L-Aħbar Tajba Skont Marku 16:1-8
-
Ġesù jiġi rxoxtat (1-8)
16 Meta kien għadda s-Sabat, Marija l-Maddalena, Marija omm Ġakbu, u Salomè xtraw ħwawar biex iħalltuhom maż-żejt u jferrgħuhom fuq il-ġisem taʼ Ġesù meta jmorru ħdejn il-qabar.*
2 Fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* huma marru ħdejn il-qabar kmieni filgħodu meta telgħet ix-xemx.
3 Huma kienu qed jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbeb il-ġebla biex inkunu nistgħu nidħlu fil-qabar?”
4 Imma meta ħarsu, huma raw li l-ġebla kienet ġiet imressqa, għalkemm kienet kbira ħafna.
5 Meta daħlu fil-qabar, raw żagħżugħ bilqiegħda fuq il-lemin liebes ħwejjeġ bojod, u huma baqgħu mbellhin.
6 Hu qalilhom: “Tibqgħux sorpriżi. Intom qed tfittxu lil Ġesù n-Nazzarenu li ġie msammar maʼ zokk, hux hekk? Hu ġie mqajjem. Mhux qiegħed hawn. Ara, dan hu l-post fejn poġġewh.
7 Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru, ‘Hu sejjer qabilkom fil-Galilija u se tarawh hemmhekk bħalma kien qalilkom.’”
8 Għalhekk ħarġu jiġru mill-qabar jirtogħdu u mbellhin. Huma ma qalu xejn lil ħadd, għax kienu mbeżżgħin.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd. Għal-Lhud kienet l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa.
^ Skont manuskritti antiki u taʼ min joqgħod fuqhom, l-Evanġelju taʼ Marku jispiċċa bil-kliem li nsibu f’vers 8. Ara App. A3.