Levitiku 15:1-33
-
Materja mill-organi ġenitali (1-33)
15 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè u lil Aron:
2 “Kellmu lill-Iżraelin u għidulhom, ‘Jekk xi raġel ikollu marda u minħabba fiha toħroġlu l-materja mill-organu ġenitali, din il-marda tagħmlu mhux nadif.
3 Hu ma jkunx nadif minħabba t-tnixxija tal-materja, sew jekk din tkun tnixxija kontinwa mill-organu ġenitali tiegħu u sew jekk timblokka l-organu.
4 “‘Kull sodda li jimtedd fuqha dak li jkun marid ma tkunx nadifa, u kull oġġett li jpoġġi fuqu ma jkunx nadif.
5 Kull min imiss is-sodda tiegħu għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
6 Kull min ipoġġi fuq l-oġġett li l-marid kien bilqiegħda fuqu, għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
7 Kull min imiss il-ġisem tal-marid għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
8 Jekk il-marid jobżoq fuq xi ħadd nadif, dan irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
9 Kull sarġ t’annimal li jirkeb fuqu l-marid ma jkunx nadif.
10 Kull min imiss xi ħaġa li tkun taħt il-marid ma jkunx nadif sa filgħaxija, u min iġorrha jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
11 Jekk il-marid ma jkunx ħasel idejh fl-ilma u jmiss lil xi ħadd, dan irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
12 Kull reċipjent tal-fuħħar li jmiss il-marid għandu jitkisser, u kull reċipjent tal-injam għandu jinħasel bl-ilma.
13 “‘Meta r-raġel tiqaflu t-tnixxija tal-materja u jsir nadif minnha, hu mbagħad jgħodd sebat ijiem biex jindaf, u jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma ġieri, u jkun nadif.
14 Fit-tmien jum, hu għandu jieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, jidħol quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jagħtihom lill-qassis.
15 U l-qassis joffri wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq u jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova minħabba t-tnixxija tiegħu.
16 “‘Issa jekk raġel toħroġlu l-isperma, irid jinħasel kollu kemm hu fl-ilma u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
17 Irid jaħsel bl-ilma kull libsa u kull ħaġa tal-ġilda bl-isperma fuqha, u ma tkunx nadifa sa filgħaxija.
18 “‘Meta raġel ikollu x’jaqsam* maʼ mara u toħroġlu l-isperma, it-tnejn iridu jinħaslu fl-ilma u ma jkunux nodfa sa filgħaxija.
19 “‘Meta mara jkollha t-tnixxija tad-demm li jiġiha kull xahar, hi għandha tibqaʼ mhix nadifa għal sebat ijiem. Kull min imissha ma jkunx nadif sa filgħaxija.
20 Kull ħaġa li timtedd jew tpoġġi fuqha meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar, ma tkunx nadifa.
21 Kull min imiss is-sodda tagħha għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
22 Kull min imiss xi oġġett li tkun poġġiet fuqu għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
23 Jekk tkun poġġiet fuq is-sodda jew fuq oġġett ieħor, min imiss dawn l-affarijiet ma jkunx nadif sa filgħaxija.
24 U jekk raġel ikollu x’jaqsam* magħha u jsir mhux nadif minħabba d-demm li jiġiha kull xahar, hu ma jkunx nadif għal sebat ijiem, u kull sodda li jimtedd fuqha ma tkunx nadifa.
25 “‘Meta mara jkollha t-tnixxija tad-demm għal ħafna jiem meta ma jkunx iż-żmien regolari li jiġiha d-demm taʼ kull xahar, jew jekk id-demm li jiġiha kull xahar idum għaddej iktar mis-soltu, hi ma tkunx nadifa l-jiem kollha li jkollha t-tnixxija, bħalma ma tkunx nadifa meta jiġiha d-demm taʼ kull xahar.
26 Kull sodda li timtedd fuqha fil-jiem li jkollha t-tnixxija se tkun bħas-sodda taʼ meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar. Kull oġġett li tpoġġi fuqu jsir mhux nadif bħal meta ma tkunx nadifa minħabba d-demm li jiġiha kull xahar.
27 Kull min imisshom ma jkunx nadif, u jrid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.
28 “‘Madankollu, meta tiqfilha t-tnixxija, hi tgħodd sebat ijiem, u wara tkun nadifa.
29 Fit-tmien jum, hi għandha tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
30 Il-qassis joffri wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq u jagħmel tpattija għaliha quddiem Ġeħova minħabba t-tnixxija mhix nadifa li kellha.
31 “‘Għalhekk, tridu żżommu lill-Iżraelin ’il bogħod min-nuqqas taʼ ndafa tagħhom, biex ma jmutux fin-nuqqas taʼ ndafa tagħhom minħabba li jkunu niġġsu t-tabernaklu tiegħi, li qiegħed f’nofshom.
32 “‘Din hi l-liġi dwar ir-raġel li toħroġlu l-materja, ir-raġel li mhux nadif minħabba li toħroġlu l-isperma,
33 il-mara li ma tkunx nadifa matul il-jiem li jiġiha d-demm taʼ kull xahar, kull min ikollu tnixxija minn ġismu, u raġel li jkollu x’jaqsam* maʼ mara li mhix nadifa.’”