħud li jħossuhom m’humiex denji li jitkellmu maʼ Jehovah fit-talb. Oħrajn għandhom mnejn li jibqgħu għaddejjin bir-rutina tagħhom taʼ kuljum mingħajr ma jagħtu kasu. M’għandniex xi ngħidu, fost l-eżiljati hemm individwi bħalma huma Danjel, Ħananija, Misaèl, Għażarija, u Eżekjel, li huma eżempji mill-aħjar f’dik li hi fidi. (Lhud 11:33, 34) Hekk kif il-perijodu taʼ 70 sena fil-jasar jersaq lejn it-tmiem, irġiel bħalma huma Ħaggaj, Żakkarija, Żerubbabel, u l-Qassis il-Kbir Ġożwè jinsabu għal-lest ħalli b’mod eċċellenti jkunu minn taʼ quddiem biex isejħu l-isem taʼ Jehovah. Xorta waħda, it-talba profetika taʼ Isaija donnha tiddeskrivi l-kundizzjoni tal-maġġuranza taʼ l-eżiljati.
“L-Ubbidjenza Hi Aqwa mis-Sagrifiċċji”
12. Isaija kif jesprimih il-fatt li l-Lhud li jindmu huma lesti li jibdlu ħajjithom?
12 Il-Lhud li jindmu huma lesti li jibdlu ħajjithom. Waqt li jirrappreżentahom, Isaija jitlob lil Jehovah: “Madankollu, Mulej, int missierna; aħna t-tafal, u inti l-fuħħari; aħna lkoll għemil idejk.” (Isaija 64:7 [64:8, “NW”]) Dan il-kliem jirrikonoxxi mill-ġdid l-awtorità taʼ Jehovah bħala Missier, jew Donatur tal-Ħajja. (Ġob 10:9) Il-Lhud li jindmu huma mqabblin maʼ tafal artab. Dawk li jwieġbu għad-dixxiplina taʼ Jehovah jistgħu b’mod figurattiv jiġu msawrin, jew ifformati, fi qbil mal-livelli t’Alla. Imma dan jistaʼ jitwettaq biss jekk Jehovah, il-Fuħħari, jaħfer. Għaldaqstant, Isaija darbtejn jitolbu mill-qalb biex jiftakar li l-Lhud huma l-poplu tiegħu: “La tinkurlax iżżejjed, Mulej; la tiftakarx fil-ħażen tagħna għal dejjem. Ara, ħares, aħna lkoll il-poplu tiegħek.”—Isaija 64:8 [64:9, “NW”].
13. X’inhi l-kundizzjoni tal-pajjiż taʼ Iżrael waqt li n-nies t’Alla qegħdin fl-eżilju?
13 Matul l-eżilju, il-Lhud jissaportu ferm iktar minn sempliċi jasar f’art pagana. Il-kundizzjoni taʼ ħerba taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha ġġib tmaqdir fuqhom u fuq Alla tagħhom. Fit-talba taʼ ndiema, Isaija jsemmi xi ftit mill-affarijiet li jikkaġunaw dan it-tmaqdir: “Il-bliet imqaddsa tiegħek mitluqa, Sijon saret xagħra u Ġerusalemm ħerba. It-tempju qaddis u glorjuż tagħna, fejn missirijietna kienu jfaħħruk, maħruq bin-nar, u kull ma kellna għażiż sar ħerba.”—Isaija 64:9, 10 [64:10, 11, “NW”].
14. (a) Jehovah kif wissa dwar is-sitwazzjoni li teżisti issa? (b) Waqt li Jehovah tgħaxxaq bit-tempju tiegħu u bis-sagrifiċċji li saru hemmhekk, x’inhu iktar importanti?
14 M’għandniex xi ngħidu, Jehovah hu konxju sew taʼ kif sejrin l-affarijiet fil-pajjiż taʼ l-antenati tal-Lhud. Madwar 420 sena qabel il-qerda taʼ Ġerusalemm, hu wissa lin-nies tiegħu li jekk iduru lil hinn mill-kmandamenti tiegħu u jaqdu lil allat oħrajn, hu kien se ‘jqaċċathom minn wiċċ l-art,’ u t-tempju sabiħ kien se “jsir ħerba.” (1 Slaten 9:6-9) Huwa minnu li Jehovah tgħaxxaq bil-pajjiż li kien ta lin-nies tiegħu, bit-tempju meraviljuż mibni għall-unur tiegħu, u bis-sagrifiċċji li sarulu. Imma l-lealtà u l-ubbidjenza huma iktar importanti mill-affarijiet materjali, saħansitra mis-sagrifiċċji. Il-profeta Samwel qal b’mod xieraq lis-Sultan Sawl: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej? Ara, l-ubbidjenza hi aqwa mis-sagrifiċċji; is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.”—1 Samwel 15:22.
15. (a) Isaija liema talba bil-ħrara jagħmel b’mod profetiku lil Jehovah, u din kif titwieġeb? (b) Liema ġrajjiet wasslu biex Jehovah fl-aħħar ċaħad lil Iżrael bħala ġens?
15 Minkejja dan, jistaʼ dak Alla taʼ Iżrael iħares lejn il-gwaj tan-nies tiegħu li nidmu u ma jitqanqalx biex jitħassarhom? Din hi l-mistoqsija li biha Isaija jtemm it-talba profetika tiegħu. Għan-nom tal-Lhud eżiljati, hu jitlob bil-ħrara: “Quddiem dan kollu ma tiċċaqlaqx, Mulej, se tibqaʼ sieket u tgħakkisna sa l-aħħar?” (Isaija 64:11 [64:12, “NW”]) Fl-aħħar mill-aħħar, Jehovah fil-fatt jaħfrilhom lin-nies tiegħu, u fis-sena 537 Q.E.K., iġibhom lura lejn pajjiżhom sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja hemmhekk. (Ġoel 2:13) Madankollu, sekli wara, Ġerusalemm u t-tempju tagħha reġgħu nqerdu, u l-ġens f’patt m’Alla ġie finalment miċħud minnu. Għala? Għaliex in-nies taʼ Jehovah kienu abbandunaw il-kmandamenti tiegħu u ċaħdu lill-Messija. (Ġwann 1:11; 3:19, 20) Meta ġara dan, Jehovah warrab lil Iżrael u minfloku għażel ġens ġdid, ġens spiritwali, jiġifieri, l-“Iżrael taʼ Alla.”—Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9.
Jehovah, “Semmiegħ it-Talb”
16. Il-Bibbja x’tgħallimna dwar il-maħfra taʼ Jehovah?
16 Nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti minn dak li ġralu Iżrael. Naraw li Jehovah hu ‘twajjeb u jaħfer.’ (Salm 86:5) Bħala ħlejjaq imperfetti, aħna niddependu mill-ħniena u l-maħfra tiegħu biex nirċievu s-salvazzjoni. L-għemejjel tagħna ma jistgħux jgħinuna niksbu dawn il-barkiet bħala ħlas taʼ xogħolna. Madankollu, Jehovah ma jaħfirx bl-addoċċ. Dawk biss li jindmu minn dnubiethom u jduru lura qegħdin f’pożizzjoni li jirċievu l-maħfra divina.—Atti 3:19.
17, 18. (a) Kif nafu li Jehovah hu interessat ġenwinament fil-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna? (b) Jehovah għala jieħu paċenzja bil-bnedmin midinbin?
17 Nitgħallmu wkoll li Jehovah hu interessat ferm fil-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna meta nesprimuhomlu fit-talb. Hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2, 3, NW) L-appostlu Pietru jassigurana: “Għajnejn il-Mulej huma fuq il-ġusti u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom.” (1 Pietru 3:12) Iżjed minn hekk, nitgħallmu li talba taʼ ndiema trid tinkludi li wieħed jistqarr b’umiltà dnubietu. (Proverbji 28:13) Iżda dan ma jfissirx li nistgħu bl-arja nippretendu l-ħniena mingħand Alla. Il-Bibbja twissi lill-Kristjani ‘biex ma jirċivux il-grazzja t’Alla’ u jitilfu l-iskop tagħha.—2 Korintin 6:1.
18 Fl-aħħarnett, nitgħallmu x’inhu l-iskop tal-paċenzja t’Alla lejn il-poplu midneb tiegħu. L-appostlu Pietru spjega li Jehovah qed jieħu paċenzja “għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Minkejja dan, dawk li jibqgħu jabbużaw mill-paċenzja t’Alla se jiġu kastigati f’waqtu. Dwar dan naqraw: “[Jehovah] jħallas lil kulħadd skond ma jkun għamel; jagħti l-ħajja taʼ dejjem lil dawk li jipperseveraw sa l-aħħar fl-għemil it-tajjeb, u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx; imma jerfaʼ l-korla u l-qilla għal dawk li ma jridu jisimgħu b’xejn; u jirvellaw kontra l-verità biex imbagħad joqogħdu għall-ħażen.”—Rumani 2:6-8.
19. Jehovah liema kwalitajiet li ma jinbidlux se juri dejjem?
19 Hekk aġixxa Alla maʼ Iżrael tal-qedem. Illum ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah hi gwidata mill-istess prinċipji għaliex hu ma jinbidilx. Waqt li ma jżommx lura l-kastig li jkun mistħoqq, hu se jkun dejjem “Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija.”—Eżodu 34:6, 7.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampi f’paġna 362]
It-Talba taʼ Ndiema taʼ Danjel
Il-profeta Danjel għex f’Babilonja matul il-perijodu taʼ 70 sena li l-Lhud damu fil-jasar. F’xi żmien matul is-sena 68 taʼ l-eżilju, Danjel induna mill-profezija taʼ Ġeremija li ż-żmien temporanju li Iżrael kellu jqattaʼ hemmhekk kien qed joqrob lejn tmiemu. (Ġeremija 25:11; 29:10; Danjel 9:1, 2) Danjel dar lejn Jehovah fit-talb—talba taʼ ndiema għan-nom tal-ġens Lhudi kollu kemm hu. Jirrakkonta Danjel: “Dawwart wiċċi lejn Alla Sidi biex infittxu bit-talb umli tiegħi u bis-sawm, tfajt fuqi libsa tax-xkejjer u xerridt l-irmied fuq rasi. Tlabt lill-Mulej Alla tiegħi, stqarrejt [id-dnubiet].”—Danjel 9:3, 4.
Danjel lissen it-talba tiegħu xi mitejn sena wara li Isaija kiteb it-talba profetika li nsibu f’kapitli 63 u 64 tal-ktieb tiegħu. Bla dubju, kien hemm ħafna Lhud sinċieri li talbu lil Jehovah matul is-snin diffiċli taʼ l-eżilju. Madankollu, il-Bibbja tenfasizza t-talba taʼ Danjel, li b’mod evidenti rrappreżentat is-sentimenti taʼ ħafna Lhud leali. B’hekk, it-talba tiegħu turi li s-sentimenti tat-talba profetika taʼ Isaija kienu tabilħaqq is-sentimenti tal-Lhud leali li kienu f’Babilonja.
Innota xi similaritajiet bejn it-talba taʼ Danjel u dik taʼ Isaija.
[Is 64:1-3, NW] Danjel 9:15
[64:4-7, NW] Danjel 9:4-7
[64:6, NW] Danjel 9:9, 10
[64:10, 11, NW] Danjel 9:16-18
[Kaxxa f’paġna 366]
“Għajn Qatt Ma Rat”
Meta kiteb lill-Korintin, l-appostlu Pawlu kkwota mill-ktieb taʼ Isaija meta qal: “Bħalma hu miktub, aħna nħabbru ‘dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet’, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh.” (1 Korintin 2:9) a La dak li qal Pawlu u lanqas dak li esprima Isaija ma jirreferi għall-affarijiet li ħejja Jehovah għan-nies tiegħu f’wirt fis-sema jew f’ġenna taʼ l-art fil-futur. Pawlu qed japplika l-kliem taʼ Isaija għall-barkiet li diġà kienu qegħdin jitgawdew mill-Kristjani fl-ewwel seklu, bħal li jifhmu l-affarijiet profondi t’Alla u li jirċievu tidwil spiritwali mingħand Jehovah.
Aħna nkunu nistgħu nifhmu l-affarijiet spiritwali profondi biss meta jasal iż-żmien stabbilit minn Alla biex jirrivelahomlna—u anki dakinhar, nifhmuhom biss jekk inkunu nies spiritwali b’relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah. Il-kliem taʼ Pawlu japplika għal dawk li għandhom ftit jew xejn spiritwalità. Għajnhom ma tistax tara, jew tagħraf, il-veritajiet spiritwali, u widnithom ma tistax tismaʼ, jew tifhem, dawn l-affarijiet. L-għarfien dwar l-affarijiet li ħejja Alla għal dawk li jħobbuh lanqas biss jidħol fil-qlub taʼ dawn il-bnedmin. Imma lil dawk li huma dedikati lil Alla, bħalma kien Pawlu, Alla rrivelalhom dawn l-affarijiet permezz taʼ l-ispirtu tiegħu.—1 Korintin 2:1-16.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kliem taʼ Pawlu ma jinstabx fl-Iskrittura Ebrajka preċiż kif ikkwotah. Donnu qed jgħaqqad il-ħsibijiet taʼ Isaija 52:15; 64:2b, 3 [64:4, NW]; u 65:17.
[Stampa f’paġna 367]
In-nies t’Alla kellhom il-pussess taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha “għal ftit”