L-Aħbar Tajba Skont Mattew 17:1-27
17 Sitt ijiem wara, Ġesù telaʼ fuq muntanja għolja u ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil ħuh Ġwanni.
2 U hu nbidel quddiemhom. Wiċċu beda jiddi bħax-xemx u l-ħwejjeġ tiegħu bdew jixegħlu* bħad-dawl.
3 U raw lil Mosè u Elija jitkellmu miegħu.
4 Imbagħad Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, hu privileġġ għalina li qegħdin hawn! Jekk trid, narma tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”
5 Waqt li kien għadu qed jitkellem, ġiet sħaba li kienet tiddi u għattiethom. U nstemaʼ leħen minnha li qal: “Dan hu Ibni l-maħbub, li jien ferħan ħafna bih.* Isimgħu minnu.”
6 Malli semgħu dan, id-dixxipli beżgħu ħafna u mielu wiċċhom sal-art.
7 Imbagħad Ġesù resaq ħdejhom, messhom, u qalilhom: “Qumu, tibżgħux.”
8 Meta ħarsu, raw biss lil Ġesù.
9 Hekk kif kienu neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù kkmandahom: “Tgħidu lil ħadd dwar din il-viżjoni sakemm jien, Bin il-bniedem, niġi rxoxtat.”
10 Madankollu, id-dixxipli staqsewh: “Mela allura għala l-iskribi jgħidu li għandu jiġi Elija qabel il-Kristu?”
11 Wiġibhom: “Elija żgur li ġej u se jlesti kollox.
12 Madankollu, ngħidilkom li Elija diġà ġie, u huma m’għarfuhx imma għamlu bih dak li riedu. Anki jien, Bin il-bniedem, se nbati taħt idejhom.”
13 Imbagħad id-dixxipli fehmu li kien qed ikellimhom dwar Ġwanni l-Għammied.
14 Meta waslu ħdejn il-folla, resaq raġel lejn Ġesù, niżel għarkopptejh quddiemu, u qallu:
15 “Mulej, uri ħniena mat-tifel tiegħi, għax hu marid ħafna. Hu jbati bl-epilessija u allura spiss jaqaʼ fin-nar u fl-ilma.
16 Ħadtu għand id-dixxipli tiegħek, imma ma setgħux ifejquh.”
17 Ġesù qal: “Ja nies* bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuh għandi.”
18 Imbagħad Ġesù kkmanda b’mod sod lid-demonju biex joħroġ mit-tifel. Dan ħareġ u t-tifel fieq dak il-ħin stess.
19 Imbagħad id-dixxipli sabu lil Ġesù waħdu u qalulu: “Għala ma stajniex inkeċċuh?”
20 Hu qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom. Naċċertakom li kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda, tkunu tistgħu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Imxi minn hawn’ u din timxi, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.”
21 *——
22 Meta kienu miġburin flimkien fil-Galilija, Ġesù qalilhom: “Jien, Bin il-bniedem, se niġi ttradut u ningħata f’idejn l-għedewwa,
23 u dawn se joqtluni, u fit-tielet jum se niġi rxoxtat.” Huma kienu mdejqin ħafna minħabba dan.
24 Wara li waslu Kafarnahum, l-irġiel li kienu jiġbru t-taxxa tat-tempju* resqu lejn Pietru u staqsewh: “L-għalliem tagħkom iħallasha t-taxxa tat-tempju?”
25 Hu wiġibhom: “Iva.” Imma malli daħal id-dar, Ġesù qallu: “Int x’taħseb Xmun? Ir-rejiet tal-art mingħand min jirċievu d-dazju jew it-taxxa?* Mingħand it-tfal tagħhom jew mingħand nies oħra?”
26 Meta Pietru qallu: “Mingħand nies oħra,” Ġesù qallu: “Mela allura t-tfal m’għandhomx għalfejn iħallsu t-taxxa.
27 Imma biex ma nkunux taʼ tfixkil, mur stad b’sunnara u ħu l-ewwel ħuta li taqbad. Meta tiftħilha ħalqha, se ssib munita tal-fidda.* Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “saru bojod.”
^ Jew “li lilu jien approvajt.”
^ Letteralment “ġenerazzjoni.”
^ Ara App. A3.
^ Milli jidher din kienet taxxa li kellu jagħtiha kull individwu.