Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 67

Ġeħosafat Jafda f’Ġeħova

Ġeħosafat Jafda f’Ġeħova

TAF min huma dawn l-​irġiel u x’qed jagħmlu? Sejrin għall-​battalja, u l-​irġiel li tistaʼ tara fuq quddiem qed ikantaw. Imma forsi tistaqsi: ‘L-​għannejja għala m’għandhomx sjuf u lanez biex jiġġieldu bihom?’ Ejja naraw.

Ġeħosafat hu s-​sultan tas-​saltna t’Iżrael b’żewġ tribujiet. Jgħix fl-​istess żmien tas-​Sultan Aħab u Ġeżabel tas-​saltna tat-​Tramuntana b’10 tribujiet. Imma Ġeħosafat hu sultan tajjeb, u missieru Asa kien sultan mill-​aħjar ukoll. Għalhekk, għal ħafna snin in-​nies tas-​saltna tan-​Nofsinhar b’żewġ tribujiet igawdu ħajja tajba.

Imma issa tiġri xi ħaġa li tbeżżaʼ lin-​nies. Xi messaġġiera jgħidu lil Ġeħosafat: ‘Ġejja armata kbira mill-​pajjiżi taʼ Mowab, Amon, u l-​Muntanja Segħir biex jattakkawk.’ Ħafna Iżraelin jinġemgħu Ġerusalemm biex jitolbu l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Imorru sat-​tempju, u hemmhekk Ġeħosafat jitlob: ‘O Ġeħova, Alla tagħna, ma nafux x’naqbdu nagħmlu. Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra din l-​armata kbira. Ġejna għandek għall-​għajnuna.’

Ġeħova jismaʼ, u jibgħat wieħed mill-​qaddejja tiegħu biex jgħid lin-​nies: ‘Il-​battalja mhijiex tagħkom imma t’Alla. Mhux se jkollkom għalfejn tiġġieldu. Tiċċaqalqux, u araw kif Ġeħova ħa jsalvakom.’

Għalhekk, l-​għada filgħodu Ġeħosafat jgħid lin-​nies: ‘Afdaw f’Ġeħova!’ Imbagħad ipoġġi l-​għannejja quddiem is-​suldati tiegħu, u hekk kif jimmarċjaw dawn ifaħħru lil Ġeħova bil-​kant. Taf x’jiġri meta jiġu viċin tal-​battalja? Ġeħova jġiegħel lis-​suldati tal-​għedewwa jiġġieldu bejniethom. U meta jaslu l-​Iżraelin, kull suldat tal-​għedewwa jkun inqatel!

Kemm kien għaqli Ġeħosafat meta fada f’Ġeħova, hux veru? Aħna nkunu għaqlin jekk ukoll nafdaw Fih.