Numri 30:1-16

  • Il-wegħdi tal-irġiel (1, 2)

  • Il-wegħdi tan-nisa u l-bniet (3-16)

30  Imbagħad Mosè kellem lill-kapijiet tat-tribujiet t’Iżrael u qalilhom: “Hekk ikkmanda Ġeħova:  Jekk raġel jagħmel wegħda lil Ġeħova jew jaħlef li jiċċaħħad minn xi ħaġa,* m’għandux imur lura minn kelmtu. Għandu jagħmel kulma wiegħed.  “Ejja ngħidu li mara tagħmel wegħda lil Ġeħova jew taħlef li tiċċaħħad minn xi ħaġa meta tkun għadha żagħżugħa u tgħix f’dar missierha.  Jekk missierha jismaʼ l-wegħda jew il-ħalfa li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa u ma joġġezzjonax, dak kollu li wiegħdet u kull ħalfa li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu.  Imma jekk missierha joġġezzjona meta jismaʼ li għamlet wegħdi jew ħalfet li tiċċaħħad minn xi ħaġa, dawn ma jibqgħux jgħoddu. Ġeħova jaħfrilha għaliex missierha oġġezzjona.  “Madankollu, jekk tiżżewweġ waqt li tkun taħt il-ħalfa jew il-wegħda bla ħsieb tagħha  u żewġha jismaʼ dwar dan u ma joġġezzjonax dakinhar li jsir jaf, il-wegħdi tagħha jew il-ħalf li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu.  Imma jekk żewġha joġġezzjona dakinhar li jismaʼ dwar dan, hu jkun ħassar il-ħalfa jew il-wegħda bla ħsieb tagħha u Ġeħova jaħfrilha.  “Imma jekk armla jew mara ddivorzjata tagħmel ħalfa, dak li taħlef jibqaʼ jgħodd. 10  “Madankollu, jekk mara tkun għamlet il-wegħda jew il-ħalfa li tiċċaħħad minn xi ħaġa waqt li tkun fid-dar taʼ żewġha 11  u żewġha sema’ dwar dan u m’oġġezzjonax jew ma qalilha xejn, il-wegħdi kollha tagħha jew il-ħalf li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa jibqgħu jgħoddu. 12  Imma jekk dakinhar li jismaʼ dwar dan, żewġha jħassar għalkollox kwalunkwe wegħda jew ħalfa li għamlet, din ma tibqax tgħodd. Żewġha jkun ħassarhom u Ġeħova jaħfrilha. 13  Rigward kull wegħda jew kull ħalfa li tagħmel biex tiċċaħħad minn xi ħaġa, żewġha għandu jiddeċiedi jekk iżżommhiex jew le. 14  Imma jekk żewġha ma joġġezzjonax fil-ġranet taʼ wara, hu jkun ħallieha żżomm il-wegħdi kollha tagħha jew il-ħalf kollu li għamlet biex tiċċaħħad minn xi ħaġa. Hu jkun ħallieha żżommhom għax ma jkunx oġġezzjona dakinhar li semagħha tagħmilhom. 15  Imma jekk iħassarhom iktar tard, xi żmien wara li jkun semagħhom, hu jkollu jitgħabba bil-ħtija tagħha. 16  “Dawn huma r-regoli li Ġeħova kkmanda lil Mosè u li għandhom x’jaqsmu maʼ raġel u martu, u maʼ missier u bintu żagħżugħa li tgħix f’daru.”

Noti taʼ taħt

Jew “jorbot ruħu b’obbligu.”