Numri 27:1-23
27 Imbagħad resqu lejn Mosè l-bniet taʼ Selofeħad bin Ħefer, bin Gilegħad, bin Makir, bin Manasse. Dan kien mill-familji taʼ Manasse bin Ġużeppi. Il-bniet tiegħu kien jisimhom Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa.
2 Huma qagħdu quddiem Mosè, Elegħażar il-qassis, il-kapijiet, u l-ġemgħa kollha fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa u qalu:
3 “Missierna miet fid-deżert, imma hu ma kienx fost il-grupp li ħaduha kontra Ġeħova, li appoġġaw lil Koraħ, imma miet minħabba d-dnub tiegħu stess u ma kellux tfal subien.
4 Għala għandu isem missierna jintilef mill-familja tiegħu għaliex ma kellux tifel? Agħtina wirt bħal ħut missierna.”
5 Għalhekk, Mosè ppreżenta l-każ tagħhom quddiem Ġeħova.
6 Imbagħad Ġeħova qal hekk lil Mosè:
7 “Il-bniet taʼ Selofeħad għandhom raġun. Żgur li għandek tagħtihom wirt bħal ħut missierhom u tgħaddilhom il-wirt taʼ missierhom.
8 U għid lill-Iżraelin, ‘Jekk imut raġel mingħajr ma jkollu tifel, tridu tgħaddu l-wirt tiegħu lil bintu.
9 U jekk ma jkollux bint, tagħtu l-wirt tiegħu lil ħutu.
10 U jekk ma jkollux ħutu, tagħtu l-wirt tiegħu lil ħut missieru.
11 U jekk missieru ma jkollux ħutu, tagħtu l-wirt tiegħu lill-iktar individwu li jiġi minnu mill-qrib mill-familja tiegħu, u l-wirt isir tiegħu. Din id-deċiżjoni ġudizzjali sservi bħala liġi għall-Iżraelin, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè.’”
12 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Itlaʼ fuq din il-muntanja tal-Għabarim u ara l-art li se nagħti lill-Iżraelin.
13 Meta tkun rajtha, int ukoll tinġabar maʼ niesek,* bħalma nġabar ħuk Aron,
14 għax meta l-ġemgħa kienet qed targumenta miegħi fid-deżert taż-Żin, intom irribellajtu kontra l-kmand tiegħi u ma qaddistunix quddiemhom meta jien ipprovdejtilhom l-ilmijiet. Dawn huma l-ilmijiet taʼ Meriba f’Kades fid-deżert taż-Żin.”
15 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova:
16 “Ġeħova, l-Alla li jagħti l-ħajja lil kulħadd,* inkariga raġel fuq il-ġemgħa
17 li jaġixxi bħala l-mexxej tagħhom fl-affarijiet kollha, biex jiggwidahom fl-azzjonijiet kollha tagħhom, sabiex il-ġemgħa taʼ Ġeħova ma tkunx bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.”
18 Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu lil Ġożwè bin Nun, raġel kapaċi, u qiegħed idek fuqu.
19 Imbagħad qiegħdu quddiem Elegħażar il-qassis u quddiem il-ġemgħa kollha, u inkarigah bħala mexxej quddiem għajnejhom.
20 Agħtih ftit mill-awtorità* tiegħek, sabiex il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin tismaʼ minnu.
21 Hu joqgħod quddiem Elegħażar il-qassis, li jitlob f’ismu għall-gwida taʼ Ġeħova permezz tal-Urim. Ġożwè, l-Iżraelin kollha, u l-ġemgħa kollha joħorġu u jidħlu meta jingħataw il-kmand.”
22 Għalhekk, Mosè għamel bħalma kien ikkmandah Ġeħova. Hu ħa lil Ġożwè u qiegħdu quddiem Elegħażar il-qassis u l-ġemgħa kollha.
23 Imbagħad qiegħed idejh fuqu u inkarigah bħala mexxej, bħalma Ġeħova kien qal permezz tiegħu.
Noti taʼ taħt
^ Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.
^ Letteralment “tal-ispirti taʼ kull xorta taʼ laħam.”
^ Jew “mid-dinjità.”