Numri 22:1-41
22 Imbagħad l-Iżraelin telqu u kkampjaw fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, quddiem il-Ġordan u faċċata taʼ Ġeriko.
2 Issa Balak bin Siffur ra kulma l-Iżraelin kienu għamlu lill-Amurrin,
3 u l-Mowabin tgħidx kemm beżgħu mill-Iżraelin għax kienu ħafna. Infatti l-Mowabin twerwru minħabba fihom.
4 Għalhekk, il-Mowabin qalu lill-anzjani* taʼ Midjan: “Issa din il-folla se tiblaʼ l-inħawi kollha tagħna bħalma barri jiblaʼ l-ħaxix tal-għelieqi.”
Dak iż-żmien, Balak bin Siffur kien ir-re taʼ Mowab.
5 Hu bagħat xi messaġġiera għand Balgħam bin Begħor li kien qed jgħix fost qrabatu f’Petor, li qiegħda ħdejn ix-Xmara,* u qallu: “Ħareġ poplu mill-Eġittu. Huma ksew wiċċ l-art u qed jgħixu eżatt quddiemi.
6 Issa jekk jogħġbok, ejja u isħet lil dawn in-nies għalija, għax huma iktar b’saħħithom minni. Forsi nkun nistaʼ negħlibhom u nkeċċihom ’il barra mill-pajjiż, għax jien naf tajjeb li lil min tbierek int ikun imbierek u lil min tisħet int ikun misħut.”
7 Għalhekk, l-anzjani taʼ Mowab u taʼ Midjan marru għand Balgħam u wasslulu l-messaġġ taʼ Balak. Magħhom ħadu l-ħlas li kienu se jagħtuh biex jisħet lin-nies.*
8 U hu qalilhom: “Oqogħdu hawnhekk dan il-lejl, u jien ngħidilkom dak li jgħidli Ġeħova.” Għalhekk, il-kapijiet taʼ Mowab qagħdu maʼ Balgħam.
9 Imbagħad Alla deher lil Balgħam u qallu: “Min huma dawn l-irġiel li hawn miegħek?”
10 Balgħam qal lill-Alla l-veru: “Balak bin Siffur, ir-re taʼ Mowab, bagħat jgħidli,
11 ‘In-nies li ħarġu mill-Eġittu qed jiksu wiċċ l-art. Issa ejja u isħithom għalija. Forsi nkun nistaʼ niġġieled kontrihom u nkeċċihom ’il barra.’”
12 Imma Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom. Tisħithomx in-nies, għax huma mberkin.”
13 Balgħam qam filgħodu u qal lill-kapijiet taʼ Balak: “Morru pajjiżkom, għaliex Ġeħova ma ħallinix niġi magħkom.”
14 Għalhekk, il-kapijiet taʼ Mowab marru lura għand Balak u qalulu: “Balgħam ma riedx jiġi magħna.”
15 Madankollu, Balak reġaʼ bagħat kapijiet oħrajn. Dan kien grupp akbar u iktar importanti minn taʼ qabel.
16 Dawn marru għand Balgħam u qalulu: “Hekk qal Balak bin Siffur, ‘Jekk jogħġbok, tħalli xejn iżommok milli tiġi għandi,
17 għax jien se nonorak bil-kbir u nagħmel kulma tgħidli. Għalhekk ejja, jekk jogħġbok, u isħet lil dawn in-nies għalija.’”
18 Imma Balgħam wieġeb lill-qaddejja taʼ Balak: “Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien xorta ma nkun nistaʼ nagħmel ebda ħaġa, la żgħira u lanqas kbira, li tikser il-kmand taʼ Ġeħova l-Alla tiegħi.
19 Imma jekk jogħġobkom, oqogħdu hawnhekk intom ukoll dan il-lejl biex inkun naf x’se jgħidli iktar Ġeħova.”
20 Imbagħad Alla deher lil Balgħam billejl u qallu: “Jekk dawn l-irġiel ġew għalik, mur magħhom. Imma tistaʼ tgħidilhom biss dak li ngħidlek jien.”
21 U Balgħam qam filgħodu u rama l-ħmara tiegħu u mar mal-kapijiet taʼ Mowab.
22 Imma Alla rrabja ħafna minħabba li Balgħam kien sejjer, u l-anġlu taʼ Ġeħova qagħad fit-triq biex iwaqqfu. Issa Balgħam kien riekeb fuq il-ħmara tiegħu, u miegħu kien hemm tnejn mill-qaddejja tiegħu.
23 U meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq b’xabla f’idu, ipprovat tikser mit-triq biex tmur fl-għalqa. Imma Balgħam beda jsawwat lill-ħmara biex terġaʼ tmur lejn it-triq.
24 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qagħad f’mogħdija dejqa bejn żewġ għelieqi tad-dwieli, b’ħajt tal-ġebel fuq kull naħa.
25 Meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova, bdiet tintrass mal-ħajt. B’hekk, rasset sieq Balgħam mal-ħajt u hu reġaʼ beda jsawwatha.
26 L-anġlu taʼ Ġeħova issa reġaʼ mar quddiemhom u qagħad f’post dejjaq fejn ma kienx hemm fejn tikser lejn il-lemin jew lejn ix-xellug.
27 Meta l-ħmara rat l-anġlu taʼ Ġeħova, inxteħtet fl-art taħt Balgħam. Għalhekk Balgħam irrabja bil-kbir u baqaʼ jsawwat il-ħmara bil-bastun tiegħu.
28 Fl-aħħar, Ġeħova ġiegħel il-ħmara titkellem,* u din qalet lil Balgħam: “X’għamiltlek biex sawwattni tliet darbiet?”
29 Balgħam wieġeb lill-ħmara: “Għax għaddejtni biż-żmien. Kieku kelli xabla f’idi, noqtlok!”
30 Imbagħad il-ħmara qalet lil Balgħam: “M’iniex jien il-ħmara tiegħek li rkibt fuqha għomrok kollu sal-lum? Qatt għamiltlek hekk?” Wiġibha: “Le!”
31 Wara, Ġeħova fetaħ għajnejn Balgħam, u dan ra l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf fit-triq b’xabla f’idu. Minnufih hu miel u nxteħet wiċċu fl-art.
32 Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Għala sawwattha tliet darbiet lill-ħmara tiegħek? Jien stess ħriġt biex inwaqqfek, għaliex il-vjaġġ tiegħek hu kontra dak li rrid jien.
33 Il-ħmara ratni u pprovat iddur minn quddiemi dawn it-tliet darbiet. Taf x’kien jiġri kieku ma daritx minn quddiemi? Kieku s’issa qtiltek u ħallejt lilha ħajja.”
34 Balgħam qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “Jien dnibt, għax ma kontx naf li kien hemm int wieqaf fit-triq biex tiltaqaʼ miegħi. U issa jekk dan hu ħażin f’għajnejk, immur lura.”
35 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Balgħam: “Mur mal-irġiel, imma tistaʼ tgħid biss dak li ngħidlek jien.” Allura, Balgħam baqaʼ sejjer mal-kapijiet taʼ Balak.
36 Meta Balak semaʼ li kien wasal Balgħam, mill-ewwel ħareġ jilqgħu fil-belt taʼ Mowab, li qiegħda fuq ix-xatt tal-Arnon f’tarf it-territorju.
37 Balak qal lil Balgħam: “Jien bgħatt għalik. Għala ma ġejtx għandi? Ħsibt li m’iniex kapaċi nonorak bil-kbir?”
38 Balgħam wieġbu: “Issa ġejt għandek. Imma ma nistax ngħid dak li rrid. Nistaʼ ngħid biss dak li jgħidli Alla.”
39 Għalhekk, Balgħam mar maʼ Balak u waslu Kirjat-ħusot.
40 Balak issagrifika baqar u nagħaġ u bagħat minnhom lil Balgħam u lill-kapijiet li kienu miegħu.
41 Filgħodu Balak ħa lil Balgħam u tellgħu fuq Bamot-bagħal. Minn hemmhekk hu setaʼ jara n-nies kollha.
Noti taʼ taħt
^ Milli jidher l-Ewfrat.
^ Jew “il-ħlas għat-teħbir.”
^ Letteralment “fetaħ ħalq il-ħmara.”