Numri 28:1-31
28 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè:
2 “Ikkmanda lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Qisu li tippreżentawli l-offerta tiegħi, il-ħobż tiegħi. L-offerti tiegħi li jiġu maħruqin bħala riħa pjaċevoli* għalija għandhom isiru fiż-żmien stabbilit tagħhom.’
3 “U għidilhom, ‘Din hi l-offerta li tiġi maħruqa u li għandkom tippreżentaw lil Ġeħova: żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, bħala offerta tal-ħruq kuljum, b’mod regolari.
4 Ħaruf wieħed toffrih filgħodu, u l-ħaruf l-ieħor toffrih bejn inżul ix-xemx u d-dlam,
5 flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa bħala offerta taċ-ċereali.*
6 Din hi offerta tal-ħruq regolari, li kienet stabbilita fuq il-Muntanja Sinaj bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova,
7 flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha, kwart taʼ ħinn għal kull ħaruf. Ferraʼ x-xorb alkoħoliku fil-post qaddis bħala offerta tax-xorb lil Ġeħova.
8 U toffri l-ħaruf l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Toffrih bl-istess offerta taċ-ċereali bħal dik taʼ filgħodu u bl-istess offerta tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.
9 “‘Madankollu, f’jum is-Sabat, l-offerta għandha tkun żewġt iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena, u 20 fil-100 taʼ kejl t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, flimkien mal-offerta tax-xorb li joffru magħha.
10 Din hi l-offerta tal-ħruq għas-Sabat, flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.
11 “‘Fil-bidu taʼ kull xahar,* għandkom tippreżentaw dan lil Ġeħova bħala offerta tal-ħruq: żewġ barrin żgħar,* muntun, sebat iħrief irġiel bla difett, kull wieħed taʼ sena,
12 30 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull barri, 20 fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għall-muntun,
13 u għaxra fil-100 t’efa dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali għal kull ħaruf, bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.
14 U l-offerti tax-xorb li joffru magħhom għandhom ikunu nofs ħinn inbid għal barri, terz taʼ ħinn għall-muntun, u kwart taʼ ħinn għal ħaruf. Din hi l-offerta tal-ħruq taʼ kull xahar matul is-sena kollha.
15 Ukoll, għandu jiġi offrut gidi bħala offerta għad-dnub lil Ġeħova flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.
16 “‘L-14-il jum tal-ewwel xahar ikun il-Qbiż taʼ Ġeħova.
17 U fil-15 taʼ dan ix-xahar ikun hemm festa. Għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira.
18 Fl-ewwel jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes.
19 U għandkom tippreżentaw bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena. Għandkom toffru annimali bla difett.
20 Għandek toffrihom mal-offerti taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal barri u 20 fil-100 t’efa għall-muntun.
21 Għandkom toffru għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief,
22 kif ukoll mogħża bħala offerta għad-dnub biex tagħmel tpattija għalikom.
23 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq taʼ filgħodu, li tiġi offruta regolarment.
24 Dawn toffruhom bl-istess mod kuljum għal sebat ijiem bħala ikel,* offerta li tiġi maħruqa bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. Din għandha tiġi offruta mal-offerta tal-ħruq regolari u l-offerta tax-xorb li joffru magħha.
25 Fis-sebaʼ jum għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa. Tagħmlu ebda xogħol iebes.
26 “‘Fil-jum tal-ewwel prodott, meta tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa fil-festa tagħkom tal-ġimgħat. Tagħmlu ebda xogħol iebes.
27 Bħala offerta tal-ħruq b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova għandkom tippreżentaw: żewġ barrin żgħar, muntun, u sebat iħrief irġiel kull wieħed taʼ sena,
28 u bħala l-offerta taċ-ċereali tagħhom taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt, 30 fil-100 t’efa għal kull barri, 20 fil-100 t’efa għall-muntun,
29 għaxra fil-100 t’efa għal kull ħaruf mis-sebat iħrief,
30 kif ukoll gidi biex jagħmel tpattija għalikom.
31 Dawn għandkom toffruhom flimkien mal-offerta tal-ħruq regolari, l-offerta taċ-ċereali tagħha, u l-offerti tax-xorb li joffru mal-annimali. L-annimali għandhom ikunu bla difett.
Noti taʼ taħt
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “tax-xhur tagħkom.”
^ Jew “għoġġiela.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “ħobż.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”