Numri 25:1-18

  • Id-dnub t’Iżrael man-nisa Mowabin (1-5)

  • Fineħas jieħu azzjoni (6-18)

25  Meta Iżrael kien qed jgħix f’Sittim, il-poplu beda jkollu relazzjonijiet sesswali man-nisa taʼ Mowab.  In-nisa stiednu lill-poplu għas-sagrifiċċji tal-allat tagħhom, u l-poplu beda jiekol u jmil quddiem l-allat tagħhom.  Għalhekk, l-Iżraelin ingħaqdu fil-qima tal-Bagħal* taʼ Pegħor, u Ġeħova rrabja ħafna magħhom.  Ġeħova qal lil Mosè: “Ħu l-mexxejja* kollha taʼ dan il-poplu u dendilhom quddiemi, Ġeħova, fid-dawl tax-xemx,* sabiex jien, Ġeħova, ma nibqax irrabjat m’Iżrael.”  Imbagħad Mosè qal lill-imħallfin t’Iżrael: “Kull wieħed minnkom għandu joqtol lill-irġiel tiegħu li ngħaqdu fil-qima tal-Bagħal* taʼ Pegħor.”  Dak il-ħin stess, ġie raġel mill-Iżraelin u ġab ħdejn ħutu mara Midjanija quddiem għajnejn Mosè u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin, waqt li kienu qed jibku fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.  Meta Fineħas bin Elegħażar bin Aron il-qassis ra dan, hu qam minnufih minn nofs il-ġemgħa u qabad lanza.  Imbagħad mar wara r-raġel t’Iżrael ġot-tinda u nifidhom it-tnejn, ir-raġel Iżraeli u l-mara fil-parti ġenitali tagħha. Minħabba f’hekk, il-kastig minn fuq l-Iżraelin waqaf.  U mietu 24,000 minħabba l-kastig. 10  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 11  “Minħabba Fineħas bin Elegħażar bin Aron il-qassis, jien m’għadnix irrabjat mal-Iżraelin peress li ma ttollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejja f’nofshom. Kien għalhekk li jien ma qridtx lill-Iżraelin, minkejja li rrid li jqimu lili biss. 12  Għalhekk għidlu li qed nagħmel patt taʼ paċi miegħu. 13  Minħabba dan il-patt, hu u dawk li se jiġu minnu se jaqdu bħala qassisin għal żmien twil, għax hu ma ttollera ebda nuqqas taʼ lealtà lejn l-Alla tiegħu u għamel tpattija għall-Iżraelin.’” 14  Issa r-raġel Iżraeli li nqatel mal-Midjanija kien jismu Żimri bin Salu, kap tal-familja min-naħa tal-missier għas-Simegħonin. 15  Il-mara Midjanija li nqatlet kien jisimha Kożbi. Hi kienet bint Żur li kien kap taʼ tribù f’Midjan. 16  Iktar tard Ġeħova qal lil Mosè: 17  “Attakkaw il-Midjanin u oqtluhom, 18  għaliex huma ġabu gwaj fuqkom billi b’makakkerija ħajrukom tidinbu fil-kwistjoni taʼ Pegħor u taʼ Kożbi bint kap taʼ Midjan, li nqatlet fil-jum li ġie fuqkom il-kastig minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor.”

Noti taʼ taħt

Jew “intrabtu maʼ Bagħal.”
Letteralment “il-kapijiet.”
Letteralment “quddiem ix-xemx.”
Jew “intrabtu maʼ Bagħal.”