The Second of Peter 3:1-18

  • Nies li jwaqqgħu għaċ-ċajt dak li hu tajjeb jinjoraw il-qerda li se tiġi (1-7)

  • Ġeħova mhux qed idum (8-10)

  • Aħsbu dwar x’tip taʼ nies għandkom tkunu (11-16)

    • Sema ġdida u art ġdida (13)

  • Oqogħdu għassa ħalli ma titqarrqux (17, 18)

3  Għeżież aħwa, din it-tieni ittra li qed niktbilkom, u bħall-ewwel waħda qed inħeġġiġkom biex taħsbu ċar billi nfakkarkom dak li diġà tafu.  Intom għandkom tiftakru dak li ntqal qabel* permezz tal-profeti leali u t-tagħlim tal-Mulej u Dak li Jsalvana li rċivejna permezz tal-appostli.  L-ewwel nett, kunu afu li fl-aħħar jiem se jkun hawn nies li jwaqqgħu għaċ-ċajt dak li hu tajjeb u jagħmlu dak li jixtiequ.  Huma jgħidu: “Hu wiegħed li se jiġi lura magħna, imma fejn hu issa? Għax minn mindu mietu missirijietna, l-affarijiet baqgħu eżatt l-istess bħalma kienu mill-bidu tal-ħolqien.”  Imma huma apposta jinjoraw dan il-fatt, li s-sema ilha teżisti minn żmien twil ilu u li l-art ħarġet mill-ilma u kienet f’nofs l-ilma permezz tal-kelma t’Alla.  Dawn l-affarijiet qerdu d-dinja taʼ dak iż-żmien. Dan ġara meta kien hemm dulluvju fuq l-art kollha.  Bl-istess kelma, is-sema u l-art li jeżistu issa qed jinżammu biex jiġu meqruda bin-nar. Dawn qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies mhux leali.  Għeżież aħwa tinsewx dan il-fatt, li jum wieħed għal Ġeħova* hu bħal 1,000 sena u 1,000 sena huma bħal jum wieħed.  Ġeħova* mhux qed idum biex jagħmel dak li wiegħed, bħalma jaħsbu xi nies. Minflok, hu qed juri paċenzja magħkom, għax ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem. 10  Imma l-jum taʼ Ġeħova* se jiġi bħal ħalliel, u dakinhar is-sema se tiġi fix-xejn b’ħoss qawwi. L-affarijiet fis-sema u fuq l-art tant se jkunu jaħarqu li se jdubu, u l-art u l-affarijiet taʼ fuqha se jinħarqu. 11  Peress li dawn l-affarijiet se jdubu b’dan il-mod, aħsbu dwar x’tip taʼ nies għandkom tkunu. Aġixxu b’mod qaddis u agħtu prova li intom leali lejn Alla b’dak li tagħmlu. 12  Dan agħmluh hekk kif tistennew u żżommu f’moħħkom il-jum* taʼ Ġeħova.* Dakinhar is-sema se tinqered bin-nar, u l-affarijiet fis-sema u fuq l-art se jdubu tant kemm tkun sħana! 13  Imma hemm sema ġdida u art ġdida li qed nistennewhom skont il-wegħda tiegħu, u fihom dejjem se jkun hemm il-ġustizzja. 14  Għalhekk għeżież aħwa, ladarba qed tistennew dawn l-affarijiet, agħmlu l-aħjar tagħkom biex fl-aħħar Alla jsibkom mingħajr tebgħa, mingħajr difett, u fil-paċi. 15  Iktar minn hekk, il-paċenzja tal-Mulej tagħna kkunsidrawha bħala salvazzjoni, bħalma kitbilkom ukoll l-għażiż ħuna Pawlu skont l-għerf li tah Alla. 16  Infatti, hu kiteb dwar dawn l-affarijiet fl-ittri kollha tiegħu. Imma hemm xi affarijiet fihom li huma diffiċli biex tifhimhom, u dawk li ma jifhmux* u li għandhom fidi dgħajfa qed jgħawġuhom, bħalma jagħmlu bil-kumplament tal-Iskrittura. Dan se jwassal għall-qerda tagħhom stess. 17  Għalhekk għeżież aħwa, peress li għandkom dan l-għarfien minn qabel, oqogħdu għassa ħalli ma titqarrqux mit-tagħlim falz tan-nies ħżiena u b’hekk ma tibqgħux sodi fil-fidi. 18  Minflok, nittama li tkomplu tintwerew iktar u iktar il-qalb tajba kbira tal-Mulej tagħna u Dak li Jsalvana Ġesù Kristu, u li tkomplu titgħallmu dwaru. Ħa tingħata lilu l-glorja issa u għal dejjem. Ammen.

Noti taʼ taħt

Jew “l-affarijiet li tbassru.”
Jew “tkunu ħerqana għall-jum.”
Jew “mhumiex mgħallmin.”