Levitiku 23:1-44

  • Jiem u festi qaddisin (1-44)

    • Is-Sabat (3)

    • Il-Qbiż (4, 5)

    • Il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira (6-8)

    • L-offerti tal-ewwel prodott tal-ħsad (9-14)

    • Il-Festa tal-Ġimgħat (15-21)

    • Kif għandu jsir il-ħsad (22)

    • Il-Festa tad-Daqq tat-Trumbetta (23-25)

    • Jum it-Tpattija (26-32)

    • Il-Festa tal-Għerejjex (33-43)

23  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Il-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova li għandkom tħabbru huma konvenzjonijiet qaddisin. Dawn huma l-festi tal-istaġuni tiegħi:  “‘F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum huwa sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, konvenzjoni qaddisa. Ma tistgħu tagħmlu ebda tip taʼ xogħol. Għandu jkun sabat lil Ġeħova kull fejn tgħixu.  “‘Dawn huma l-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova, konvenzjonijiet qaddisin li għandkom tħabbru fiż-żminijiet stabbiliti tagħhom:  Fl-14-il jum tal-ewwel xahar, bejn inżul ix-xemx u d-dlam isir il-Qbiż lil Ġeħova.  “‘Fil-15 taʼ dan ix-xahar issir il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira lil Ġeħova. Għal sebat ijiem għandkom tieklu ħobż bla ħmira.  Fl-ewwel jum, tridu tagħmlu konvenzjoni qaddisa. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes.  Imma tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova għal sebat ijiem. Fis-sebaʼ jum ikun hemm konvenzjoni qaddisa. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes.’”  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 10  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Meta tidħlu fl-art li qed nagħtikom u tkunu ħsadtu l-ħsad tagħha, ġibu qatta mill-ewwel prodott tal-ħsad tagħkom lill-qassis. 11  U hu jxejjer il-qatta ’l quddiem u lura quddiem Ġeħova biex jikseb l-approvazzjoni għalikom. Il-qassis għandu jxejjirha l-għada tas-Sabat. 12  Dakinhar li tiġi mxejra l-qatta, għandkom toffru muntun żgħir bla difett, fl-ewwel sena tiegħu, bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova. 13  L-offerta taċ-ċereali* tiegħu se tkun 20 fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt, bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova b’riħa pjaċevoli.* L-offerta tax-xorb tiegħu se tkun kwart taʼ ħinn* inbid. 14  M’għandkomx tieklu ħobż, ċereali inkaljati, jew ċereali ġodda sa dan il-jum, sakemm iġġibu l-offerta tal-Alla tagħkom. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom kull fejn tgħixu. 15  “‘Għandkom tgħoddu sebaʼ ġimgħat* mill-għada tas-Sabat, mill-jum meta tkunu ġibtu l-qatta tal-offerta li tiġi mxejra. 16  Għandkom tgħoddu 50 jum sal-għada tas-sebaʼ Sabat, u mbagħad tridu tippreżentaw offerta ġdida taċ-ċereali lil Ġeħova. 17  Mill-postijiet fejn tgħixu għandkom iġġibu żewġ ħobżiet bħala offerta li tiġi mxejra. Dawn għandhom ikunu magħmulin minn 20 fil-100 t’efa* dqiq fin. Iridu jiġu msajrin bil-ħmira, bħala l-ewwel prodott lil Ġeħova. 18  U mal-ħobż għandkom tippreżentaw sebat iħrief irġiel bla difett kull wieħed taʼ sena, barri żgħir,* u żewġt imtaten. Dawn iservu bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova flimkien mal-offerta taċ-ċereali u mal-offerti tax-xorb, bħala offerta li tiġi maħruqa, b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 19  U għandkom toffru gidi bħala offerta għad-dnub u żewġt iħrief irġiel, kull wieħed taʼ sena, bħala sagrifiċċju tal-paċi. 20  Il-qassis irid ixejjirhom ’il quddiem u lura flimkien mal-ħobż tal-ewwel prodott, bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova flimkien maż-żewġt iħrief irġiel. Għandhom iservu bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova u jsiru tal-qassis. 21  F’dan il-jum għandkom tħabbru konvenzjoni qaddisa għalikom. Ma tistgħu tagħmlu ebda xogħol iebes. Din hi liġi għal żmien twil fil-postijiet kollha fejn tgħixu għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 22  “‘Meta taħsdu l-għelieqi tagħkom, taħsduhomx għalkollox sat-tarf u tiġbrux it-tilqit tal-ħsad tagħkom. Għandkom tħalluhom għall-fqir* u għar-resident barrani. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’” 23  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 24  “Għid lill-Iżraelin, ‘Fl-ewwel ġurnata tas-sebaʼ xahar għandkom tistrieħu għalkollox. Din il-ġurnata titħabbar bid-daqq tat-trumbetta sabiex tiftakru li din hi konvenzjoni qaddisa. 25  Ma tistgħu tagħmlu ebda xogħol iebes, u tridu tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova.’” 26  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 27  “Madankollu, l-għaxar jum taʼ dan is-sebaʼ xahar hu Jum it-Tpattija. Għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa, u tridu tgħakksu ruħkom* u tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 28  Tagħmlu ebda tip taʼ xogħol f’dan il-jum partikulari, għaliex hu jum it-tpattija biex issir tpattija għalikom quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom. 29  Kull min ma jgħakkisx* lilu nnifsu f’dan il-jum irid jiġi maqtul.* 30  U kull persuna li tagħmel kwalunkwe tip taʼ xogħol f’dan il-jum, jien neqridha minn fost il-poplu tagħha. 31  Tagħmlu ebda tip taʼ xogħol. Din hi liġi għal żmien twil għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom kull fejn tgħixu. 32  Dan hu sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, u tridu tgħakksu ruħkom fid-disgħa tax-xahar filgħaxija. Għandkom iżżommu s-sabat minn filgħaxija sa filgħaxija.” 33  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 34  “Għid lill-Iżraelin, ‘Fil-15 taʼ dan is-sebaʼ xahar issir il-Festa tal-Għerejjex* għal sebat ijiem lil Ġeħova. 35  Għandha ssir konvenzjoni qaddisa fl-ewwel jum, u m’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes. 36  Għal sebat ijiem għandkom tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Fit-tmien jum, għandkom tagħmlu konvenzjoni qaddisa, u tridu tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Din hi assemblea speċjali. M’għandkom tagħmlu ebda xogħol iebes. 37  “‘Dawn huma l-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova li għandkom tħabbru bħala konvenzjonijiet qaddisin biex tippreżentaw offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova: l-offerta tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali tas-sagrifiċċju, u l-offerti tax-xorb skont l-iskeda taʼ kuljum. 38  Minbarra dawn hemm dak li jiġi offrut lil Ġeħova f’kull sabat, u r-rigali, l-offerti tal-wegħdi, u l-offerti volontarji li għandkom tagħtu lil Ġeħova. 39  Madankollu, fil-15 tas-sebaʼ xahar, meta tkunu ġbartu l-prodott tal-art, għandkom tiċċelebraw il-festa taʼ Ġeħova għal sebat ijiem. L-ewwel jum ikun jum taʼ mistrieħ għalkollox u t-tmien jum ukoll. 40  Fl-ewwel jum, ħudu l-frott tas-siġar mill-isbaħ, u l-friegħi tas-siġar tal-palm, tas-siġar b’ħafna weraq, u tas-siġar tal-luq tal-wied, u ifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom għal sebat ijiem. 41  U ċċelebrawha bħala festa lil Ġeħova sebat ijiem fis-sena. Għandkom tiċċelebrawha fis-sebaʼ xahar bħala liġi għal żmien twil matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 42  Għandkom toqogħdu fl-għerejjex sebat ijiem. Kull min twieled f’Iżrael għandu joqgħod fl-għerejjex, 43  sabiex il-ġenerazzjonijiet taʼ warajkom ikunu jafu li fl-għerejjex kellhom joqogħdu l-Iżraelin meta ħriġthom mill-art tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’” 44  B’hekk, Mosè kellem lill-Iżraelin dwar il-festi tal-istaġuni taʼ Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Għoxrin fil-100 t’efa kien daqs 4.4 litri. Ara App. B14.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Ħinn kien daqs 3.67 litri. Ara App. B14.
Letteralment “sabatijiet.”
Għoxrin fil-100 t’efa kien daqs 4.4 litri. Ara App. B14.
Jew “għoġol.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “għall-batut.”
Li “wieħed jgħakkes ruħu” ġeneralment hu mifhum li jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu b’diversi modi, fosthom is-sawm.
Jew forsi “ma jsumx.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jew “tat-Tined Temporanji.”