L-Aħbar Tajba Skont Marku 8:1-38

  • Ġesù jitmaʼ 4,000 raġel (1-9)

  • Jitolbuh jagħmel miraklu (10-13)

  • Il-ħmira tal-Fariżej u t’Erodi (14-21)

  • Jiġi mfejjaq raġel li ma jarax f’Betsajda (22-26)

  • Pietru jgħidlu “Int il-Kristu” (27-30)

  • Tiġi mbassra l-mewt taʼ Ġesù (31-33)

  • Dixxipli veri (34-38)

8  F’dawk il-ġranet inġabret folla kbira u ma kellhom xejn x’jieklu. Allura għajjat lid-dixxipli u qalilhom:  “Qed nitħassarhom lil dawn in-nies, għax diġà ilhom miegħi tlett ijiem u m’għandhom xejn x’jieklu.  Li kelli nibgħathom lejn id-dar bil-ġuħ,* jagħtihom xi ħass ħażin fit-triq, u xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.”  Imma d-dixxipli tiegħu wiġbuh: “F’dan il-post imwarrab, kif nistgħu nsibu biżżejjed ħobż biex inxebbgħu lil dawn in-nies?”  Ġesù staqsiehom: “Kemm-il ħobża għandkom?” Qalulu: “Sebgħa.”  Imbagħad hu qal lin-nies biex ipoġġu fl-art. Wara, ħa s-sebaʼ ħobżiet, qal talba, qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex jagħtuhom lill-folla, u hekk għamlu.  Kellhom ukoll ftit ħut żgħir, u wara li rringrazzja lil Alla, qalilhom biex iqassmuhom ukoll.  Wara li kielu u xebgħu, ġabru sebat iqfief kbar b’dak li kien għad fadal.  Kien hemm madwar 4,000 raġel li kielu. Imbagħad bagħathom lura. 10  Hu telaʼ mill-ewwel fid-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u marru lejn ir-reġjun taʼ Dalmanuta. 11  Hemmhekk marru għandu l-Fariżej u bdew jargumentaw miegħu, u biex jittestjawh talbuh jagħmel miraklu f’isem Alla. 12  Għalhekk, iddispjaċieh ħafna u qal: “Din il-ġenerazzjoni għala trid tara miraklu? Naċċertakom li din il-ġenerazzjoni mhu se tara l-ebda miraklu.” 13  Wara li qal dan, telaq, reġaʼ telaʼ fuq id-dgħajsa, u mar ix-xatt l-ieħor. 14  Madankollu, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż magħhom. Kellhom biss ħobża waħda fid-dgħajsa. 15  U Ġesù wissiehom b’mod ċar: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira t’Erodi.” 16  Għalhekk, bdew jargumentaw bejniethom minħabba li ma ħadux ħobż magħhom. 17  Meta ra dan, hu qalilhom: “Għala qed targumentaw għax m’għandkomx ħobż? Għadkom ma ndunajtux u ma fhimtux? Għadkom qed issibuha diffiċli biex tifhmu kollox? 18  ‘Għandkom għajnejn u ma tarawx; għandkom widnejn u ma tisimgħux.’ Ma tiftakrux 19  meta qsamt il-ħames ħobżiet għall-5,000 raġel? Kemm-il qoffa mlejtu b’dak li kien għad fadal?” Wiġbuh: “Tnax.” 20  “Meta qsamt is-sebaʼ ħobżiet għall-4,000 raġel, tiftakru kemm-il qoffa kbira mlejtu b’dak li kien fadal?” Wiġbuh: “Sebgħa.” 21  Għal dan qalilhom: “Għadkom ma tistgħux tifhmu?” 22  Issa waslu Betsajda. Hawnhekk xi nies ġabulu raġel li ma jarax u talbuh bil-ħniena biex ifejqu. 23  Ġesù qabad lir-raġel minn idu u ħarġu ’l barra mir-raħal. Wara li beżaq fuq għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qed tara xi ħaġa?” 24  Ir-raġel ħares ’il fuq u qal: “Qed nara xi nies jimxu, imma qed narahom qishom siġar.” 25  Imbagħad reġaʼ messlu għajnejh, u r-raġel fieq u beda jara kollox ċar. 26  Għalhekk, bagħtu lejn id-dar u qallu biex ma jgħaddix mir-raħal. 27  Ġesù u d-dixxipli tiegħu telqu lejn l-irħula taʼ Ċesarija Filippi, u mat-triq beda jistaqsi lid-dixxipli: “In-nies min qed jgħidu li jien?” 28  Huma wiġbuh: “Hemm min qed jgħid Ġwanni l-Battista u min qed jgħid Elija. U oħrajn qed jgħidu li int wieħed mill-profeti.” 29  Imbagħad staqsiehom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Int il-Kristu.” 30  Għal dan hu kkmandahom b’mod sod biex ma jgħidu lil ħadd min kien. 31  Ukoll, beda jgħallimhom li hu, Bin il-bniedem, kien se jkollu jgħaddi minn ħafna tbatija u ma kienx se jiġi aċċettat mill-anzjani,* mill-qassisin importanti, u mill-iskribi. Qalilhom ukoll li kellu jinqatel u jiġi rxoxtat wara tlett ijiem. 32  Fil-fatt, hu kien qed jgħidilhom dan ċar u tond. Imma Pietru ħadu fil-ġenb u beda joġġezzjona.* 33  Għal dan, Ġesù dar, ħares lejn id-dixxipli tiegħu, u kkoreġa* lil Pietru billi qallu: “Itlaq minn quddiemi, Satana, għax m’intix taħseb bħalma jaħseb Alla, imma bħalma jaħsbu n-nies.” 34  Issa hu għajjat lill-folla u lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni* u jibqaʼ miexi warajja. 35  Għax min jipprova jsalva ħajtu,* imut, imma min imut minħabba li jkun dixxiplu tiegħi u minħabba l-aħbar tajba, se jgħix. 36  Għax x’jiswa li bniedem ikollu l-affarijiet kollha tad-dinja imma jitlef ħajtu?* 37  Jew x’se jagħti bniedem biex jixtri ħajtu?* 38  Din il-ġenerazzjoni hi midinba* u mhux leali* lejn Alla. Jekk xi ħadd minnha jistħi għax hu dixxiplu tiegħi u għax jemmen f’dak li ngħid jien, meta jien, Bin il-bniedem, niġi bl-awtorità kbira taʼ Missieri mal-anġli qaddisa, jien ukoll se nistħi ngħid li hu dixxiplu tiegħi.”

Noti taʼ taħt

Jew “sajmin.”
Letteralment “iċanfru.”
Letteralment “ċanfar.”
Jew “imma jrid jaċċetta z-zokk tat-tortura tiegħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ruħu.”
Jew “ruħu.”
Jew “ruħu.”
Jew “tagħmel id-dnub.”
Letteralment “adultera.”