Levitiku 14:1-57
14 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:
2 “Din tkun il-liġi dwar min ikollu l-ġdiem fil-jum li jinġieb għand il-qassis biex jiġi ddikjarat nadif.
3 Il-qassis joħroġ ’il barra mill-kampijiet u jeżaminah. Jekk dan ikun fieq mill-marda tal-ġdiem,
4 il-qassis jikkmandah biex iġib żewġ għasafar ħajjin u nodfa, injam taċ-ċedru, ħajt aħmar jgħajjat, u żuf* biex jindaf.
5 Il-qassis jikkmanda biex wieħed mill-għasafar jinqatel fuq reċipjent tal-fuħħar li fih ilma ġieri.
6 Imma għandu jaqbad l-għasfur il-ħaj flimkien mal-injam taċ-ċedru, il-ħajt aħmar jgħajjat, u ż-żuf, u jbillhom flimkien fid-demm tal-għasfur li nqatel fuq l-ilma ġieri.
7 Imbagħad iroxxu sebaʼ darbiet fuq dak li qed jindaf mill-ġdiem u jiddikjarah nadif, u jitlaq l-għasfur il-ħaj fil-kampanja.
8 “Dak li qed jindaf irid jaħsel ħwejġu u jqaxxar xagħru u s-suf kollu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif. Wara, ikun jistaʼ jidħol ħdejn il-kampijiet imma għal sebat ijiem ma jidħolx fit-tinda tiegħu.
9 Fis-sebaʼ jum, hu għandu jqaxxar xagħru u l-leħja u s-suf taʼ fuq għajnejh. Wara li jkun qaxxar kollox, hu jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif.
10 “Fit-tmien jum hu jieħu żewġ imtaten żgħar bla difett, ħarufa waħda bla difett fl-ewwel sena tagħha, 30 fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali,* u kejl taʼ log* żejt;
11 u l-qassis li jiddikjarah nadif irid jippreżenta lir-raġel li qed jindaf, flimkien mal-offerti, quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
12 Il-qassis jieħu wieħed mill-imtaten żgħar u joffrih bħala offerta għall-ħtija flimkien mal-kejl taʼ log żejt, u jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova.
13 Imbagħad joqtol il-muntun żgħir fil-post fejn is-soltu tinqatel l-offerta għad-dnub u l-offerta tal-ħruq, f’post qaddis, għax bħalma l-offerta għad-dnub hi tal-qassis, hekk ukoll hi l-offerta għall-ħtija. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa.
14 “Imbagħad il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għall-ħtija, u l-qassis ipoġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija.
15 U l-qassis jieħu ftit mill-kejl taʼ log żejt u jferrgħu fuq il-pala t’idu x-xellugija.
16 Il-qassis imbagħad ibill is-subaʼ t’idu l-leminija fiż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu x-xellugija u jroxx b’sebgħu ftit miż-żejt sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova.
17 Imbagħad il-qassis ipoġġi wkoll ftit mill-bqija taż-żejt li jkollu fil-pala t’idu fuq id-demm tal-offerta għall-ħtija li jkun poġġa mad-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija.
18 U dak li jibqaʼ miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu, il-qassis ipoġġih fuq ras dak li qed jindaf u jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova.
19 “Il-qassis jissagrifika l-offerta għad-dnub u jagħmel tpattija għal dak li qed jindaf, u wara joqtol l-offerta tal-ħruq.
20 U l-qassis joffri l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali fuq l-artal u jagħmel tpattija għalih, u hu jkun nadif.
21 “Madankollu, jekk ikun fqir u ma jkollux biex jagħti dawn l-affarijiet, jieħu muntun żgħir wieħed bħala offerta għall-ħtija li tiġi mxejra, sabiex jagħmel tpattija għalih innifsu, flimkien maʼ għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin imħallat biż-żejt bħala offerta taċ-ċereali, kejl taʼ log żejt,
22 u żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, skont dak li jistaʼ jagħti. Wieħed iservi bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq.
23 Fit-tmien jum, hu jġibhom lill-qassis fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiem Ġeħova biex jiġi ddikjarat nadif.
24 “Il-qassis jieħu l-muntun żgħir tal-offerta għall-ħtija u l-kejl taʼ log żejt u jxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova.
25 Imbagħad joqtol il-muntun żgħir tal-offerta għall-ħtija, jieħu ftit mid-demm tal-offerta għall-ħtija, u jpoġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija.
26 U l-qassis iferraʼ ftit miż-żejt fuq il-pala t’idu x-xellugija,
27 u bis-subaʼ t’idu l-leminija jroxx ftit miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu x-xellugija sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova.
28 U miż-żejt li jkollu fuq il-pala t’idu, il-qassis ipoġġi ftit fuq id-dendula tal-widna l-leminija taʼ dak li qed jindaf, fuq is-subaʼ l-kbir t’idu l-leminija, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ siequ l-leminija, fuq l-istess post fejn poġġa d-demm tal-offerta għall-ħtija.
29 U dak li jibqaʼ miż-żejt li jkollu fil-pala t’idu, il-qassis ipoġġih fuq ras dak li qed jindaf sabiex jagħmel tpattija għalih quddiem Ġeħova.
30 “Il-qassis joffri waħda mill-gamiem jew wieħed mill-bċieċen, skont dak li jistaʼ jagħti r-raġel,
31 wieħed bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq, u b’hekk joffri dak li jkun jistaʼ flimkien mal-offerta taċ-ċereali. U l-qassis jagħmel tpattija għal dak li qed jindaf quddiem Ġeħova.
32 “Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem imma ma jkollux biex jagħti dak li jiġi offrut normalment meta jiġi ddikjarat nadif.”
33 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron:
34 “Meta tidħlu fl-art taʼ Kangħan, li qed nagħtikom biex tkun tagħkom, u nippermetti li xi dar fl-art tagħkom tiġi kkontaminata bil-marda tal-ġdiem,
35 sid id-dar irid imur għand il-qassis u jgħidlu, ‘Hemm tip taʼ kontaminazzjoni fid-dar tiegħi.’
36 Il-qassis jikkmanda biex ibattlu d-dar qabel ma jmur jeżamina l-kontaminazzjoni, sabiex ma jiddikjarax kulma hemm fid-dar mhux nadif. Imbagħad jidħol jeżamina d-dar.
37 Hu jeżamina l-parti affettwata, u jekk il-ħitan tad-dar huma kkontaminati bi brix aħdar safrani jew ħamrani li jkun jidher iktar imdaħħal ’il ġewwa minn wiċċ il-ħajt,
38 il-qassis irid joħroġ mid-dar, u jżomm id-dar kwarantina għal sebat ijiem.
39 “Imbagħad il-qassis jerġaʼ lura fis-sebaʼ jum u jeżaminaha. Jekk il-kontaminazzjoni nfirxet fil-ħitan tad-dar,
40 il-qassis jikkmanda biex jaqilgħu l-ġebel ikkontaminat u jitfgħuh ’il barra mill-belt f’post mhux nadif.
41 Imbagħad jgħidilhom joborxu sew id-dar minn ġewwa, u l-kisi li jaqilgħu għandu jintrema ’l barra mill-belt f’post mhux nadif.
42 Imbagħad jieħdu ġebel ieħor u jpoġġuh minflok il-ġebel li qalgħu, u d-dar tiġi mkaħħla b’tajn ieħor.
43 “Iżda jekk il-kontaminazzjoni terġaʼ tidher u tinfirex mad-dar wara li jkunu qalgħu l-ġebel u wara li jkunu barxu d-dar u reġgħu kaħħluha,
44 il-qassis jidħol jeżaminaha. Jekk il-kontaminazzjoni tkun infirxet fid-dar, dan ikun ġdiem bla fejqan fid-dar. Ma tkunx nadifa.
45 Hu jgħidilhom iwaqqgħu d-dar. Il-ġebel, l-injam, u l-kisi kollu tad-dar iġorruhom ’il barra mill-belt lejn post mhux nadif.
46 Imma kull min jidħol fid-dar fil-jiem li tkun qed tinżamm kwarantina ma jkunx nadif sa filgħaxija.
47 U kull min jorqod jew jiekol fid-dar għandu jaħsel ħwejġu.
48 “Madankollu, jekk il-qassis jiġi u jara li l-kontaminazzjoni ma tkunx infirxet fid-dar wara li d-dar tkun reġgħet tkaħħlet, imbagħad il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax ma jkunx għad hemm il-kontaminazzjoni.
49 U biex jippurifika d-dar min-nuqqas taʼ ndafa,* jieħu żewġ għasafar, injam taċ-ċedru, ħajt aħmar jgħajjat, u żuf.
50 U joqtol wieħed mill-għasafar fuq reċipjent tal-fuħħar li fih ilma ġieri.
51 U jieħu l-injam taċ-ċedru, iż-żuf, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għasfur ħaj u jbillhom fid-demm tal-għasfur li nqatel fuq l-ilma ġieri, u għandu jroxxu lejn id-dar sebaʼ darbiet.
52 U jippurifika d-dar min-nuqqas taʼ ndafa* bid-demm tal-għasfur, l-ilma ġieri, l-għasfur il-ħaj, l-injam taċ-ċedru, iż-żuf, u l-ħajt aħmar jgħajjat.
53 Imbagħad hu jitlaq l-għasfur il-ħaj ’il barra mill-belt fil-kampanja u jagħmel tpattija għad-dar, u din tkun nadifa.
54 “Din hi l-liġi dwar kwalunkwe marda tal-ġdiem, infezzjoni tal-qorriegħa jew tad-daqna,
55 ġdiem li joħroġ fil-ħwejjeġ jew fid-dar,
56 u dwar xi nefħa, qoxra, u tebgħa,
57 sabiex tkunu tafu meta xi ħaġa ma tkunx nadifa u meta xi ħaġa tkun nadifa. Din hi l-liġi dwar il-ġdiem.”
Noti taʼ taħt
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Letteralment “mid-dnub.”
^ Letteralment “mid-dnub.”